Minn żmien il-Papa Ġwanni XXIII bdiet tingħata iktar enfasi fuq il-ħniena
Il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena tal-2015/6 ġie u għadda, imma l-Ħniena ta’ Alla għalina tibqa’ hemm. Għalhekk huwa tajjeb li min żmien għal żmien infakkru lil xulxin f’dan l-attribut divi u fl-istess ħin ukoll f’dan l-obbligu li lkoll għandna lejn xulxin, il-Ħniena.
Din il-kitba hija meħuda mill-Corriere della Sera, 8 ta’ Diċembru 2015 – kitba ta’ ENZO BIANCHI.
“Fi żminijietna, l-Għarusa ta’ Kristu [il-Knisja] tippreferi tuża d-duwa tal-ħniena flok taqbad l-armi tas-severità ħarxa.” Dan il-kliem tal-Papa Ġwanni XXIII fid-diskors tal-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II aktar minn ħamsin sena ilu jirrappreżenta żvolta evanġelika fil-Knisja Kattolika: wara sekli ta’ ħajja ekkleżjali kkaratterizzata minn reżistenza għall-bidla, ħafna drabi bl-eżerċizzju ta’ ministeru ta’ kundanna, rajna bidu ta’ żmien ġdid, ikkaratterizzat mill-eżerċizzju tal-ħniena: kemm fil-knisja, kemm lejn l-umanità kollha, lejn dik id-“dinja” li “Alla tant ħabb li taha lill-Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3,16). Fid-dawl li tana Ġwanni XXIII, ftit snin wara Pawlu VI wasal biex jafferma: “Jalla jkollna fil-ħajja tal-knisja… żmien ta’ libertà akbar, jiġifieri ta’ inqas obbligi legali u inqas tfixkil intern. Id-dixxiplina formali għandha titnaqqas, kif ukoll titwarrab kull intolleranza arbitrarja, kull assolutiżmu… U nippromwovu dak is-sens ta’ dik il-libertà Nisranija, li tant kien għal qalb l-ewwel insara, meta dawn tgħallmu jeżentaw ruħhom mill-ħarsien tal-liġi ta’ Mosè u mill-preskrizzjonijiet ritwali kkumplikati tagħha”.
Warajh, Ġwanni Pawlu II iħoss il-bżonn li jiddedika t-tieni enċiklika tiegħu preċiżament lit-tema tal-ħniena: “Il-knisja ta’ żmienna – jikteb – jeħtieġ li ssir aktar konxja tal-ħtieġa li tagħti xhieda tal-ħniena ta’ Alla fil-ħidma tagħha kollha kemm hi… Il-knisja tal-lum hija konxja ħafna li huwa biss fuq il-bażi tal-ħniena ta’ Alla li tista’ tagħmel il-ħidmiet tagħha li joħorġu mit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II”.
Imbagħad, il-Kardinal Joseph Ratzinger, fl-omelija tal-quddiesa fil-bidu tal-konklavi li fih hu kien se jinħatar bħala Papa, qal: “Ejjew nilqgħu bil-ferħ it-tħabbira tas-sena tal-ħniena (cf. Is 61,2) … Ġesù Kristu huwa l-ħniena divina nnifisha: li niltaqgħu ma’ Kristu jfisser li niltaqgħu mal-ħniena divina … Aħna msejħin biex nippromwovu, mhux biss bil-kliem imma anke b’ħajjitna, u permezz tas-sinjali effikaċi tas-Sagramenti “is-sena tal-Ħniena tal-Mulej”. Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku wassal din l-aħbar f’diversi okkażjonijiet: “Ninsabu hawn, qal bil-qawwa kollha, biex nisimgħu l-leħen tal-Ispirtu li jitkellem fil-Knisja kollha fi żmienna, li huwa proprju ż-żmien tal-ħniena. Jiena żgur minn dan … qed ngħixu fiż-żmien tal-ħniena”.
It-tħabbira ta’ din is-sena tal-Ġublew straordinarju, iffukat preċiżament fuq il-ħniena, jidher għalhekk li huwa l-frott ta’ din il-mixja ta’ għarfien tal-urġenza tal-ħniena, mill-Papa Ġwanni sal-Papa Franġisku, mixja li għaliha kkontribwew għadd kbir ta’ rġiel u nisa “ta’ rieda tajba”, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Knisja Kattolika. Kien hemm il-Protestant Albert Schweitzer – tabib, teologu u mużiċist li telaq kollox biex jgħix mal-lebbrużi fl-Afrika u jiddedika ħajtu għalihom sa ma miet fl-1965 – li fit-testment tiegħu ħalla miktub: “Jeħtieġilna nsiru ċiviltà u umanità li għandhom il-ħniena bħala bażi”.
F’din is-sena tal-ġublew il-Knisja, għalhekk, trid tiddedika ruħha aktar minn qatt qabel biex tħaddem il-ministeru tal-ħniena, kemm internament kif ukoll fi djalogu mad-dinja. Issa, li wieħed jikkontempla, jitlob u jfittex il-ħniena b’ubbidjenza lejn l-Iskrittura Mqaddsa u t-tradizzjoni tal-Knisja, dan ifisser l-ewwelnett li nifhmu l-ħniena bħala attribut ta’ Alla, anzi bħala l-istess identità ta’ Alla, skont il-kliem tas-Salm 58: “Deus meus, misericordia mea”. Il-kbir ħassieb Lhudi Abraham J. Heschel kiteb dwar il-verità l-aktar profonda ta’ Alla: “Lil hinn mill-moħħ hemm il-misteru, imma lil hinn mill-misteru hemm il-ħniena”. Iva, għax il-misteru ta’ Alla mhuwiex enigma imma rivelazzjoni: dak ta’ Alla li hu ħniena.
Imma xi tfisser “ħniena”? Fit-Testment il-Qadim – kemm fl-Ebrajk oriġinali kif ukoll fit-traduzzjoni tal-Grieg antik imsejħa “Septuaginta – tas-Sebgħin” – hemm rikkezza kbira fil-kliem, iżda l-ħafna termini li jikkonċernaw l-imħabba u l-ħniena ħafna drabi jħalltu t-tifsiriet u jintużaw bħala sinonimi. Il-ħniena tinsab fl-ispazju semantiku għani ħafna tal-imħabba: tindika t-tjubija, li wieħed irid il-ġid, l-indulġenza, il-ħbiberija, id-dispożizzjoni, il-maħfra, il-pjetà, il-grazzja. Għandha ħafna wċuħ u wkoll ħafna attributi: il-ħniena ta’ Alla hi “dejjiema”, “fidila”, “prezzjuża”, “meraviljuża”, “aħjar mill-ħajja”, “ogħla iktar mis-smewwiet”, kif ikantaw is-Salmi diversi drabi. . Fil-mogħdija mill-Ebrajk għall-Grieg u mbagħad għal-Latin tal-Vulgata, din il-varjetà fil-kliem gradwalment ikkondensat madwar it-terminu “ħniena”, li turi “qalb lejn min hu fqir”.
Ġesù ta’ Nazaret, il-bniedem Iben Alla, il-bniedem kif Alla dejjem xtaq li jkun, wettaq b’attitudnijiet u kliem din il-“qalb ta’ Alla għall-fqara”, din ix-xbieha ta’ Alla ħanin. L-Evanġelju hu l-aħbar it-tajba tal-ħniena. Hemm bidla qawwija u deċiżiva li għamel Ġesù dwar it-tħabbira tal-ħniena ta’ Alla għall-midneb: anke għal Ġesù l-ġustizzja u l-ħniena jibqgħu f’tensjoni, imma hu ma jiġġudikax illum, fl-istorja. U bħalma l-ħniena tikkaratterizza l-ministeru tiegħu u r-relazzjoni tiegħu man-nies li jiltaqa’ magħhom, hekk fil-prattika kull ġudizzju jitħalla barra, u ma ssir ebda kundanna.
Dan hu messaġġ bla preċedent u saħansitra skandaluż għall-istess nies ta’ żmien Ġesù, iżda huwa messaġġ li għadu sal-lum kapaċi jbiddel il-mixja tal-istorja. Jekk Albert Camus, bir-raġun kollu, kiteb li “fl-istorja tal-umanità kien hemm mument li fih xi ħadd tkellem dwar il-maħfra u l-ħniena, imma dan ftit dam, bejn wieħed u ieħor xi sentejn jew tlieta, u l-istorja tiegħu spiċċat ħażin”, is-sena tal-ġublew tal-ħniena miftuħa mill-Papa Franġisku trid iġġedded żmien ta’ grazzja u twieġeb għax-xewqa għall-paċi li tgħammar fil-qalb tal-bniedem.
Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdres