Ġwanni Pawlu II fil-Jum Dinji tal-Paċi

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-XV-IL JUM MONDJALI TAL-PAĊI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Sollennità ta’ Marija Santissma Omm Alla
Bażiilika ta’San Pietru, 1 ta’ Jannar 1982

“Il-Paċi, don ta’ Alla afdat lill-bnedmin”.

1. Illum qegħdin nidħlu f’Sena Ġdida: is-Sena tal-Mulej 1982.

F’dan l-ewwel jum tas-sena l-ġdida ejjew inħossu ndirizzat lilna, mill-ġdid għal darb’oħra, il-messaġġ tal-Milied fis-sempliċità u l-profondità kollha tiegħu. Dan ikellimna bix-xhieda tar-Rgħajja ta’ Betlem, li – wara li kienu żaru lit-Tarbija ma’ Marija u Ġużeppi – irriferew dak li kien intqal lilhom (cf. Lq 2,17). U hekk saru l-ewwel messaġġiera tal-Ġrajja u tal-Misteru, li grazzi lilhom, beda jinfirex billi jagħti xhieda fost in-nies.

B’mod speċjali, iżda, il-Knisja tidħol fis-sena l-ġdida billi tiċċelebra l-Maternità Divina ta’ Marija Verġni ta’ Nażżaret, li permezz tal-“fiat” tagħha saret, bl-opra tal-Ispirtu Santu, Omm il-Verb Etern, it- “Theotokos”.

It-twelid terren ta’ Alla, il-Milied, jintrabat b’mod strett mal-Maternità Divina ta’ Marija. It-twelid tal-bniedem jintrabat b’mod strett mal-maternità. Il-bniedem jiġi kkonċeput fil-ġuf tal-omm u jitwieled minn ġufha. Meta tiġi l-milja taż-żmien u Alla, Missier Etern, bagħat lil Ibnu, bagħtu wkoll bħala “mwieled minn mara” (Gal 4,4).

Is-Sena l-Ġdida tagħti bidu, biex ngħidu hekk, għal “milja taż-żmien” ġdida. U propju din il-milja, li mil-llum nibdew biex nesprimu biċ-ċifra “1982”, toħroġ mill-misteru tal-Milied.

Flimkien mat-twelid terren ta’ Alla ġie lill-bnedmin il-messaġġ tal-paċi. Dan ikkaratterizza l-ġrajja ta’ Betlem b’għajta partikolari: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb” (Lq 2,14).

2. “Il-bnedmin li huwa jħobb…”

Il-Liturġija tas-sollennità tallum tindika li l-bniedem għandu l-bidu tiegħu f’Alla; mhux biss fiż-żmien, mhux biss fil-ġuf tal-omm, imma f’Alla nnifsu.

Illum qegħdin niffesteġġjaw il-Maternità ta’ Marija, billi niffissaw għajnejna fuq il-Paternità ta’ Alla, fuq il-pjan patern etern tiegħu.

“Meta waslet il-milja taż-żmiren, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara… sabiex nirċievu l-adozzjoni ta’ wlied. U li intom ulied huwa prova l-fatt li Alla bagħat fi qlubna l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat: Abbà, Missier!” (Gal 4,4-6).

Hekk aħna wlied permezz tal-Iben.

L-oriġni tagħna hija fil-Missier permezz tal-Iben.

Il-filjolanza t’adozzjoni divina hija fina bl-opra tal-Ispirtu Santu, li huwa l-Ispirtu tal-Iben.

Propju dan l-Ispirtu jippermettilna li naħsbu f’Alla bħala “Missier” u li nkellmu lil Alla bħala “Missier”.

Kemm bnedmin fid-dinja jesprimu ruħhom b’dan il-mod!

U jekk xi wħud ma jgħidux dan espressament, bdanakollu, almenu b’xi moviment tal-ħsieb, kultant bla mistenni, iduru lejn Alla propju b’dan il-mod “Missier”.

U kemm b’mod ġeneruż jiġi “mibgħut fil-qlub” l-Ispirtu tal-Iben!

Hekk mela, illum niffesteġġjaw is-sena l-ġdida, billi niffissaw għajnejna fuq il-paternità ta’ Alla, fuq il-pjan patern etern tiegħu.

Jekk fl-istess ħin niċċelebraw dan il-jum ukoll bħala l-Jum mondjali ta’ talb għall-paċi, dan nagħmluh propju fid-dawl tal-Missier.

Huwa infatti fid-dawl tal-Missier li aħna msejħin għall-Paċi. Hemm bżonn li l-ewwel jum ta’ kull sena ifakkarna dan, u hekk iġedded fil-familja umana kollha ix-xewqa tal-paċi.

Aħna msejħin għall-paċi bil-verità kollha tat-twelid terren ta’ Alla.

Il-ġrajja ta Betlem giet marbuta, darba għal dejjem, mal-messaġġ: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin”.

3. Il-messaġġ ta’ dan il-Jum Mondjali tal-Paċi żviluppa l-verità li kienet kantata fuq il-maxtura ta’ Betlem.

“Il-paċi, don ta’ Alla affdat lill-bnedmin”, li jfisser: Il-Paċi – don ta’ Alla – jiddependi mir-rieda tajba tal-bnedmin!

F’dinja, li fiha theddid serju jkompli jagħfas fuq il-paċi minkejja l-isforzi ta’ tant persuni biex tingħata preċedenza lil mentalità ta’ paċi. Il-bniedem irid dejjem jinterroga lilu nnifsu dwar is-sens u dwar il-kondizzjonijiet tal-eżistenza propja, kemm dik personali kif ukoll dik komunitarja, bl-iskop li joħloq din il-paċi, li “tirriżulta mid-dinamiżmu tar-riedi ħielsa, immexxija mir-raġuni lejn il-ġid komuni li jintlaħaq fil-verità, fil-ġustizzja u fl-imħabba” (Ġwanni Pawlu II, Nuntius ob diem ad Pacem fovendam dicatum, 4, die 8 dec. 1981: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, IV, 2 [1981] 1185).

Dan l-ordni razzjonali u morali li huwa l-paċi ma jistax jiġi għajr minn Alla bħala sies tiegħu, minn Alla li jirregala l-ħolqien lill-umanità biex iqiegħdha għas-servizz ta’ kulħadd; minn Alla, li huwa l-garanzija tad-drittijiet kollha fundamentali tal-bniedem; minn Alla, fl-aħħarnett, li jdawwal il-qlub u jsaħħaħ ir-rieda.

Alla ma jirrifjutax il-paċi tiegħu: huwa joffriha lill-bnedmin, jafdaha lill-bnedmin.

Imma kemm għadna ‘l bogħod, f’bosta sitwazzjonijiet, mit-twettiq sħiħ ta’ dan id-don ta’ Alla! In-nuqqas tal-paċi f’partiiet differenti tad-dinja għadu jimponi maġġorment il-konvinzjoni li l-paċi hija l-ewwel don ta’ Alla u għalhekk hija dejjem trid tkun mitluba mill-ħniena divina, b’talb mas jaqtax u fiduċjuż, universali u unanimu.

Waqt li fil-lejl ta’Betlem irrivela l-paternità ta’ Alla fil-konfront tal-bnedmin, Iben Marija rrivela d-don tal-paċi fl-istess sors tagħha. Bix-xhieda tal-ħajja kollha u bil-kelma tal-Vanġelu, huwa għallem li l-bnedmin għandhom jagħmlu minn dan id-don il-ġid ta’ talbhom u l-ġid tal-istorja terrena tagħhom: “Imberkin dawk li jġibu l-paċi, għaliex ikunu msejħa wlied Alla”(Mt 5,9).

Il-paċi – don ta’ Alla – jiddependi fuq l-art mir-rieda tajba tal-bnedmin. Il-bnedmin ta’ “rieda tajba” huma fl-istess ħin il-bnedmin li Hu, Alla, iħobb.

4. Jikteb l-Appostlu: “Alla bagħat fi qlubna l-Ispirtu ta’ Ibnu jghħajjat: Abbà, Missier!. Mela mintix iktar ilsir, imma iben; u jekk iben, int ukoll werriet bir-rieda ta’ Alla” (Gal 4,6-7).

Fil-profond tal-qalb umana isseħħ ġlieda kbira: l-“iben” jissielet mal-“ilsir”.

Din il-ġlieda sseħħ fl-istess ħin fl-istorja tal-bniedem fuq l-art.

Il-bniedem jistà jsir “ilsir” b’modi differenti. Jistà jkun “ilsir” meta jillimita l-libertà tiegħu, meta jiċċaħħad minn drittijiet umani oġgettivi: imma hu jistà wkoll isir ilsir minħabba abbuż tal-libertà li hija propja tiegħu.

Il-bniedem kontemporanju huwa mhedded minn “skjavitù” ikkawżata mill-prodotti ta’ ħsiebu u mir-rieda tiegħu, prodotti li jistgħu jservu lill-umanità, imma jistgħu wkoll ikunu mdawra kontra l-bniedem.

Propju “f’dan”, bħalmsa ktibt fl-enċiklika Redemptor Hominis, “donnu jikkonsisti l-att ewlieni tad-dramm tal-eżistenza umana kontemporanja… Il-bniedem, għalhekk, jgħix dejjem iktar fil-biżà. Huwa jibżà li l-prodotti tiegħu, nsaturalment mhux kollha u mhux fil-parti l-kbira, imma xi wħud u propju dawk li jinkludu porzjon speċjali tal-ġenjalità tiegħu u tal-inizjattiva tiegħu, jistgħu jkunu mdawra b’mod radikali kontrih stess” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 15).

Dan huwa dak li jiġri, bn’mod partikolari, fl-ipotesi ta’ konflitt nukleari. Bħalma jirriżulta, infatti, mid-dokument imħejji mill-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi u ppreżentat minn Delegazzjonijiet apposta, li jiena bgħatt lil erbà Kapijiet tal-Istat u lill-President tal-Assemblea tal-Ġnus Magħquda, “kull gwerra nukleari tferrex b’mod inevitabbli, il-mard u t-tbatija fi proporzjonijiet u fuq skala ġganteska u bla ma jkun possibbli intervent mediku effikaċi”. Minbarra, infatti, il-qerda massiva ta’ ħajjiet umani, “it-tbatijiet tal-popolazzjoni li tibqà ħajja jkunu bla konfront. Il-komunikazzjonijiet, il-fornazzjoni tal-ikel u tal-ilma jkunu kompletament interrotti. Wieħed ma jkunx inqas, fl-ewwel jiem, jażżarda joħroġ barra l-bini biex ifittex għajnuna, mingħajr is-sogru ta’ radjazzjoni mortali. Id-diżintegrazzjoni soċjali wara attakk simili tkun immaġinabbli…

L-espożizzjoni għal dożi massivi ta’ radjazzjoni tnaqqas ir-reżistenza lill-batteri u lill-virus, u tistà konsegwenza ta’ dan tiftaħ it-triq għal infezzjonijiet imferrxa. Ir-radjazzjonijiet jaġixxu barra minn dan fuq feti numerużi billi jqanqlu ġrieħi ċerebrali irriversibbli u defiċjenzi mentali. Barra minn dan tiżdied b’mod konsiderevoli l-inċidenza ta’ tipi numerużi ta’ kanċer f’dawk li jibqgħu ħajjin. Deterjorazzjonijiet ġenetiċi jiġu trażmessi lill-ġenerazzjonijiet suċċessivi kemm-il darba jkun hemm.

Eżami oġġettiv tas-sitwazzjoni sanitarja li jkun hemm wara gwerra nukleari jwassal għal konklużjoni waħda biss: il-prevenzjoni hija l-uniku ċans tagħna ”.

Fl-ewwel jum tas-Sena l-Ġdida aħna nitolbu li din il-ġlieda tal-“iben” mal-“ilsir” – ġlieda li  taqsam il-qlub u l-istorja tal-bniedem – tintrebaħ mill-“iben”.

Fl-istess ħin, indawru ħarsitna lejn il-personaġġ li, wara tminn sekli, jkompli jiddi fuq ix-xefaq ta’ din is-sena bid-dawl sħiħ tiegħu: San Franġisk t’Assisi

Huwa jgħid bix-xhieda ta’ ħajtu, lill-bnedmin kollha ta’ żmienna: “Mintix iktar ilsir, imma iben; u jekk iben, inti werriet bir-rieda ta’ Alla” (Gal 4,7).

Barra minn hekk huwa jistedinna biex nitolbu għall-paċi wkoll bit-talba minnu komposta: “Mulej, agħmel minna awturi tal-paċi; hemm fejn jiddomina l-odju, agħmel li nħabbru l-imħabba; hemm fejn tferi l-offiża, li aħna noffru l-maħfra, hemm fejn jinferixxi n-nuqqas ta’ ftehim, agħmel li aħna nibnu l-paċi.

5. Hekk, mela, fuq l-għatba tas-Sena l-Ġdida nimmeditaw, għal darb’oħra, dwar il-ġrajja ta’ Betlem, dwar il-misteru tat-Twelid terren ta’ Alla u ejjew nitolbu għall-paċi, don tal-Missier, li hu afda lil kull bniedem u lil kulħadd.

Fiċ-ċentru stess ta’ dan it-talb għall-paċi fl-art insibu l-Omm. Insibu lil Marija,  li kienet taħżen u timmedita f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha, marbuta mat-Twelid terren ta’ Alla (cf. Lq 2,51).

L-Omm: xhud għassies tal-misteru tal-Inkarnazzjoni.

L-Omm: xhud tat-Twelid ta’ Alla f’esseri uman.

L-Omm: xhud tal-elevazzjoni tal-bniedem f’dan it-Twelid.

L-Omm: xhud tat-tbatijiet kollha u tal-ferħ kollu uman, tat-tamiet u tat-theddid uman kollha: L-Omm tal-Paċi!

L-ewwel f’Betlem, imbagħad f’Nażżaret, imbagħad fuq il-Kalvarju, imbagħad fiċ-Ċenaklu tal-Pentekoste, u mbagħad f’tant postijiet tad-dinja.

Hija taħżen u timmedita dawn il-ħwejjeġ kollha f’qalbha: biżżerjjed telenka wara xulxin bil-ħsieb is-santwarji tagħha, Minn Guadelupe għal Lourdes, f’Fatima, sa Jasna Gora f’art twelidi u tant oħrajn: Hija hi dejjem l-Omm: Omm Alla u l-bnedmin.

Hija ssostni dejjem il-paċi, don ta’ Alla afdat lill-bnedmin.

Mela, f’dan l-ewwel jum tas-Sena l-Ġdida nixtieq mill-ġdid għal darb’oħra norbot il-kawża kbira tal-paċi fuq l-art mal-Maternità ta’ Marija, Omm Alla u Omm il-bnedmin.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading