Il-Papa Franġisku se jżur l-Ukrajna?

Print Friendly, PDF & Email

Żjara li tista’ tnissel tama.

Kienu diversi l-personalitajiet li dan l-aħħar żaru l-Ukrajna bħala turija ta’ appoġġ għal dan il-poplu li għaddej minn tbatija kbira. Bilkemm temmen li qed isiru dawn l-atroċitajiet li se jibqgħu isiru jekk ma jkunx hemm solidarjetà konkreta minn dawk li jemmnu li l-invażjoni hi att għalkollox mhix ġustifikat. Bir-raġun li ħafna stennew li l-Papa Franġisku jkun fost dawk tal-bidu li jżuru l-Ukrajna, konvinti li l-preżenza tal-Papa fl-Ukrajna tista’ tkun appell qawwi għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Madankollu l-Isqfijiet tal-Ukrajna mhumiex għal kollox favur vjaġġ tal-Papa waqt li għaddej il-ġlied fil-pajjiż. Wieħed mill-Isqfijiet, Mons. Vitaliy Krivitskiy, tar-rit Latin ta’ Kyiv, f’intervista li kellu fl-aħħar jiem mal-ġurnal l-Avvenire, qal li filwaqt li żjara mill-Papa fl-Ukrajna tista’ tkun sinjal ta’ tama, imma għalissa dan mhux possibbli minħabba s-sigurtà kbira li hi meħtieġa. L-Avvenire hu l-ġurnal uffiċjali tal-Isqfijiet Taljani.

L-Isqof Krivitski qal:  “Għalina l-Kattoliċi, u għalija wkoll, l-intenzjoni tal-Papa li jkun qalb poplu li għaddej minn tbatija, hi raġuni ta’ tama qawwija. Aħna nħossu kemm il-Papa hu qrib tagħna mill-appelli tiegħu għall-waqfien mill-ġlied kif ukoll bl-azzjonijiet tiegħu biex tintbagħat għajnuna umanitarja. Hemm inbagħad it-talb kostanti tiegħu, li jinvolvi l-Knisja kollha. Iż-żjara tiegħu tista’ tagħtina aktar kuraġġ.”

Sigurtà ta’ livell għoli

Madankollu, meta ġie mistoqsi biex jgħid meta tista’ ssir din iż-żjara tal-Papa, l-Isqof Krivitskiy ma ta l-ebda data. Mhux biss li l-Papa jkun jeħtieġ livell għoli ta’ sigurtà, bi sfida għal ħafna suldati Ukreni li qegħdin fil-kamp tal-ġlied kontra r-Russja, imma wkoll għax parti mill-popolazzjoni ma laqgħetx tajjeb xi rimarki tal-Papa. Għalkemm l-Isqof Krivitskiy ma semmiex għal liema rimarki qed jirreferi, huwa ċar li l-Papa Franġisku mhux favur li jingħataw armi lill-Ukrajna biex jintużaw kontra r-Russja.

Ħaġa oħra hi li ngħatat ħafna importanza għar-rimarka tal-Papa dwar in-NATO. Il-Papa kien irrefera għal taħdita li kellu ma kap ta’ pajjiż li ma semmiex min hu, qabel ma bdiet l-invażjoni Russa tal-24 ta’ Frar. Il-Papa semma li dan il-politiku qal li n-NATO kienet qed “tinbaħ fl-għatba tal-bieb tar-Russja.”

Dan ma jfissirx li l-Papa ġġustifika l-gwerra. Il-Papa hu kap ta’ Knisja universali; mhuwiex politku u għalih mhemmx distinzjoni bejn min hu Ukren jew min hu Russu. Kull poplu hu għal qalbu u ma jistax jieħu naħa jew oħra. Imma jkun hemm min jinterpreta mingħajr ma jara l-vera intenzjoni tal-Papa f’dak li jesprimi. F’diskursata mal-edituri tal-gazzetta tal-Ġiżwiti, La Civiltà Cattolica, pubblikata nhar it-Tlieta 14 ta’ Ġunju, b’riferenza għall-gwerra tal-Ukrajna, il-Papa qal: “Hawnhekk m’għandniex naħa tajba u naħa ħażina. Mhemmx it-tajbin u l-ħżiena. Inħolqot xi ħaġa globali, b’elementi li jidħlu f’xulxin.” Nafu kif il-Papa Franġisku kkundanna “l-feroċita, il-kefrija tat-truppi Russi”. Imma kkritika wkoll in-negozju tal-armi għax dan qed ikun inċentiv għall-gwerra. Xi osservaturi ħadu dan il-kliem bħala oġġezzjoni għall-Ukreni biex jiġu provduti bl-armi.

Xi ġesti oħra tal-Papa wkoll ġabu sfiduċja għal xi wħud. Ngħidu aħna l-Papa kellu reazzjoni fuq rimarki oħra u deċiżjonijiet li għamel mindu bdiet il-gwerra, bħal meta talab lil mara Russa u lil mara Ukrena biex jerfgħu flimkien is-salib waqt il-Via Crucis tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ruma.

L-Ukreni għal qalb il-Papa

Waqt li l-Papa deher fir-ritratt qed ibus bandiera Ukrena minn Bucha, fejn saru ħruxijiet kriminali f’din il-gwerra, appella għall-waqfien mill-ġlied u offra li jassisti fil-mejda tan-negozjati. Hawnhekk ukoll, kien hemm min ikkummenta li l-Papa baqa’ lura milli jsemmi “Russja” jew “Putin” bħala l-aggressuri fil-konflitt.

Fl-Angelus ta’ nhar il-Ħadd 19 ta’ Ġunju, il-Papa Franġisku spiċċa b’dan il-kliem: “U ma ninsewx is-sofferenza tal-poplu Ukren f’dan il-mument, poplu li qed ibati.” Il-Papa staqsa erba’ mistoqsijiet li ried li kulħadd iżommhom f’moħħu. Waħda minnhom kienet: “X’qed tagħmel  inti llum għall-poplu Ukren?”

Fl-intervista mal-Avvenire, Mons. Isqof Vitalij Krivitskiy qal li biex il-Papa jżur l-Ukrajna, jeħtieġ li “nibnu consensus għall-vjaġġ tiegħu.” Qal li dan jieħu ż-żmien: “Ikun ferħ straordinarju li nilqgħu lill-Papa Franġisku ġo Kyiv, imma għalissa jiena nżomm li mhemmx il-kundizzjonijiet tajba għal din iż-żjara.”

L-Isqof Vitalij Krivitskiy, li kien magħżul bħala Isqof ta’ Kyiv mill-Papa Franġisku fl-2017, għandu fid-djoċesi tiegħu madwar 200,000 Kattoliċi tar-rit Latin, f’belt li fiha madwar 8 miljuni.

Il-kontribut tal-Knisja

Mistoqsi dwar jekk jemminx li l-Papa jista’ jkun ta’ kontribut biex tieqaf il-gwerra fl-Ukrajna, l-Isqof Krivitskiy qal: “Ċertament!” Qal ukoll li s-Santa Sede “jista’ jkollha r-rwol fundamentali bħala medjatur bejna u bejn ir-Russja. In-negozjati jeħtieġu rikonċiljaturi u l-Papa hu wieħed minnhom, għalkemm hawnhekk ma jqisuhx bħala super partes (jiġifieri li ma jżomm mal-ebda naħa).”

Quddiem il-kontroversja dwar ir-rimarki tal Papa, l-Isqof Krivitskiy wera l-fiduċja tiegħu li l-Papa Franġisku u dawk kollha involuti fid-diplomazija tal-Vatikan “qed jiżirgħu żerriegħa li toħloq ambjent ta’ djalogu, li hu pre-rekwiżit biex jinfetħu n-negozjati.” 

Joe Galea

%d bloggers like this: