Nies ta’ qalb ġeneruża

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 10 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tal-I ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Qegħdin hawnhekk fil-bidu tal-ministeru ta’ Ġesù. L-Evanġelju skont San Mark jgħidilna li issa Ġwanni hu arrestat, u Ġesù jibda jxandar l-Aħbar it-Tajba. U jibda bil-kliem: “Iż-żmien huwa mitmum. Is-Saltna ta’ Alla waslet, indmu u emmnu fl-Evanġelju”, kliem li juri wkoll ir-rabta ma’ Ġwanni l-Battista.

Nixtieq li naħsbu ftit fuq il-mod kif Ġesù jqiegħed din l-Aħbar it-Tajba. Jgħid: “is-Saltna ta’ Alla waslet”, imbagħad jistieden lin-nies biex jindmu u jemmnu fl-Evanġelju. Ġesù qed jgħid il s-Saltna ta’ Alla waslet – huwa hu preżenti, is-Saltna ta’ mħabba, ta’ ħniena, ta’ maħfra. Huwa Alla li jsalva. Imbagħad jagħmel l-istedina lin-nies biex jindmu u jemmnu fl-Evanġelju. Għalhekk, huwa hu l-ewwel preżenti. Is-Saltna ta’ Alla ma tiddependix fuq min jaċċettaha biex tkun tista’ teżisti. Kultant naqilbuha din, ngħidu: jekk aħna ma nindmux, Alla ma jħobbniex; jekk aħna ma nibdlux il-ħajja tagħna, Alla ma jħobbniex. Mhuwiex hekk. Alla jħobbna u jibqa’ jħobbna. Aħna ma nkunux inħobbuh jekk nirrifjutawh, imma hu jibqa’ jħobbna. Għax dik hi r-realtà: is-Saltna ta’ Alla waslet. Minna jiddependi jekk nilqgħux l-istedina u jekk naċċettawx din l-imħabba ta’ Alla f’ħajjitna.

Għalhekk, meta narawh isejjaħ lill-ewwel dixxipli tiegħu, naraw ukoll l-istedina li għamel Ġesù, u li jistenna lilhom biex b’libertà jwieġbu għal din is-sejħa tiegħu. Hawnhekk għandna lil Xmun u Indri, Ġakbu u Ġwanni. L-erbgħa li huma sajjieda. Ġesù sejħilhom biex jimxu warajh, u biex hu jagħmilhom sajjieda tal-bnedmin. Araw kif jagħżel Ġesù: ma fittixx lil min kellu ħafna flus, lil min kellu l-poter, jew lil min kien magħruf għax għaref ħafna, imma għażel sajjieda biex minnhom hu jagħmel sajjieda tal-bnedmin. Għażel nies ta’ qalb ġeneruża. Naraw it-tweġiba mill-aktar ġeneruża: minnufih telqu x-xbiek, telqu kollox, u marru warajh.  

Ġesù jurihom kif hu juża t-talenti tagħhom għas-saltna tiegħu. Juża l-karatteristiċi tal-ħajja tagħhom għas-saltna tiegħu. Hawnhekk isemmilek żewġ ħidmiet importanti li kienu jagħmlu bħala sajjieda: Xmun u Indri kienu qed ikalaw ix-xbiek, u t-tnejn l-oħra, Ġakbu u Ġwanni, kienu qegħdin isewwu x-xbiek. It-tnejn huma importanti għas-sajjieda. Ġesù wriehom kif dawn it-tnejn huma importanti wkoll għal min hu sajjied tal-bnedmin. Li “ikalaw ix-xbiek” kien importanti biex joħorġu biex iktar nies isiru parti mill-familja ta’ Alla, biex jilħqu lill-imbegħdin; u li “isewwu x-xbiek” ukoll huwa importanti fil-ħajja tal-familja ta’ Alla, għax hemm dejjem x’tirranġa, x’issewwi, xi tfejjaq, hemm dejjem feriti li jridu jitfejqu biex tkun tassew il-familja ta’ Alla u ma tikbirx it-tiċrita li jkun hemm fil-familja ta’ Alla. Għalhekk Ġesù wriehom imbagħad kif jistgħu jużaw dawn it-tnejn għas-saltna tiegħu.

Il-kelma ta’ Alla lilna tistedinna biex aħna nilqgħu din is-saltna tiegħu f’qalbna – ta’ mħabba, ta’ maħfra, ta’ ħniena – u Ġesu jistedinna biex inkunu kollaboraturi fil-ħidma tiegħu. Din tibqa’ tiegħu, għalhekk is-saltna ta’ Alla hi dejjem Alla li jaħdem. Mhux aħna, xi ħadd minna li jgħid “bis-saħħa tiegħi qed isiru dawn l-affarijiet ta’ ġid, bis-saħħa tiegħi qed ngħin lin-nies”. Hi bil-qawwa ta’ Alla li taħdem fina jekk aħna nilqgħuha, u jekk aħna naċċettawh u nkunu kollaboraturi miegħu.

Nitolbu din il-grazzja li aħna nilqgħu s-saltna tiegħu f’qalbna, li Ġesù minna jagħmel dixxipli tiegħu, u mbagħad inkunu ġenerużi biex minna jagħmel ukoll kollaboraturi fil-ħidma tas-saltna tiegħu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

One thought on “Nies ta’ qalb ġeneruża”

Leave a Reply

%d bloggers like this: