Għas-sawm ma hemmx riċetta

Print Friendly, PDF & Email

Kif għandi nsum?  X’għandi nagħmel biex insum sewwa? X’nista’ niekol u kemm?

Niftakarni jiena stess nagħmel dawn id-domandi meta, ta’ daqsxejn ta’ tfajjel, qaluli li kont kbirt biżżejjed biex nibda nsum. Kien iż-żmien ta’ qabel il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li fil-11 ta’ Ottubru 2022, infakkru s-sittin sena mill-bidu tiegħu. 

Fil-ktieb tat-Tagħlim Nisrani li kellna l-iskola u li ħafna minnu konna nitgħallmuh bl-amment kien hemm il-preċetti tal-Knisja, il-ħamsa li l-aktar kienu jolqtuna mill-qrib.  It-tieni wieħed, dak dwar is-sawm, kien jgħid hekk, “Sum ir-randan il-vġejjel kmandati, il-kwattru tempri u la tikolx laħam meta ma jiswiex.”[1] 

Il-jiem tar-Randan li fihom kien hemm l-obbligu tas-sawm kienu Ras ir-Randan kif ukoll il-Ġimgħat u s-Sibtijiet kollha tar-Randan.  Il-vġejjel kmandati kienu lejliet il-festi ta’ Għid il-Ħamsin, ta’ Santa Marija, tal-Qaddisin kollha u tal-Milied.  Il-kwattru tempri – minn quattro tempora fit-Taljan – kienu erba’ żminijiet marbuta mal-bidu ta’ kull staġun. Infatti konna nagħfuhom bħala l-kwattru tempri tar-rebbiegħa, tas-sajf, tal-ħarifa u tax-xitwa u li fihom kellna l-obbligu tas-sawm fil-jum tal-Erbgħa, tal-Ġimgħa u tas-Sibt. Hekk is-sena liturġika kienet tintrabat ma’ dik kalendarja.

Is-sawm nnifsu, forsi mhux għal kollox l-ispirtu tiegħu, kien tant sar parti mill-kultura tal-poplu li kien hemm saħansitra ikel li fil-mentalità u d-drawwiet tagħna kien intrabat ma’ dawn iż-żminijiet.  Kemm drabi fil-Ġimgħa l-Kbira għadek issib familji li b’mod kważi awtomatiku jgħidulek, “Illum platt ravjul” ?  Kemm drabi konna nisemgħu lil min jgħid lit-tfal biex fl-ikla ta’ nofsinhar jieklu sewwa, għax “tinsiex li llum sajjem u llejla ma nerggħux nieklu”.  Allura bħal trid taħżen sewwa fl-ikla ta’ qabel.  Fi żminijiet aktar lejna kienu ppublikati kotba b’riċetti għal żmien ir-Randan u saħansitra għad għandna ikel li ħa ismu mir-Randan innifsu – il-kwareżimal minn quaresima bit-Taljan.  Ironika hux kif propju għaż-żmien meta mhux suppost kien jittiekel ħelu, tivvinta riċetti li jgħaddi t-test tas-sawma.  Imma għas-sawm veru ma hemmx riċetta.

Is-sawm fil-Bibbja

Sa mit-Testment il-Qadim, il-Profeta Iżaija jurina b’mod ċar ħafna kif għandu jkun is-sawm li jogħġob lill-Mulej.

“Jekk issumu kif qegħdin issumu issa, leħinkom ma jinstamax fl-għoli. Jaqaw jien jogħġobni sawm bħal dan, jum biex bniedem jgħakkes lilu nnifsu? Biex ibaxxi rasu bħas-simar, u jimtedd fuq ix-xkora u r-rmied? Tgħidlu int dan sawm, jum jogħġob lill-Mulej?[2]

Anke Ġesù, meta tkellem fuq is-sawm, qatt ma ta riċetti ta’ kif kellhom isumu d-dixxipli tiegħu. Qatt ma ta dettalji tekniċi dwar kif trid tkun sawma tajba. Madankollu kliemu kien dejjem ċar, “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrħu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.”[3]

Kliem l-Imgħallem tagħna jurina ċar li ma hemm ebda riċetta li tgħidilna kif għandna nsumu għaliex is-sawm tassew mhux proċess kulinarju marbut mal-ikel jew mal-kċina, imma att tar-rieda u attitudni tal-qalb.

Il-Papa Pawlu VI wara l-Konċilju Vatikan II

F’katekeżi fuq id-dmir tal-penitenza, il-Papa Pawlu VI wera li minħabba li l-attivitajiet umani huma llum organizzati b’mod differenti minn qabel, speċjalment ix-xogħol; allura sar prattikament impossibbli li wieħed josserva b’mod regolari u metodiku l-ebusija tar-Randan kif kien isir fi żminijiet oħra. Għalhekk waqt li baqa’ l-obbligu tas-sawm u l-astinenza f’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-Konferenzi Episkopali ingħatalhom id-dritt li skont iċ-ċirkustanzi tal-post u taż-żmien jindikaw lill-poplu ta’ Alla fdat lilhom xi opra oħra ta’ karità ta’ karattru penitenzjali jew karitattiv jew ta’ ħniena, xorta. [4] 

Madankollu tibqa’ tgħodd għal kulħadd daqs qatt qabel il-liġi tal-penitenza, li lin-nisrani tajjeb, żgħażugħ jew xiħ, torbtu dejjem u ssir aktar urġenti daqskemm huma diffiċli ż-żminijiet u d-drawwiet tad-dinja moderna.  It-taħriġ tal-mortifikazzjoni korporali li jidher, illum naqas ħafna; iżda l-ħtieġa u d-dmir tal-penitenza, speċjalment tal-ispirtu, tad-divertiment, tal-ħala, tal-ħsibijiet perversi, jitolbu minna sahra u osservanza interjuri.

Matul is-snin ta’ wara, diversi papiet oħra tawna bosta tagħlim dwar is-sawm, il-penitenza, is-sagrifiċċju, l-indiema u l-konverżjoni.  Bosta minn dawn nistgħu insibuhom kemm fil-messaġġi annwali tagħhom ta’ żmien ir-Randan u kif ukoll fid-diskors, omeliji u kitbiet oħra.[5]  Imma forsi wieħed mill-aktar dokumenti importanti ta’ żmienna li jagħtina b’mod ċar ħafna il-ħsieb tal-Knisja dwar dan is-suġġett huwa l-Katekeiżmu tal-Knisja Kattolika publikat mill-Papa Ġwanni Pawlu II fil-11 ta’ Ottubru 1992. 

Il-Katekeżmu fuq il-penitenza fir-ruħ

F’dan il-Katekiżmu nsibu diversi taqsimiet li jgħinuna nifhmu aħjar dak li qalilna l-Mulej Ġesù fuq is-sawm. Fosthom naqraw li hekk kif ġara fi żmien il-profeti, l-istedina ta’ Ġesù għall-indiema u għall-penitenza ma kinitx fil-bidu tintwera b’għemil minn barra, bl-irmied u ċ-ċilizju, bis-sawm u t-tgħakkis, imma bil-konverżjoni tal-qalb u l-penitenza fir-ruħ. Mingħajr dan, l-għemejjel kollha tal-penitenza li nagħmlu ma jkollhomx frott u jkunu gidba, waqt li l-konverżjoni fir-ruħ minn ġewwa, tfittex li turi ruħha minn barra permezz ta’ sinjal li jidhru, ta’ ġesti u ta’ għemil ta’ penitenza.[6]

Il-penitenza fir-ruħ tan-nisrani tista’ tintwera b’ħafna manjieri. L-Iskrittura u Missirijiet il-Knisja jinsistu l-aktar fuq tlieta: is-sawm, it-talb u l-karità li jgħnnu lill-bniedem jinbidel, jikkonverti, fir-relazzjonijiet miegħu nnifsu, fir-relazzjonijiet ma’ Alla u fir-relazzjonijiet ma’ għajru.[7]  Il-karità, it-talb u s-sawm jmexxu ’l min jagħmilhom lejn il-Missier li jara dak li hu moħbi, kontra kull xewqa li jidher quddiem in-nies.[8]

Li ssum ifisser li tħobb

Meta l-Papa Franġisku kienu għadu Arċisqof ta’ Buenos Aires, huwa kien kiteb li wieħed mill-pilastri tat-tħejjija tagħna tar-Randan huwa s-sawm; imma dan għandu jkun ġej mill-imħabba u jwassalna għal imħabba akbar.  Is-sawm li Alla jrid ikompli jkun dak li “naqsmu ħobżna ma’ min hu bil-ġuħ u li nilqgħu fi djarna lill-fqar bla djar, li meta tara min hu bla ħwejjeġ, tlibbsu, u li ma ddawwarx wiċċek minn ħuk. Huwa kompla li llum, wieħed jista’ jsum biss billi jaħdem ħalli l-oħrajn ma jkollhomx bżonn isumu.  Illum wieħed jista’ biss jiċċelbra s-sawm billi jieħu fuqu t-tbatija ta’ dawk li huma dgħajfa, ta’ miljuni li huma bil-ġuħ.

Dakinhar huwa wissa, li min ma jsumx għall-fqar ikun qed iqarraq b’Alla għax li ssum ifisser li tħobb. Is-sawm voluntarju tagħna irid jgħin biex jispiċċa s-sawm ta’ bilfors li jagħmlu l-fqar. 

Imbagħad huwa temm il-messaġġ tiegħu b’eżortazzjoni li forsi llum, fiċ-ċirkustanzi globali ta’ tant miljuni li qed ikunu sfurzati li jħalli djarhom u pajjiżhom b’ta’ fuqhom senduqhom, din tgħodd għalina llum aktar minn qatt qabel. “Ejjew, insumu aħna ħalli ħadd aktar ma jkollu jsum bilfors.”[9]

Kitba ta’ Joe Farrugia


[1] Tagħlim Nisrani fuq il-Katekiżmu tal-Kardinal P. Gasparri. 1956. P73

[2] Iżaija 58:4-5

[3] Mattew 6:16-18

[4] Il-Papa Pawlu VI. Udjenza Ġenerali. 8 ta’ Marzu 1978

[5] Fittex fil-Laikos, online: https://www.laikos.org/papiet.htm

[6] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (KKK): 1430

[7] KKK: 1434

[8] KKK: 1969

[9] Kardinal Jorge Berggolio. Messaġġ għar-Randan. Buenos Aires, 05/02/2009. online: https://www.laikos.org/Bergoglio_Randan_2009_Sawm.doc

%d bloggers like this: