Il-Papa jitkellem dwar l-Adozzjoni tat-tfal

Print Friendly, PDF & Email

Ma għandniex nibżgħu nagħżlu t-triq tal-adozzjoni, nieħdu r-“riskju” li nilqgħu.

Għax aħna b’xorti ħażina qed ngħixu fi żmien ta’ ħafna ltiema. Kurjuża din: iċ-ċiviltà tagħna hi xi ftit jew wisq iltima, u dan jinħass, li aħna ltiema. Il-figura ta’ San Ġużepp tgħinna nifhmu kif nistgħu nsolvu dan il-fatt li aħna ltiema u li llum qed jagħmel tant ħsara. Ma nġibux wild fid-dinja biss biex ngħidu li aħna wkoll missirijiet jew ommijiet tiegħu jew tagħha. “Aħna ma nitwildux missirijiet, imma nsiru. U ma nsirux biss għax inġibu wild fid-dinja, imma għax nieħdu ħsiebu b’responsabbiltà. Kull darba li xi ħadd jerfa’ r-responsabbiltà tal-ħajja ta’ xi ħadd ieħor, f’ċertu sens ikun iħaddem il-paternità tiegħu fuqu” (Ittra appostolika Patris corde).

Qed jiġuni f’moħħi b’mod partikulari dawk kollha li jiftħu qalbhom biex jilqgħu l-ħajja billi jgħaddu mit-triq tal-adozzjoni, li hi atteġġjament hekk ġeneruż u sabiħ. Ġużeppi jurina li din ix-xorta ta’ rabta mhijiex sekondarja, mhijiex xi soluzzjoni għax m’hemmx x’tagħmel. Din ix-xorta ta’ għażla hija fost l-ogħla xejriet ta’ mħabba u ta’ paternità u maternità.

Kemm tfal fid-dinja qed jistennew li xi ħadd jieħu ħsiebhom! U kemm miżżewġin jixtiequ jkunu missirijiet u ommijiet imma ma jirnexxilhomx għal raġunijiet bijoloġiċi; jew, imqar jekk diġà għandhom ulied, jixtiequ jaqsmu l-imħabba tal-familja ma’ min baqa’ mċaħħad minnha.

Ma għandniex nibżgħu nagħżlu t-triq tal-adozzjoni, nieħdu r-“riskju” li nilqgħu. U llum, ukoll, flimkien mal-fatt li aħna ltiema, hemm ukoll ċertu egoiżmu. L-aħħar darba tkellimt fuq ix-xitwa demografika li għandna llum: in-nies ma jridx ikollhom tfal, jew wieħed biss u xejn iżjed. U tant koppji ma għandhomx ulied għax ma jridux, jew ikollhom wieħed biss għax ma jridux iżjed, imma mbagħad għandhom żewġt iklieb, żewġt iqtates… Eħħ iva, klieb u qtates jieħdu post l-ulied. Iva, tad-daħk, nifhem, imma din hi r-realtà. U din li niċħdu l-paternità u l-maternità lilna tfaqqarna, tnażżgħalna l-umanità tagħna.

Ara t-test kollu tal-Katekeżi tal-Papa Franġisku f-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 5 ta’ Jannar 2022 …

%d bloggers like this: