Qegħdin inħallu l-Mulej jgħallimna l-lingwaġġ tal-imħabba?

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 16 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-Tieni Ħadd matul is-sena. Knisja ta’ San Martin ta’ Tour, Baħrija.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Bħalma għarus jitgħarres xebba, hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek; u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu, hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek” (Iż 62:5). Dan hu kliem il-profeta Iżaija magħżul illum biex jitfa’ dawl fuq l-Evanġelju sabiħ li għadna kemm smajna. Ġesù u Marija jmorru f’tieġ f’Kana tal-Galilija. X’aktarx kien xi ħadd jiġi mill-Madonna għax hija l-ewwel waħda li tissemma fost il-mistednin li nafu bihom. “Omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu” (Ġw 2:1-2).

Fit-tieġ ta’ Kana hemm iż-żewġ għarajjes. Ma nafux x’isimhom imma nafu li ħin minnhom peress li naqashom l-inbid, sabu ruħhom f’diffikultà kbira. Kif se tferraħ il-mistednin jekk m’għandekx x’tagħtihom jixorbu? Imma l-Evanġelju ta’ San Ġwann donnu jrid jinsisti li l-veru għarus fit-tieġ ta’ Kana huwa dak li kapaċi jibdel l-ilma f’inbid u bl-abbundanza. Huwa Ġesù, l-għarus li jitgħaxxaq bil-komunità tiegħu “bħalma għarus jitgħarras xebba, hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek” (Iż 62:5).

Kemm hi sabiħa din il-kelma li juża l-profeta Iżaija: “Il-Mulej il-Bennej tiegħek”. Jiena għandi l-pjaċir niċċelebra l-Ewkaristija fostkom, komunità antika u żagħżugħa, u min jaf kemm-il darba Patri Ray Francalanza u l-patrijiet sħabu l-Agostinjani li qed jieħdu ħsieb din il-komunità għal dawn l-aħħar snin, smajtuhom jgħidu li jridu jibnu l-komunità bħalma anke żewġ għarajjes jgħidu li jixtiequ jibnu familja. Kif tagħmel? Il-Mulej jippreżenta lilu nnifsu propju bħala l-bennej tagħna. Il-mistoqsija li nagħmlu llum hi li aħna qed inħalluh jibnina? X’inhi r-riċetta biex inħalluh jibnina? Ir-riċetta hi li nħalluh jgħallimna l-lingwaġġ, il-kelma, il-ħarsa, it-tgħanniqa tal-imħabba.

Dak huwa l-lingwaġġ, dik hija l-kelma ta’ Ġesù, dawk huma l-ġesti tiegħu. Allura tajjeb li nibda minni nnifsi u nistaqsi jekk dak li ngħid, li nikteb, li nagħmel, li naħseb u li nsawwar ġo qalbi huwiex ħiereġ mill-imħabba. Jekk huwa ħiereġ mill-imħabba, Ġesù qed jibnini. Jekk aħna nindukraw lil xulxin, ngħożżu lil xulxin, nitkellmu fuq xulxin anke fuq is-social media b’imħabba, il-Mulej ikun qed jibni l-komunità tagħna. “Bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu, hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek” (Iż 62:5).

Kemm huma kliem sbieħ dawn meta niftakru li l-Mulej li jqassam l-ispirtu tiegħu tal-imħabba b’diversi doni. Kulħadd għandu d-doni mogħtija mill-ispirtu qaddis li huwa l-ispirtu tal-imħabba biex iħobb. L-omm li qed trabbi l-ulied għandha d-don tal-paċenzja, don importanti. Mhux qed ngħid il-missier le, għax il-paċenzja hija espressjoni tad-don tal-imħabba. Min jgħid kelma ta’ ġid bl-imħabba l-Mulej jagħtih id-don tal-għerf u l-għaqal. Min għandu bżonn jaħfer, il-Mulej jagħtih id-don ta’ qalb li tagħder u tifhem. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, l-ispirtu tal-imħabba, biex jagħtina d-doni tiegħu li għandna bżonn skont iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna u skont il-bżonn biex nikbru fl-imħabba.

Illum se nbierek żewġ opri ta’ arti sbieħ li jirrapreżentaw din l-imħabba: il-qadi, id-djakonija, l-imħabba l-id li tgħin lil ħaddieħor, l-id li hija propju qiegħda hemm biex tiġbed ’il fuq lil dak li għandu bżonn ,u l-id miftuħa tal-Mulej li fl-Ewkaristija jgħidilna: “Ejjew għandi intom ilkoll li intom imħabbtin u mtaqqlin u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Dan huwa l-lingwaġġ tal-imħabba konkreta, ta’ min jilqa’ u jilqa’ wkoll l-istedina għall-mejda tal-imħabba tiegħu.

Il-Mulej kien ġeneruż ħafna ma’ dawn iż-żewġ għarajjes ta’ Kana meta ma kienx fadlilhom inbid. Il-Mulej ma ġabx żewġt ifliexken minn xi mkien. Ġabilhom sitt ġarar tal-ilma li kien fihom ilma umli li jintuża għall-ħasil tas-saqajn u għall-purifikazzjoni; kienu ġarar kbar ta’ xi 120 litru kull waħda. Dawn spiċċaw. Iżda bl-għajnuna ta’ Marija u ta’ Ġesù, minn xejn inbid, spiċċaw b’720 litru inbid! Immaġinaw! Kellhom mhux biex jagħmlu tieġ wieħed u naħseb kif ngħidu llum setgħu jfaddlu wkoll għall-magħmudija, jekk mhux għall-griżma. Għax il-lingwaġġ ta’ Ġesù huwa dejjem lingwaġġ ta’ ġenerozità, ta’ abbundanza. San Ġwann jinsisti fuq dan l-ammont proprju biex jgħidilna biex ma naqtgħux qalbna, nafdawh, u nafdaw li l-imħabba taħfer, tħenn, tagħder u tfejjjaq. Nafdawh bħala l-għarus li jibni l-komunità tiegħu għaliex il-ferħ li jġib huwa ferħ mhux bin-nofs imma bl-abbundanza.

L-Evanġelju tal-lum isemmi lill-Madonna; l-Evanġelju ta’ San Ġwann, ir-raba’ Evanġelju, jsemmiha issa f’dan il-mument u lejn l-aħħar ħdejn is-salib ta’ binha. Hawnhekk qiegħda kważi timbotta lil Ġesù biex juri l-glorja tiegħu lid-dixxipli, juri min hu, juri min hu, juri li huwa l-għarus li ġej biex jitgħaxxaq bil-komunità li jixtieq jibni. Imma dan kollu għandu prezz u hi li timbottah għall-ewwel pass, tkun miegħu ħdejn is-salib u jafdaha bina: “Hawn hi ommok”  “Ħawn  hu Ibnek” (Ġw 19:26,27). Kemm hi ħaġa sabiħa li nifhmu li meta nistiednu l-Mulej ma jġibx biss lid-dixxipli tiegħu, lilna, imma jġib wkoll lil ommu u fejn hemm l-omm hemm kelma waħda biss: imħabba.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 62:1-5
Salm: 95:1-2a,2b-3,7-8a,9-10aċ
Qari II: 1 Kor 12:4-11
L-Evanġelju: Ġw 2:1-11

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: