Riflessjoni fuq il-Qalb ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù hija okkażjoni biex aħna nimmeditaw fuq il-ħlewwa u t-tjubija ta’ qalbu.

1• Sidna Ġesù Kristu ta’ qalb ħelwa

Fil-Vanġelu li jinqara Sena A minn San Mattew Ġesù nsibu: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Erfgħu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien qalbi ħelwa u umli, u intom issibu mistrieħ għal irwieħkom, għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa’ (11, 28-30).

Jekk irridu x’naraw x’irid jgħidilna Ġesù rridu huwa importanti li nifhmu xi jfisser madmad. Dan huwa għodda tal-biedja u jikkonsisti f’għuda magħmula minn lasta, twila xi seba’ piedi, bi traversa fit-tarf li dak li jaħrat kien ixidd lill-barrin għall-ħrit biż-żewġ fir-raba’ u b’maħanqa għal kull bhima. Filwaqt li l-barrin kienu jaħartu aħjar naturalment il-madmad kien jikkawżalhom tbatija. B’dan il-mod l-espressjoni Maltija li tgħid; “jinsab taħt il-madmad” tfisser li huwa maħqur u qiegħed ibati sħiħ. Tista’ tfisser ukoll marbut jew imxekkel u wieħed ma jistax jagħmel dak li jrid.

Il-madmad li qiegħed jorbotna bih Kristu huwa eħfef minn dak tal-Fariżej li kienu legalisti u jgħabbu lill-poplu b’ħafna liġijiet ta’ ftit importanza u mbagħad ma kenux jagħtu kas tal-ispirtu tal-liġi. B’kuntrast magħhom it-tagħlim ta’ Kristu huwa aktar ħafif jiġifieri billi prietka fuq l-imħabba tal-proxxmu, it-talb, l-intenzjoni retta, l-umiltà, il-maħfra lejn l-għedewwa, spirtu ta’ sagrifiċċju u tagħlim ieħor pożittiv.

Il-messaġġ ta’ Kristu jagħmilna aktar bnedmin sħaħ u liberi filwaqt li dak tal-Fariżej kien iġib il-poplu skjav tal-liġi. Forsi wieħed jistaqsi x’inhuwa l-atteġġjament ta’ Kristu fuq il-għaxar kmandamenti li Alla ta’ lil Mosè fuq is-Sinaj. Ir-risposta hija ċara. Ġesù stess qalilna: “La taħsbux li jien ġejt biex inħassar il-Liġi jew il-Profeti, ma ġejtx biex inħassar imma biex inwassalhom għall-perfezzjoni; ngħidilkom is-sewwa, qabel ma jgħaddi s-sema u l-art, ma titneħħiex mil-Liġi l-iżgħar ittra jew tikka waħda sa ma jseħħ kollox” (Mt 5, 17-18).

2• Ġesù jagħtina l-paċi tal-qalb

Dan ma jfissirx li biex nimxu wara Kristu ma rridux inbatu wkoll. Anki Huwa bata wkoll anzi sal-mewt tas-salib. Iżda l-madmad ta’ Kristu huwa helu għax it-tbatija li jgħabbina biha twassalna għall-premju mhux biss tal-ġenna iżda anki tal-qawmien mill-imwiet. Kien ikun madmad kiefer kieku nagħmlu sagrifiċċji għal Kristu u mbagħad mal-mewt jispiċċa kollox. San Pawl stess jgħid: “Jekk f’din il-ħajja biss aħna nittamaw fi Kristu aħna l-aktar bnedmin imsejknin fost il-bnedmin kollha” (1 Kor 15, 19).

Proverbju Latin jgħidilna “Palma non sine pulvere” li jfisser ma hemmx premju mingħajr sagrifiċċju. Dan nistgħu narawh mill-istudenti li jridu jistudjaw sabiex jgħaddu mill-eżamijiet. U l-istess huma t-tbatijiet li jgħabbina bihom Kristu. Huma parti mit-triq li sseħiħbna fil-misteru tal-Għid. Il-madmad ta’ Kristu ma jwassalx għall-jasar u lanqas għal rebħ billi niksbu l-ħajja ta’ dejjem biss iżda minn din id-dinja stess.

Kristu ma jwegħidniex li f’din id-dinja ser jagħtina l-ġid materjali u lanqas li jeħlisna mit-tbatijiet tal-ħajja. Iżda fost l-imwieġ tal-ħajja jekk nimxu warajh ser jagħtina l-paċi tal-qalb. Din hija teżor li Alla jagħti biss lil dawk li huma ta’ qalb ħanina u li huma lesti li jagħmlu r-rieda tiegħu f’kull ċirkustanza tal-ħajja. Il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien iħobb jisħaq li r-reliġjon nisranija mhix waħda li toqtol il-ferħ kif sfortunatament xi wħud għandhom din l-impressjoni.

Ġesù qiegħed jistedinna biex tkun xi tkun is-sitwazzjoni ta’ ħajjitna: tbatija biex inħarsu l-kmandamenti u t-tagħlim tiegħu, meta nħossuna xejn quddiem id-dnub tagħna, fit-toqol tal-ħajja u fil-mard, nirrikorru għand Ġesù. Huwa stess jagħtina l-garanzija: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin u jien inseraħħkom” (Mt 11, 28).

3• Ġesù jgħallimna nkunu ħanina mal-proxxmu tagħna

F’din is-silta Ġesù jgħidilna: “Tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”.  Għalhekk qiegħed jitlobna biex aħna nkunu ta’ qalb ħanina ma’ dawk kollha li niltaqgħu magħhom. San Ġorġ Preca fid-daħla tal-ktieb li jġib it-titlu l-Mansjonijiet jikteb: “Mhuwiex devot tal-Qalb ta’ Ġesù min ma jimitahx. Kull ma għamel u qal Ġesù Kristu ħareġ kollu mill-qalb tiegħu kif hu stess għallem li mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-ħalq. Hija ħaġa naturali li kollox joħroġ mill-qalb u dak li joħroġ minnha juri l-kwalità tal-istess qalb.”

Meta nirrikorru f’kull sitwazzjoni ta’ ħajjitna għand Ġesù żgur li ser jinbidlu u nesperjenzaw it-tjubija u l-ħlewwa ta’ qalbu. Iżda fl-istess waqt għandna nitolbuh biex jagħtina l-qawwa ħalli nġibu ruħna bi ħlewwa mal-proxxmu tagħna.

Minn Angelo Xuereb

%d bloggers like this: