Il-Papa: ‘Sikktu l-armi kollha. Dawk li jagħmlu l-gwerra jinsew l-umanità!’

Print Friendly, PDF & Email

“F’dawn il-jiem ġejna xxukkjati b’xi ħaġa traġika: l-gwerra!”

B’dan il-kliem il-Papa Franġisku nieda sensiea ta’ appelli: għat-talb u l-qrubija ta’ dawk li qed isofru mill-attakk Russu fl-Ukrajna; għall-ftuħ ta’ servizzi umanitarji għal dawk li kellhom jitilqu mill-pajjiż; u, għal riżoluzzjonijiet politiċi għal kunflitti mdemma fl-Ukrajna u f’partijiet oħra tad-dinja.

Waqt l-Angelus tal-Ħadd, il-Qdusija Tiegħu qal: “Ħafna drabi, tlabna biex din it-triq ma tittieħedx,” u talab lill-fidili biex ikomplu jitolbu lil Alla b’mod aktar intens.

Il-Papa ġedded l-istedina tiegħu lil kulħadd biex fit-2 ta’ Marzu, l-Erbgħa tal-Irmied, ikun Jum ta’ Talb u Sawm għall-Paċi fl-Ukrajna.

“Huwa jum li nkunu qrib it-tbatija tal-poplu Ukren, li nkunu konxji li aħna lkoll aħwa, u li nitolbu lil Alla biex tintemm il-gwerra.”

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li “dawk li jagħmlu l-gwerra jinsew l-umanità: ma jħarsux lejn il-ħajja konkreta tan-nies, imma jpoġġu l-interessi partiġġjani u l-poter quddiem kollox.” “Huma joqgħodu fuq il-loġika diabolika u perversa tal-armi li hija l-aktar ‘il bogħod mir-rieda ta’ Alla, u jitbiegħdu min-nies komuni li jridu l-paċi,” qal. Huwa nnota li, f’kull kunflitt, “in-nies komuni huma l-vittmi reali li jħallsu b’ġildhom għall-bluha tal-gwerra”.

Il-Qdusija Tiegħu żied jgħid li jaħseb b’mod speċjali “fl-anzjani, f’dawk li qed ifittxu kenn f’dan iż-żmien, fl-ommijiet li ħarbu ma’ wliedhom”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika stieden ukoll lill-irġiel u lin-nisa kollha ta’ rieda tajba biex ma jinsewx il-gwerer f’partijiet oħra tad-dinja, filwaqt li semma’ dawk fil-Jemen, fis-Sirja u fl-Etjopja.

“Nirrepeti: Jalla l-armi jiġu msikkta! Alla hu ma’ dawk li jġibu l-paċi, mhux ma’ dawk li jużaw il-vjolenza!”

Dawk li jħobbu l-paċi, kompla l-Papa Franġisku, kif tgħid il-Kostituzzjoni Taljana, “jiċħdu l-gwerra bħala strument ta’ offiża għal-libertà ta’ popli oħra u bħala mezz ta’ soluzzjoni ta’ tilwim internazzjonali.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-02/pope-francis-appeal-angelus-peace-ukraine-wars-yemen-syria-ethio.html

%d bloggers like this: