Ġwanni Pawlu II waqt Viżta Pastorali fil-Parroċċa Rumana ta’ Sant’ Andrea delle Fratte

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA
TA’ SANT’ANDREA DELLE FRATTE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
28 ta’ Frar 1982

1. Bi kliem ferm iktar konċiż, l-Evanġelista Marku jalludi għal dak is-sawm ta’ Ġesù ta’ Nażżaret, li dam erbgħin jum, li kull sena jsib ir-rifless tiegħu fil-liturġija tar-Randan:

 “L-Ispirtu ħadu fid-deżert u hemm baqà erbgħin jum, ittentat minn Satana; kien fost il-bħejjem selvaġġi u l-anġli kienu jaqduh” (Mk 1,12).

Imbagħad wara l-arrest ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù mar fil-Galilea u beda jgħallem.

Kien jgħid: “Iż-żmien wasal u s-saltna ta’ Alla hija fil-qrib; ikkonvertu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1,15).

– Is-sawm ta’ erbgħin jum ta’ Ġesù ta’ Nażżaret kien introduzzjoni għax-xandir tal-Vanġelu tas-Saltna ta’ Alla. Dan naqax fl-erwieħ tal-bnedmin it-triq tal-fidi, li mingħajrha il-Vanġelu tas-Saltna jibqà bħal qamħa li tixteħet f’art li mhix fertili.

2. Dan il-bidu tal-Vanġelu tas-Saltna, li jiġi għand il-Knisja permezz ta’ sawma ta’ erbgħin jum, il-liturġija tallum tqabblu mal-qawsalla, li kienet sinjal tal-patt ta’ Alla mad-dixxendenti ta’ Noe wara d-dilluvju.

Mal-Arka ta’ Noe tiġi wkoll imqabbla fl-ewwel ittra ta’ San Pietru Appostlu l-Knisja, li fiha Kristu – wara li jkun ġab ir-rebħa fuq il-mewt u fuq id-dnub – iwettaq kontinwament l-opra tar-Redenzjoni.

Bdanakollu l-Arka ta’ Noe kienet spazju magħluq. L-opra ta’ Kristu hija llimitata fl-ispazju u fiż-żmien.

Il-Knisja sservi din l-opra bħala sinjal u strument.

Hawn hu Kristu:

– Miet darba ghal dejjem għad-dnubiet – il-Ġust għall-inġusti, biex ireġġana lura għand Alla.

Hawn hu Kristu:
– maqtul, veru, fil-ġisem, imma msejjaħ għall-ħajja mill-Ispirtu.

Hawn hu Kristu:
– bilqiegħda fil-lemin ta’ Alla, għaliex telà s-sema, hemm fejn ġew issuġġetati għalih l-Anġli u l-Qawwiet u d-Dominazzjonijiet.

Dak Kristu, fl-Ispirtu Santu,
“mar biex iħabbar is-salvazzjoni wkoll lill-ispirti li kienu jistennew fil-kalzri; huma kienu fiż-żmien irrifjutaw li jemmnu” (1Pt 3,19), l-istess bħal fil-jiem ta’ Noe.

L-istess Kristu
fil-magħmudija jsalvana, jiġifieri jifdina “mhux bit-tneħħija tal-ħmieġ tal-ġisem, imma b’innovazzjoni ta’ salvazzjoni indirizzata lil Alla min-naħa ta’ kuxjenza tajba” (cf. 1Pt 3,21): isalvana u jifdina grazzi għall-qawmien mill-mewt tiegħu.

3. Hekk, mela, il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tiftaħ is-sawm tar-Randan, waqt li tirreferi ruħha l-ewwel għall-eżempju ta’ Kristu, u mbagħad għall-qawwa redentriċi ta’ Kristu, operanti fil-Knisja u fil-ħolqien kollu:
– għall-qawwa redentriċi u santifikatriċi.

Ir-Randan huwa t-triq li tinfetaħ quddiemna. Għal għonq din it-triq tixtieq timxi l-Knisja kollha tul dawn l-erbgħin jum.

4. U għal dan titlob illum:
“Għinni, Mulej, nagħraf triqatek, / għallimni l-mogħdijiet tiegħek. / Mexxini fil-verità tieġħek, u edukani, / għaliex inti Alla tas-salvazzjoni tiegħi, / fik jien dejjem ittamajt” (Sal 25 [24],4-5).

Ir-Randan huwa t-triq tal-verità.

Il-bniedem hemm bżonn li jsib lilu nnifsu fil-verità kollha tiegħu quddiem Alla. Hemm bżonn li jerġà jaqra l-verità tat-tagħlim divin, tal-kmandamenti divini, tar-rieda divina – hemm bżonn li jikkonfronta magħhom il-kuxjenza propja tiegħu.

Minn hawn tgħaddi t-triq tas-salvazzjoni. Din hija t-triq tat-tama.

5.Hekk, mela, terġà titlob il-Knisja. / Ftakar, Mulej, f’imħabbtek, / fil-fedeltà tiegħek li hi minn dejjem. / Ftakar fiha fil-ħniena tiegħek / f’ġieħ tjubitek, Mulej” (Sal 25 [24],6-7).

Ir-Randan huwa t-triq tal-verità, u ż-żmien tal-qawmien mill-ġdid tal-kuxjenzi.

Fuq kollox, dan huwa t-triq tal-Imħabba u tal-Ħniena. Permezz tal-imħabba biss il-verità tqajjem mill-ġdid lill-bniedem għall-ħajja. L-Imħabba biss li hija Ħniena, tixgħel it-tama.

Is-sawm tar-Randan huwa għajta kbira tal-Imħabba. Għajta penetranti. Għajta definittiva.

Dan huwa ż-żmien il-kbir tal-ħniena.

Jalla kulħadd jagħraf din it-triq!

6. U għalhekk il-Knisja fil-Liturġija tallum tkompli titlob:
“Tajjeb u rett il-Mulej, / it-triq ġusta offruta lill-midimbin; / tmexxi lill-umli skont il-ġustizzja, / tgħallem lill-fqajrin triqatha” (Sal 25 [24],8-9).

Il-Knisja titlob għall-umiltà tal-qalb umana. Titlob sabiex il-bniedem, permezz tal-umiltà, isib lilu nnifsu fil-verità, sabiex isib lilu nnifsu fil-verità nterna, sabiex b’dan il-mod ikun jistà jiltaqà mal-imħabba, li hija aqwa mid-dnub u mill-mewt, iktar qawwija minn kull ħażen, u sabiex iħalli lilu nnifsu jkun iggwidat mill-Kelma Divina: “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’kull kelma li tiħroġ minn fomm Alla” (Mt 4,4).

7. Hawn hu l-programm tal-Ewwel Ħadd tar-Randan. B’tali programm niġi llum bħala Isqof ta’ Ruma għand il-Komunità parrokkjali tagħkom biex inżurha.

Naf li l-parroċċa ta’ Sant Andrea delle Fratte hija ta’ oriġini antika. Il-predeċessur tiegħi il-Papa Sistu V afda għall-attenzjoni tagħha lill-meritorji Patrijiet Minuri ta’ San Franġisk ta’ Paola, u l-bini ta’ din il-Knisja sabiħa dam għall-kważi is-seklu sbatax kollu. Hawn nieħu gost insemi żewġ grajjiet, li b’mod feliċi immarkaw l-istorja tal-Bażilika: Il-konverżjoni f’salt wieħed ta’ Alfonsu Ratisbonne  fis-seklu li għadda, wara dehra misterjuża tal-Verġni Immakulata, u ċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel Quddiesa tal-Beatu Massimiljanu Kolbe fuq l-altar tal-Madonna mirakoluża.

Dawn il-fatti tal-imgħoddi jimponu fuq il-parruċċani kollha tallum l-esiġenza ta’ ħajja nisranija dejjem iktar impenjata u ferrieħa. U b’dan il-għan naf li huma investiti b’dedikazzjoni ir-Responsabbli kollha tal-parroċċa stess, li lilhom nindirizza t-tislima kordjalissma tiegħi: mill-Kardinal Vigarju sal-Isqof taż-Żona Filippo Giannini, u b’mod partikolari mill-Kappillan sal-Kollaboraturi l-iktar diretti tiegħu. B’mod speċjali, insellem lir-rappreżentanti tad-diversi Familji reliġjużi maskili u femminili operanti hawnhekk, il-membri tal-Kunsill parrokkjali, il-Katekisti u dawk kollha li jappartienu lid-diversi movimenti kattoliċi.

Irrid imbagħad infakkar liż-żgħażagħ, u lill-ħaddiema kollha residenti hawn, impjegati u professjonisti, il-morda u l-persuni anzjani. Għalikom ilkoll imur l-inkuraġġiment l-iktar sinċier tiegħi u l-awgurju, flimkien mal-assikurazzjoni tat-talb tiegħi, sabiex tkunu tistgħu tiskopru dejjem mill-ġdid is-sbuħija li tkun nisrani u hekk toffru xhieda konsegwenti u mdawla.

8. F’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan nixtieq intenni l-kliem ta’ San Pietru Appostlu, l-ewwel Isqof tal-Knisja ta’ Ruma:

Għeżież “Kristu miet darba għal dejjem għad-dnubiet, ġust għall-inġusti, biex iwassalkom għand Alla” (1Pt 3,18).

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: