Il-Mulej hu ħafna ikbar mit-tradimenti tagħna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 12 ta’ April 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’dawn il-jumejn hemm kelma li tasal mill-qalb ta’ Ġesù u tinfed il-qalb tagħna. Hi l-kelma ‘tradiment’. Huma l-jiem tal-imħabba u t-traġedja kbira ta’ dawn il-jiem hi li, bħala risposta għal tant imħabba, il-Mulej jirrealizza li hemm ukoll it-tradiment. Iċ-ċaħda ta’ Pietru, it-tradiment ta’ Ġuda, b’xi mod huma anke fil-qalb ta’ Ġesù imma ferita kbira fil-qalb ta’ Ġesù. U l-kuntest hu ta’ intimità kbira.

Ħin minnhom hemm id-djalogu li jsir bejn Ġesù u d-dixxiplu li kien iħobb. Id-dixxiplu li kien iħobb jistrieħ fuq sider l-Imgħallem, jixtieq ikun jaf min hu u Ġesù jagħmillu sinjal biex jurih min hu. L-oħrajn ma jindunawx meta Ġesù jgħidlu: “Dak li għandek tagħmel, agħmlu malajr” (Ġw 13:27). Jaħsbu li se jmur jixtri għall-festa jew se jmur jagħti xi ħaġa għall-foqra.

F’dawn il-ġranet, għalkemm nitnikktu għat-tradimenti u ċ-ċaħdiet tagħna, ma naqtgħux qalbna. Il-Mulej hu ħafna ikbar mit-tradimenti tagħna. Hu ħafna ikbar miċ-ċaħdiet tagħna. Ir-risposta tiegħu hi waħda: imħabba!

Ġesù jaf, imma ma jikxfux. Donnu jifhem li t-tradiment ta’ Ġuda hu parti minn pjan kbir li jidħol ukoll fir-rieda tal-Missier. Hu misteru kbir kif Alla juża d-dnub taghna, it-tradimenti tagħna fil-pjanijiet tiegħu, bħalma juża wkoll iċ-ċaħda ta’ Pietru fil-pjanijiet tiegħu.

Allura f’dawn il-ġranet, għalkemm aħna nitnikktu għat-tradimenti u ċ-ċaħdiet tagħna, ma naqtgħux qalbna. Il-Mulej hu ħafna ikbar mit-tradimenti tagħna. Hu ħafna ikbar miċ-ċaħdiet tagħna. Ir-risposta tiegħu hi waħda: imħabba!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: