Papa: “Kunu ispirati minn ‘bniedem kbir’ Fr Matteo Ricci”

Print Friendly, PDF & Email

L-istituzzjonijiet akkademiċi kollha għandhom iħossuhom ispirati biex jimxu fuq il-passi ta’ Patri Matteo Ricci, S.J., kien dejjem lest li jilqa’ u jeduka. Il-Papa Franġisku ta dan l-inkoraġġiment lill-istudenti u lill-fakultà tal-Università ta’ Macerata, nhar it-Tnejn, meta ltaqa’ magħhom fil-Vatikan.

L-università pubblika li tinsab fir-reġjun tal-Marche tal-Italja, fuq il-Kosta Adrijatika, twaqqfet fl-1290, u hija waħda mill-eqdem universitajiet Ewropej li għadhom joperaw.

Il-Qdusija Tiegħu fakkar li l-missjunarju kbir Ġiżwita, Patri Matteo Ricci, li ġab il-Kattoliċiżmu fiċ-Ċina, twieled Macerata fl-1552 u miet f’Peking fl-1610. Wara l-isforzi inizjali ta’ San Franġisk Saverju, tlett snin wara, Ricci u oħrajn irnexxielhom. Il-Papa Ġiżwita ħeġġeġ lil dawk li kienu preżenti biex ifakkru lil Ricci bħala eżempju, u jitgħallmu mill-ħila tiegħu li jiddjaloga u jeduka lill-oħrajn.

Macerata, qal il-Papa, welldet lil Patri Matteo Ricci “ċampjin” kbir tal-“kultura tad-djalogu”. Il-Papa qal li Patri Ricci huwa bniedem kbir, mhux biss għal dak li għamel jew kiteb imma, billi kien “bniedem li jilqa’, li mar lil hinn milli jkun barrani u sar ċittadin tad-dinja”. “Ċertament l-università hija post privileġġjat għal din il-laqgħa. Macerata kienet il-post fejn twieled dan iċ-ċampjin kbir”

“Nifraħilkom talli mhux biss ippreservajtu l-memorja tiegħu u ppromwovejtu l-istudji fuqu, imma wkoll talli ppruvajtu taġġornaw l-eżempji tiegħu ta’ djalogu interkulturali. Kemm hemm bżonn illum, fil-livelli kollha, li nimxu b’mod riżolut din it-triq, it-triq tad-djalogu!”

Il-Papa saħaq fuq l-importanza tal-universitajiet bħala postijiet fejn il-moħħ huwa, jew għandu jkun, “miftuħ għall-orizzonti tal-għarfien u l-orizzonti tal-ħajja, tad-dinja u tal-istorja”.

Fl-università jiltaqgħu żewġ universi, qal il-Papa: wieħed huwa dak tad-dinja u tal-għarfien, u l-ieħor huwa dak tal-bniedem. “Mhux bniedem inġenerali, li ma jeżistix”, iċċara l-Papa, “imma dik il-persuna, dak iż-żagħżugħ,” bl-istorja u l-personalità tagħha, il-ħolm, l-intellett, il-kwalitajiet morali u spiritwali, u l-limitazzjonijiet tagħha. L-isfida tal-università, ssiġġerixxa l-Papa, hi li tgħaqqad dawn iż-żewġ orizzonti biex jiddjalogaw, u minn dan id-djalogu, tikber l-umanità.

Il-Papa fakkar fil-qaddis Ingliż, San Ġwann Henry Newman. Huwa fakkar f’dak li kien qal dan il-qaddis u studjuż Ingliż dwar l-università, fejn jikteb “li fl-ambjent universitarju, ż-żagħżugħ jifforma u jsawwar attitudni tal-moħħ li jdum tul il-ħajja, li l-attributi tiegħu huma l-libertà, l-ekwità, l-kalma, l-moderazzjoni u l-għerf”. Il-Papa saħaq li l-università trid tkun umana, u mhux biss post fejn wieħed jimla’ moħħu bit-tagħlim, u ma jkollux idea kif ser juża moħħu, idejh, jew qalbu. “Din l-idea umana tal-università hija importanti”, qal.

Il-Qdusija Tiegħu temm jirringrazzja lill-istudenti u lill-fakultà taż-żjara tagħhom u fakkarhom biex ikunu ispirati mill-eżempju ta’ Patri Ricci. “Inbierek lilkom u lill-komunità akkademika kollha b’qalbi kollha. U nitlobkom jekk jogħġobkom ma tinsewx titolbu għalija”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-francis-students-university-of-macerata-father-matteo-ricci.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: