It-Tema tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ – Lisbona 2023

«Marija qamet u marret tħaffef» (Lq 1:39)

Din il-kwotazzjoni mill-Evanġelju ta’ San Luqa hija l-motto magħżul mill-Papa Franġisku għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se jsir għall-ewwel darba f’Lisbona il-belt kapitali tal-Portugall. Din il-frażi biblika tiftaħ ir-rakkont taż-żjara ta’ Marija lil kuġinitha Eliżabetta, ġrajja biblika li tiġi eżatt wara t-tħabbira tal-Anġlu Gabrijel lil Marija li kienet se tkun omm l-Iben ta’ Alla, li kienet it-tema tal-aħħar Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar fil-Panama.

Waqt id-djalogu tal-Anġlu ma’ Marija, fil-mument tat-tħabbira, Gabrijel jgħid lil Marija li l-kuġina anzjana tagħha, Eliżabetta, li kulħadd kien jaħseb li ma setax ikolllha tfal, hija tqila.  Wara li Marija qalet lill-Anġlu: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38), hija terħilha lejn Għajn Karim, raħal biswit Ġerusalemm fejn kienet tgħix Eliżabetta li issa kienet qed tistenna t-twelid ta’ Ġwanni, dak li kien se jipprepara t-triq għall-Messija.

Marija ta’ Nazaret hija l-figura l-kbira tal-mixja nisranija. Hija tgħallimna ngħidu iva lil Alla.

Fl-episodju bibliku taż-żjara ta’ Marija, l-azzjoni meta “Marija qamet” tippreżenta lil Marija kemm bħala mara ta’ karità kif ukoll bħala missjunarja. Il-fatt li hija telqet “tħaffef” turina dak li jgħid il-Papa Franġisku: “Jalla l-evanġelizzazzjoni taż-żgħażagħ tkun waħda attiva u missjunarja, għax b’hekk huma jagħrfu u jkunu xhieda tal-preżenza ta’ Kristu ħaj.” (Il-Papa Franġisku dwar il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ta’ Lisbona 2023)

Fl-Eżortazzjoni Appostolika Christus Vivit, indirizzata partikularment għaż-żgħażagħ,  Il-Papa Franġisku jistedinhom biex ikunu missjunarji kuraġġużi, u fost l-oħrajn jgħidilhom hekk: «Fejn jibgħatna Ġesù? M’hemmx fruntieri, m’hemmx limiti: jibgħatna kullimkien. L-Evanġelju huwa għal kulħadd, mhux għal xi wħud biss» (CV 177).

Rapport minn Fr Roy Galdes

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading