Ir-rigal ta’ Fabrizio

Print Friendly, PDF & Email

Hemm xi ħaġa oħra x’nagħmel?” staqsiet is-segretarja. Id-direttur, tassew imħabbat, ta daqqa t’għajn lill-arloġġ u lid-djarju.

“Għal-lum daqshekk,… nistgħu mmorru. M’għandna xejn aktar!”


Is-segretarja tbissmet: “Hemm il-lista tar-rigali tal-Milied tat-tifel tiegħek. Tinsiex li tliet ijiem oħra jkun il-Milied.!”

“Imn’Alla ħsibt inti f’dan,” ħa d-direttur nifs ‘il ġewwa.

“Naħseb li l-imsejken ibni se jinkorla għalija. U forsi għandu raġun. Ftit li xejn għandi ħin x’inqatta’ għall-familja. X’ħin nasal id-dar fil-għaxija, it-tifel ikun diġà raqad. Kważi qatt ma nitkellmu jiena u hu. Ah! Tal-inqas fil-Milied irrid nagħtih rigal sabiħ. Imma m’għandix ħin. Ej’ nagħmlu hekk: ixtrihuli int. Tħabbilx rasek kemm jiswa. Iftaħ l-ittra u ixtri dak kollu li jrid it-tifel.”

Is-Segretarja fetħet l-ittra u bit-tbissima ċaqalqet rasha: “Jien dejjem nobdi l-ordnijiet tiegħek, imma din id-darba ma nistax.”

“Għax le? Jaqaw hemm xi ħaġa li ma nistax nixtri għal tifel ta’ tmien snin? Xi xtaq. Għidli.”

Mingħajr ma tkellmet, is-segretarja newlet lid-direttur l-ittra ckejkna tat-tifel biex jaqraha: “Għażiż papà, bħala rigal tal-Milied irrid li għas-sena li ġejja inti tħalli kulljum, jew kważi, nofs siegħa ħin għalija. Xejn ma rrid iktar. It-tifel tiegħek Fabrizio.”

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: