Il-Papa jitlob għall-vittmi tat-tifun fil-Filippini

Print Friendly, PDF & Email

L-awtoritajiet tal-Filippini kkonfermaw lin-numru ta’ mwiet mit-Tifun Megi tela’ għal 80 ruħ, b’ħafna għadhom neqsin u jibżgħu li huma mejta, filwaqt li mijiet ta’ eluf oħrajn għadhom spostati.

Ħafna mill-imwiet seħħew fl-10 ta’ April, minħabba l-valangi u għargħar ikkawżati meta l-maltempata tropikali (magħrufa lokalment bħala Agaton) waslet fuq l-art, u laqtet il-kosti tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Filippini, b’riħ sa 65 kilometru fis-siegħa u bufuri ta’ 80 kilometru fis-siegħa. Fost l-agħar reġjuni milquta hemm Visayas tal-Punent, Visayas tal-Lvant u Caraga.

F’telegramma ffirmat mis-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Pietro Parolin, il-Papa Franġisku esprima solidarjetà ma’ dawk kollha li qed ibatu l-konsegwenzi tal-maltemp. Huwa assigura wkoll “it-talb tiegħu għall-mejtin, midruba, u dawk li ġew spostati, kif ukoll dawk involuti fi sforzi ta’ salvataġġ, u bħala sinjal tal-qrubija spiritwali tiegħu” invokat fuq il-poplu Filipin kollu “t-tberik ta’ Alla, ta’ saħħa u paċi”.

Is-solidarjetà mal-vittmi ġiet espressa wkoll mill-Kardinal Jose Advincula. Waqt l-omelija tal-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut Imqaddsa, li saret fil-Katidral ta’ Manila, l-Arċisqof ta’ Manila talab lill-fidili biex jiftakru lil ħuthom fit-talb tagħhom.

Skond in-National Disaster Risk Reduction and Management, kważi miljun ruħ ġew affettwati mit-tifun, aktar minn 200 elf ruħ ġew spostati, filwaqt li aktar minn 35 elf ġew evakwati preventivament. Aktar minn 100 elf ettaru ta’ art agrikola ġew affettwati, b’komoditajiet inklużi ross, qamħirrun u bhejjem milquta mill-maltempata tropikali, żied id-dipartiment.

Il-Filippini, kklassifikati fost l-aktar pajjiżi vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima, jintlaqtu minn medja ta’ 20 maltempata tropikali kull sena. L-pajjiż għadu jbati l-konsegwenzi tal-effetti tas-super Tifun Rai, l-aktar tifun qawwi li laqat il-pajjiż fl-2021, u ħalla ‘l fuq minn 400 mitt ruħ mejta u mijiet ta’ eluf ta’ nies bla dar. Fl-2013, it-tifun Haiyan ħalla aktar minn 7,300 persuna mejta u nieqsa.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-04/pope-prays-for-victims-of-typhoon-in-the-philippines.html

%d bloggers like this: