Nitlobkom maħfra

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 6 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Ħamis ta’ wara l-Epifanija. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Tolqotni ħafna l-aħħar espressjoni ta’ dan l-Evanġelju sabiħ li fih Ġesu jħabbar il-programm tiegħu. “Ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22). L-istil ta’ Ġesu, kif iħobb jinsisti ħafna anke l-Papa Franġisku, mhuwiex l-istil ta’ min iwaddab il-ġebel. Il-kelma ħelwa ta’ Ġesu taf twiddeb u twissi imma qatt mhija nieqsa mill-imħabba.

Dawn l-aħħar sigħat ħafna kkuntattjawni biex juru d-dispjaċir tagħhom, ir-rabja, id-diżgust għall-kliem li s-saċerdot minn tagħna qal fuq ħutna l-gays. Ixxukkjajt ruħi nisma’ u naqra li dan qal x’aktarx li: li tkun gay huwa agħar milli tkun imxajtan. Dan mhux kliem ta’ mħabba; dan huwa ġebel mitfugħ b’qalb li għandha bżonn titgħallem tħobb iżjed u kif iħobb Ġesù.

Wara kollox, smajnieh l-ewwel qari li huwa ċar ħafna mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann l-Appostlu: “Għeżież, aħna nħobbu lil Alla għax hu ħabbna l-ewwel” (1Ġw 4:19). Din l-esperjenza li Alla jħobbok int min int, int fejn int, int magħġun kif int magħġun, Alla jħobbok u aħna nħobbu lil Alla b’risposta għal din l-imħabba li għandu għalina. “Jekk xi ħadd jgħid ‘jiena nħobb lil Alla’ u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb” (1Ġw 4:20). U kif tista’ tobgħod? Tista’ tobgħod anke bi kliem ta’ disprezz, bil-kliem iebes, bil-kalunja, bil-malafama, bid-detrazzjoni – meta inti tnaqqas il-ġieħ u r-rispett lejn xi ħadd. Kemm nużaw kliem iebes!

Min semagħni nħabbar il-messaġġ għall-Milied, semagħni nitkellem fuq l-isem ta’ Malta li ġej wkoll mill-ħlewwa tal-għasel. Kemm ikollna aċtu fi lsienna kultant u ħall iebes għal xulxin! U din tgħodd għal kulħadd: għall-isqof, għall-qassis, għall-patri, għas-soru, għal kull wieħed minna familja ta’ dawk li nemmnu f’Ġesù.

Il-fidi tagħna li l-appostlu San Ġwann jgħid tirbaħ lid-dinja hija fidi li ġejja mir-risposta tagħna għall-imħabba ta’ Alla. “Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara” jgħid San Ġwann, “kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?’ Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb lil Alla, iħobb ukoll lil ħuh” (1Ġw 4: 20-21).

Lil kull min huwa mweġġa’ minħabba kliem iebes li sema’, lill-ommijiet, lill-missirijiet, lill-aħwa, lill-familji ta’ persuni gay li llum iħossuhom mhux biss imweġgħin imma ttraduti mill-Knisja li tant iħobbu, jiena ngħidilhom: ‘Nitlobkom maħfra u nieħu l-passi biex dawn l-affarijiet ma jerġgħux isiru’. Itolbu ħafna għalija għax li jkollok familja kbira kultant anke l-imsaren igergru ġo l-istonku.

Il-Mulej ikun il-qawwa tagħna, l-għajnuna tagħna u d-dawl tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Ġw 4:19 -5,4
Salm: 71 (72):2.14 u 15bċ.17
L-Evanġelju: Lq 4:14-22a

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading