Papa jsejjaħ lis-Sri Lankani għal waqfien mill-vjolenza fost l-inkwiet soċjali

Print Friendly, PDF & Email

Dawk li kienu fil-biċċa l-kbira protesti paċifiċi fis-Sri Lanka, din il-ġimgħa saru vjolenti, li wasslu għall-mewt ta’ tmien persuni u r-riżenja tal-Prim Ministru. Fost l-inkwiet soċjali f’dan il-pajjiż, il-Papa Franġisku, waqt l-Udejnza Ġenerali tal-Erbgħa, dawwar ħsibijietu fuq in-nazzjoni tal-Asja t’Isfel.

Il-Papa qal li jibgħat it-tislima tiegħu b’mod speċjali liż-“żgħażagħ li fl-aħħar żminijiet semmew l-għajta tagħhom quddiem l-isfidi u l-problemi soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż”.

“Ningħaqad mal-awtoritajiet reliġjużi biex inħeġġeġ lill-partijiet kollha biex iżommu attitudni paċifika, mingħajr ma naqgħu għall-vjolenza.”

Il-Papa Franġisku appella wkoll lill-mexxejja politiċi fil-gvern tas-Sri Lanka biex jagħtu widen għall-vuċijiet tad-dimostranti. “Nappella lil dawk kollha b’responsabbiltajiet biex jisimgħu l-aspirazzjonijiet tan-nies u biex jiżguraw rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili”.

Kriżi ekonomika li ilha tikber għal diversi xhur fis-Sri Lanka, faqqgħet nhar it-Tnejn. Id-dimostranti kienu qed jipprotestaw fil-biċċa l-kbira b’mod paċifiku kontra l-klassi dominanti, u talba għar-riżenji tal-aħwa Rajapaksa, li servew bħala President u Prim Ministru.

Il-vjolenza faqqgħet, hekk kif nhar it-Tnejn, partitarji tal-gvern attakkaw grupp kontra l-gvern f’Colombo, u ħarqu l-kamp tal-protesti tagħhom. Dan wassal għal ġlied vjolenti li ħallew tmien persuni mejta u ‘l fuq minn 200 persuna midruba. Il-Prim Ministru Mahinda Rajapaksa ta r-riżenja tiegħu fi żmien sigħat mill-vjolenza. Il-President Gotabaya Rajapaksa s’issa rrifjuta li jwarrab.

L-ekonomija tas-Sri Lanka ilha taħt pressjoni kbira minn meta faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, fejn l-ekonomija tal-pajjiż ħadet daqqa ta’ ħarta peress li hija dipendenti mit-turiżmu. Il-popolazzjoni tal-pajjiż tammonta għal madwar 22 miljun, fejn dawn bdew jiffaċjaw nuqqasijiet kbar ta’ ikel, mediċina, fjuwil, u oġġetti essenzjali oħra, li ħafna minnhom huma mportati minn barra. Ir-residenti spiċċaw kuljum isofru sa 13-il siegħa ta’ qtugħ tal-elettriku. Il-gvern irrikorra għall-Fond Monetarju Internazzjonali għal pakkett ta’ salvataġġ, kif ukoll għajnuna mill-Indja u miċ-Ċina.

Ir-rabja tad-dimostranti ffukat fuq it-tort tal-familja Rajapaksa għall-gwaj ekonomiku. Il-forzi tas-sigurtà kellhom jużaw l-kanun tal-ilma u l-gass tad-dmugħ biex irażżnu l-vjolenza, u l-ministeru tad-difiża ordna lill-puluzija biex jisparaw lil kull min jinqabad jagħmel ħsara lill-proprjetà pubblika jew jhedded il-ħajjiet.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/pope-francis-sri-lanka-appeal-violence-protests.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: