Għaddew sittin sena mill-mewt ta’ Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali, iżda leħnu għadu ħlejju u sod. U jkun f’waqtu bħala Maltin li nkomplu neżaminaw ir-rilevanza tiegħu għal żminijietna. Dan hu l-iskop tal-aħħar ħarġa tar-rivista Knisja 2000 maħruġa kull tliet xhur mill-Patrijiet Dumnikani Maltin.
Fl-editorjal tiegħu Dun Karm: għadu rilevanti?, Patri Raymond Gatt OP, l-editur tar-rivista, isemmi li wieħed mill-iktar poeti magħrufa fil-gżejjer tagħna hu Dun Karm Psaila li l-patrimonju poetiku kbir li ħallielna kompla żejjen il-letteratura Maltija. Hu jgħid li kien l-impenn ta’ Dun Karm fil-qasam poetiku li wasslu biex fl-1935 ġie msejjaħ għall-ewwel darba Poeta Nazzjonali.

L-artiklu ewlieni f’din ir-rivista hu ta’ Professur Charles Briffa li jikteb dwar “It-testment poetiku ta’ Dun Karm”. Hu jsemmi li fid-dinja tal-lum li qed twarrab bosta drawwiet kulturali ta’ niesna għandna bżonn ħafna lil Dun Karm li dejjem fittex li jgħaqqad lil ġensu flimkien u mal-imgħoddi bil-valuri siewja li hu kellu minn ġiddu. L-awtur iwieġeb għall-mistoqsija għaliex kittieb jissejjaħ nazzjonali. Jgħid li l-poeżiji ta’ Dun Karm għenu biex jiddeterminaw in-natura ta’ bosta kitbiet ta’ poeti oħra. Dan għen biex issawwar il-mod ta’ kif il-poeżija Maltija għandha tinftiehem fis-seklu 20 u wara.
Il-letteratura, jgħid Professur Briffa, hi tiġrib dejjiemi u, billi fiha hemm element ta’ stħajjil, hemm għaxqa wkoll. L-innovazzjonijiet tal-avvanzi teknoloġiċi kibru u l-mod ta’ qari tagħna evolva. Imma l-essenza tal-letteratura u l-effett tagħha baqgħu ma nbidlux. Għalhekk il-letteratura Maltija għadha tinkiteb ukoll illum wara l-ewwel snin tas-seklu 21.
Jikteb ukoll dwar il-qawwa tal-poeżija u jgħid li t-temi differenti ta’ Dun Karm jeħduna f’oqsma differenti tal-proċessi tal-ħsieb kreattiv tiegħu. Ħafna mit-temi ta’ Dun Karm għadhom joqogħdu għal-lum. F’dan il-każ, lil Dun Karm nisgħtu narawh bħala għalliem morali għal kull żmien għax il-poeżija jpinġielna bħala ‘bint l-imħabba’.
Dwar l-eżattezza lingwistika tal-Poeta Nazzjonali, Professur Briffa kiteb li Dun Karm iħajjarna nibqgħu ngħożżu r-reliġjon kemm fil-letteratura kif ukoll fis-soċjetà. Dun Karm dejjem fittex li jżewweġ il-Kattoliċiżmu nazzjonali max-xejriet realistiċi biex isib sens fl-eżistenza u biex jara li hemm rabta ta’ sħubija bejn Alla u l-umanità. Forsi l-poeta ma setax isib lil Alla fit-teknoloġija għax din ma setgħetx tesprimi lil Alla ħaj u allura kellu jesprimi l-fidi tiegħu u x-xewqa għall-preżenza ta’ Alla ħaj fil-poeżija li saret id-dar tat-twemmin. Dun Karm, isostni Professur Briffa, kien jara lil Alla billi jgħaddas lilu nnifsu fl-esperjenzi u l-ħsus umani u jżid li l-ħsieb reliġjuż ta’ Dun Karm hu għamla ta’ sentiment reliġjuż u wkoll tfittxija għall-għarfien.
Iżda barra qassis u poeta, Dum Karm hu fuq kollox bniedem u fil-poeżija tiegħu spiss niltaqgħu ma’ riferenzi marbutin mal-ħajja personali tiegħu.
Il-poeżija ta’ Dun Karm hi waħda ta’ ideat mgħobbija bi xbihat fiżiċi mislutin mir-realtà. Ideat li fil-poetika tat-twemmin insibuhom jiddiljaw ma’ kawżi storiċi, patrijottiċi, reliġjużi, morali jew soċjali u li jitolbu tħassib xieraq biex nagħrfu lill-poeta bħala bniedem pożittiv li jemmen fl-effikaċja tal-ħsieb poetiku li jrid jidħol fil-kontemporanjetà, temm Professur Briffa.
Artikli oħra dwar Dun Karm fi Knisja 2000 huma ta’ Dr Josette Attard, Andrè P. DeBattista, Professur Adrian Grima, Dr Mario Cutajar, David Calleja, Patrick J. Sammut, Wayne Farrugia, Fr David Torpiano u Tarċisju Zarb.
Knisja 2000: “Dun Karm: għadu rilevanti?” qed jinbiegħ minn Librerija Preca, Blata l-Bajda. Wieħed jista’ jabbona f’din ir-rivista billi jikteb lil Patri Raymond Gatt OP, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Triq San Duminku, Il-Belt VLT1603 jew fl-indirizz elettroniku gattrayop@yahoo.com
Minn Michael Caruana