Nużaw il-ġid tagħna biex inkomplu l-missjoni tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Mejju 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Festa tal-Madonna tal-Karità. Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel instint ta’ Marija wara t-tħabbira tal-anġlu, fir-rakkont li jagħtina Luqa, hu “li qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija” (Lq 1:39) biex tiltaqa’ ma’ Eliżabetta. L-Evanġelju li għadna kemm smajna jibda b’dan il-mument, b’din id-deċiżjoni ta’ Marija. Nafu u niftakru li l-anġlu Gabrijel lil Marija taha sinjal; li dak li kien qed jgħidilha, u dak li kienet wegħedha, mhux biss kien iseħħ imma kien ser iseħħ bil-qawwa ta’ Alla. L-isem stess ‘Gabrijel’ hu ‘l-Qawwa ta’ Alla’. “Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal” (Lq 1:36). Gabrijel jgħidilha lill-Madonna: “għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1:37). Dan hu s-sinjal li jingħata lill-Madonna.

Hi ma tiqafx fir-responsabbiltà ġdida li għandha ta’ omm, u lanqas forsi ma tieqaf fuq il-konfużjoni ta’ din il-missjoni ġdida li ssir omm, mingħajr l-intervent ta’ raġel ta’ demm u laħam – misteru kbir; u lanqas tedha fil-biża’ ta’ dak li se jgħidu n-nies u f’dak li jaħseb Ġużeppi. Taħseb fil-persuna li ngħatatilha bħala sinjal tal-qawwa ta’ Alla. U tmur għand din il-qariba li diġà għandha sitt xhur tqala u toqgħod magħha tliet xhur. Nafu li dan il-kalkolu jfisser, li l-Madonna baqgħet ma’ Eliżabbetta sat-twelid tat-tifel tagħha, Ġwanni l-Battista.

Din hi l-Madonna mqanqla mill-Ispirtu s-Santu. Mhux biss mimlija bil-grazzja ta’ Alla; imma li ġġorr fiha l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Li tinsa lilha nnifisha, toħroġ mill-comfort zone tagħha; u tmur f’belt tal-Lhudija, biex tkun qrib mara anzjana, b’sitt xhur tqala li għandha bżonn l-għajnuna.

Ta’ min nieqfu u naħsbu fuq dan il-ġest tal-Madonna. Wara kollox, hi li hi mnissla mingħajr tebgħa, m’għandha l-ebda inklinazzjoni ta’ egoiżmu, li jġiegħel lill-bniedem jingħalaq fih innifsu; li lilna tant jiswielna inkwiet u dmugħ u qsim il-qalb. Imma għaliha, l-ħsieb hu li tkun ta’ għajnuna. B’hekk issir proprju l-ikona sabiħa tal-Madonna tal-Karità, tal-imħabba konkreta.

Kultant ingergru li l-Mulej abbanduna lill-fqar; li m’hemmx ċertu soluzzjonijiet għal ċertu inġustizzji. Imma ninsew li aħna għandna wkoll id-dover li nagħmlu l-parti tagħna.

Aħna u nfakkru dan it-titlu sabiħ tal-Madonna ‘Sidtna Marija tal-Karità’, niftakru li l-ħajja tal-Madonna, fid-dettalji u n-narrattiva li jagħtina l-Evanġelju, hi dejjem ta’ omm tal-imħabba sabiħa. Hi l-omm, li tnissel il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem; hi l-omm li meta tara l-bżonn tal-għarajjes fit-tieġ ta’ Kana tintervjeni biex tgħinhom u tgħidilna kif qalet lil dawk li kienu qed jieħdu ħsieb il-mejda “agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

Dawn huma l-aħħar kelmiet li nsibu fl-Evanġelju, imlissna minn Ommna Marija. Allura l-kelma tal-omm, li minn dak il-mument tiskot, imma tindikalna l-leħen ta’ dak li se jgħidilna x’inhi l-vera triq tal-imħabba. Wara kollox il-leħen tal-omm jingħaqad ma’ tal-Missier, li fuq il-Muntanja Tabor, lit-tliet xhieda l-Appostli Pietru, Ġakbu u Ġwanni, jgħidilhom: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu” (Lq 9:35). Dawn iż-żewġ kelmiet, il-kelma tal-Missier fuq il-glorja ta’ Ibnu, waqt li jitkellem dwar l-eżodu tiegħu, li hu eżodu ta’ mħabba u għotja totali, għax hu l-mewt tiegħu. Luqa hekk jgħidilna, li kien qed jitkellem Ġesù fuq it-Tabor; fuq l-eżodu tiegħu, fuq il-ħruġ tiegħu, “fuq it-tmiem ta’ ħajtu” (Lq 9:31). Tradizzjoni oħra bil-Malti tgħid: ‘it-tluq tiegħu’. Fil-Grieg hemm ‘exodo’ – l-Eżodu, il-ħruġ tal-Mulej. Hawnhekk naraw ukoll il-ħruġ tal-Madonna minn Nazaret, biex tkun karità konkreta lil qariba tagħha Eliżabetta.

Fl-innu li tgħanni f’Għajn Karim, hi tfaħħar lil Alla għal providenza tiegħu. “Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ” (Lq 1:53). Illum kif se jagħmel hekk il-Mulej permezz tagħna? Xi ħaġa li tolqotni fil-maġisteru tal-Papa Franġisku, hu dan il-mod konkret, kif imsejħin biex inkunu l-kontinwazzjoni tal-Aħbar it-Tajba u tal-missjoni ta’ Ġesù fid-dinja. Jgħidilna, aħna kultant ingergru li l-Mulej abbanduna lill-fqar; li m’hemmx ċertu soluzzjonijiet għal ċertu inġustizzji. Imma ninsew li aħna għandna wkoll id-dover li nagħmlu l-parti tagħna.

Il-Mulej ikompli jimla b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ permezz tagħna, permezz tiegħek u tiegħi. Illum, aħna u nfakkru l-karità tal-Omm, li ġġorr lil Binha, u li tiltaqa’ ma’ Eliżabetta li qiegħda iġġorr lil binha Ġwanni fil-ġuf; nifhmu wkoll ir-responsabbiltà tagħna, u l-privileġġ tagħna, li bid-deċiżjonijiet li nieħdu, bil-mod ta’ kif nużaw il-ġid li għandna u li jipprovdilna l-Mulej, inkomplu l-missjoni tiegħu. “Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ” (Lq 1:53).   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sof 3:14-18
Salm: 12,2-6
L-Evanġelju: Lq 1:39-56

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: