Diskriminazzjoni u Persekuzzjoni Reliġjuża
Il-Papa jistieden lill-bnedmin ta’ rieda tajba sabiex ningħaqdu flimkien u nitolbu għal dawk li qed ibatu għax huma ddiskriminati minħabba r-reliġjon jew il-persekuzzjoni biex d-dinjità u d-drittijiet tagħhom ikunu rikonoxxuti għax ilkoll aħwa fil-familja umana.
Kif jista’ jkun li ħafna minoritajiet reliġjużi, llum, ibatu d-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni?
Kif nippermettu f’din is-soċjetà, tant ċivilizzata, li jkun hemm nies ippersegwitati sempliċement għax jistqarru l-fidi tagħhom fil-pubbliku? Mhux biss dan mhux aċċettabbli; iżda huwa diżuman, bla sens.
Il-libertà reliġjuża ma tieqafx biss mal-libertà tal-kult – jiġifieri li n-nies ikunu jistgħu jattendu s-servizz reliġjuż fil-jum ta’ obbligu skont il-kotba sagri tagħhom. Aktar minn hekk, twassalna napprezzaw ‘l-oħrajn fid-differenzi tagħhom u nagħrfuhom tassew bħala ħutna subien u bniet.
Bħala bnedmin, tant għandna affarijiet l-istess, li għandna ngħixu flimkien bil-ferħ li aħna aħwa subien u bniet.
U jalla xi differenza żgħira jew xi differenza sostanzjali, bħal dik reliġjuża, ma ddgħajjifx l-għaqda l-kbira li tagħmilna aħwa subien u bniet.
Ejjew nagħżlu t-triq tal-fraternità. Għax jew ngħixu ta’ aħwa subien u bniet jew nitilfu kollox.
Nitolbu għal dawk li qed ibatu d-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni reliġjuża biex jingħatawlhom id-drittijiet u d-dinjità li jiġu mill-fatt li aħna lkoll aħwa subien u bniet.
Ara wkoll …
Sfidi ta’ Żminijietna fit-Talb …