Sadattant, id-Dar Pubblikazzjonijiet Dumnikani ppubblikat ukoll il-ktieb Reflections on Justice and Peace. Dan il-ktieb primarjament jiġbor fih siltiet magħżula mill-Atti tal-Kapitli Ġenerali tal-Ordni Dumnikan (minn dak li sar fi Quezon City fl-1977 sa dak li sar fi Biên Hòa fl-2019) rigward il-ħidma fil-qasam tal-ġustizzja u l-paċi.
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Ordni Dumnikan qablet li tiġbor xi artikli li jakkumpanjaw dawn is-siltiet biex jgħinu lill-qarrej ipoġġi f’kuntest l-imsemmija siltiet mill-Atti tal-Kapitli Ġenerali tal-Ordni Dumnikan.

Fost dawn nsibu artiklu mill-Majjistru tal-Ordni Fra Franġisku Timonier III dwar il-predikazzjoni tal-ġustizzja u l-paċi; artiklu dwar il-kuntest kulturali u soċjali li fih żviluppaw dawn is-siltiet tal-Atti bħala tweġiba profetika għar-realtà soċjo-ekonomika li qed ngħixu fiha, kif ukoll artiklu dwar l-ispiritwalità Dumnikana fil-qasam tal-ġustizzja u l-paċi. Kien xieraq ukoll li dan il-ktieb ikollu artiklu minn Fra Michael Deeb, li kien għadu kif spiċċa l-mandat tiegħu bħala promotur ġenerali tal-ġustizzja u l-paċi fl-Ordni, fejn jaqsam mal-qarrejja l-esperjenza tiegħu.
Il-ħsieb wara din l-inizjattiva hu li jintwera fid-dieher dan it-teżor li l-Ordni Dumnikan żviluppa matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. Kulmin għandu għal qalbu l-Aħbar it-Tajba u l-Predikazzjoni tal-Evanġelu għandu jsib dan il-materjal ta’ għajnuna għalih u ta’ ispirazzjoni għal ħajja Nisranija awtentika fejn il-Kelma ta’ Alla tiġi inkarnata fir-realtà tal-ħajja soċjali li ninsabu fiha.
Kopji tal-ktiebReflections on Justice and Peace jinkisbu mingħand Patri Raymond Gatt OP, Kunvent San Duminku, Triq San Duminku, Il-Belt inkella billi jsir kuntatt miegħu fuq gattrayop@yahoo.com
Minn MIchael Caruana