L-Arċisqof jitlob għall-paċi minn gwerra li qed tħalli l-vittmi fuq iż-żewġ naħat

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 1 ta’ Marzu 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tat-tmien ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ilbieraħ smajna d-djalogu bejn Ġesù u d-dixxipli tiegħu meta jurihom l-għana, li hi tajba fiha nnifisha, li jista’ jkollha l-periklu kbir li taqtgħek mill-proxxmu u minn Alla. Hu jispjegalhom ukoll li l-istedina tiegħu li jħallu kollox mhijiex stedina faċli.

Pietru jfakkru f’din il-ħaġa fuq ix-xatt tal-Baħar tal-Galilija. Pietru (li kien jismu Xmun is-sajjied) sema’ lil Ġesù jgħidlu: “Ejja warajja”. Hu telaq kollox u mar warajh. Pietru jgħidlu: “Tajjeb aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Donnu qed jgħidlu: ‘issa x’se nieħdu?’ (ara Mt 19:28).

Pietru bħalna. Aħna wkoll dejjem tiġina din il-mistoqsija: imma jiena x’se nieħu? U Ġesù ma jgħidlux: “E, x’taħseb?” Le. Jagħti risposta misterjuża ħafna imma li fl-istess ħin lil min jitlaq kollox għal Ġesù jagħmel esperjenza tagħha. Inti tħalli d-djar tiegħek, lil ħutek, lil ommok, lil missierek, min għandu lil uliedu, l-għelieqi min għandu, imma fl-istess ħin il-Mulej tarah jipprovdi. U inti li m’għandekx uliedek tad-demm u l-laħam issib li għandek ħafna wlied mhux bl-istess inkwiet, imma insomma kważi. Li inti, li lanqas għandek għalqa tiegħek, tispiċċa trid tieħu ħsieb għelieqi li mhumiex tiegħek u jġibulek ukoll ħafna inkwiet.

Imma ssib ukoll ħafna konsolazzjonijiet. Din hi l-esperjenza pereżempju ta’ ħafna saċerdoti anke tagħna l-isqfijiet: li ssib li l-Mulej sejjaħlek li tkun missier, kultant kważi omm ta’ familja kbira ħafna, imma l-ġenituri jafu li l-familja mhix ward u żgħar, ikollok ukoll l-uġigħ ta’ ras, l-uġigħ tal-qalb, imma hemm ukoll ħafna faraġ.

Jekk tistaqsuni x’inhi l-iżjed ħaġa li tfarrġek, jiena tfarraġni ħafna l-kuntatt man-nies, il-kuntatt mal-fidi tan-nies, mal-imħabba li għandhom in-nies fil-ħajja tal-familja, mhux biss lejn Ġesù.

L-Evanġelju ta’ San Mark hu l-uniku wieħed li fil-lista jsemmi wkoll il-persekuzzjonijiet. Ġesù qed jagħmel lista ta’ affarijiet. Jgħidu: ‘mela aħjar immorru dan għal mitt darba. Qed iwegħedna ħafna djar, ħafna aħwa, ħafna subien u bniet, ommijiet, ulied. Se jkollok min jieħu ħsiebek. Xi trid iżjed? “Flimkien ma’ persekuzzjonijiet,” jgħid. Ma jaħbilna xejn. “U l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej” (Mk 10:30). Għax x’jiswa li jkollok ħafna affarijiet imma mbagħad il-ħajja ta’ dejjem ma tasalx għaliha? Xi ħaġa li ta’ min naħsbu fuqha bis-serjetà.

Il-kefrija tal-gwerra li fi ftit jiem mijiet diġà mietu. Għalfejn? Nistaqsu għalfejn? Hemm bżonn ikompli dan il-ġenn fid-dinja?

Imbagħad hemm xi ħaġa li fil-ħajja taraha u naħseb fil-ġenna se narawha iżjed. “Ħafna li huma tal-ewwel jiġu l-aħħar u tal-aħħar jiġu l-ewwel” (Mk 10:31). Immorru l-ġenna, nisperaw li naslu, allaħares le, u inti fil-glorja ta’ Alla tirrealizza li Alla ma jiġġudikax kif niġġudikaw aħna, għall-grazzja t’Alla, ngħidu. Ma jarax l-affarijiet kif narawhom aħna għax aħna n-nuċċali tagħna naqra partikolari imma tiegħu speċjalissimu, in-nuċċali ta’ Alla. U dak li mingħalik hu bniedem umli u mhux importanti, għal Alla jkun importanti ħafna.

Illum nixtieq inkomplu nitolbu għall-paċi fl-Ewropa, għad-difiża ta’ dan il-poplu Ukren li ġie attakkat mill-ġar tiegħu, mir-Russja. Imma hemm il-vittmi miż-żewġ naħat diġà, mijiet, u jiena meta nisma’ dawn in-numri naħseb fl-ommijiet u l-missirijiet, fl-aħwa, fin-nisa ta’ dawn iż-żgħażagħ. Xi ħadd bagħathom u ma ġewx lura d-dar. Ara x’dulur! Il-kefrija tal-gwerra li fi ftit jiem mijiet diġà mietu. Għalfejn? Nistaqsu għalfejn? Hemm bżonn ikompli dan il-ġenn fid-dinja?

Nitolbu ħafna u ħafna għall-paċi u nistedinkom minn issa biex għada ningħaqdu mal-Qdusija Tiegħu l-Papa. Għada Ras ir-Randan, it-2 ta’ Marzu u noffru l-ġurnata ta’ talb u sawm għall-paċi, b’mod speċjali biex l-Ukrajna terġa’ ssib il-libertà sħiħa tagħha, jieqfu l-armi, tieqaf il-gwerra.

Din il-quddiesa għada tixxandar mill-Konkatidral ta’ San Ġwann. Min ikun jista’ jattendi, nistiednu li jattendi. Se jkun hemm ukoll il-mexxejja ta’ pajjiżna biex nitolbu flimkien lil Alla u fl-istess ħin nibdew ir-Randan imqaddes bis-sinjal tat-talb, tal-penitenza. Nitolbu maħfra għal dnubietna li huma ħafna u nitolbu li l-ħarsa tal-Mulej li jara l-qalb u xejn iżjed u li l-ħarsa tiegħu hi ħarsa ta’ verità tgħallimna kif nħarsu tassew lejn xulxin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Piet 1:10-16
Salm: 97 (98):1.2-3ab,3ċ-4
L-Evanġelju: Mk 10:28-31

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: