Ġwanni Pawlu II f’Ħadd il-Palm

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-PALM
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Il-Hadd, 4 ta’ April 1982

1. “Osanna! / Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! / Imbierka s-saltna li ġejja, ta’ missierna David! / Osanna fl-għoli tas-smewwiet!” (Mk 11,9s).

Il-jum tal-eżaltazzjoni ta’ Ġesù ta’ Nażżaret.

Kien hemm jum li fih Ġesù ta’ Nażżaret kien eżaltat quddiem għajnejn il-poplu. U ippermetta dan. Anzi, sa ċertu punt huwa stess ħoloq il-kondizzjonijiet sabiex iseħħ dan, waqt li daħal Ġerusalem fuq felu ta’ ħmara, imdawwar mid-dixxipli tiegħu, propju meta minn diversi partijiet tal-Art Imqaddsa kienet inġabret hemm folla li ma tingħadx.

Meta l-Fariżej qalu: “Mgħallem, ċanfar lid-dixxipli tiegħek”, huwa weġibhom: “Ngħidilkom, jekk dawn jisktu, jibda jgħajjat il-ġebel” (Lq 19,39s).

Kien hemm jum li fih Ġesù ta’ Nażżaret, waqt li wettaq ir-rieda tal-Missier, ippermetta li timmanifesta ruħha fih il-glorja terrena tal-Messija: li timmanifesta ruħha quddiem Ġerusalem u mix-xuftejn talċ-ċittadini sħabu.

B’dan il-mod, infatti, kellha titwettaq l-Iskrittura, li tesprimi b’mod irjali l-glorja tal-Messija: bħala l-eżaltazzjoni tad-dixxendent ta’ David.

Hekk, mela, illum niċċelebraw il-jum tal-eżaltazzjoni ta’ Ġesù ta’ Nażżaret quddiem għajnejn il-bnedmin.

Illum ukoll, waqt li nidħlu fil-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa, nibdew nimmeditaw il-misteru tal-eżaltazzjoni tal-Messija quddiem Alla.

2. Tal-għaġeb hija l-liturġija ta’ Ħadd il-Palm, bħalma tal-għaġeb kienu l-ġrajjiet tal-jum, li għalihom hija tirreferi.

Fuq l-entużjażmu tal-“osanna” messjaniku thedded dell profond. Dan huwa d-dell tal-passjoni li qiegħda toqrob. Kemm hu sinfikattiv saħansitra dan il-kliem tal-profeta li jitwettaq f’dan il-jum: “La tibżax, bint Sion! / Hawn hu, s-Sultan tiegħek ġej, / bil-qiegħda fuq felu ta’ ħmara!” (Ġw 12,15; cf. Żk 9,9).

Tistà, fil-jum tal-entużjażmu ġenerali tal-poplu għall-miġja tal-Messija, bint Sion ikollha mottiv ta’ biżà?

Bdanakollu iva. Huwa fil-qrib issa iż-żmien, li fih se jitwettqu fuq xuftejn Ġesù ta’ Nażzaret il-kelmiet tas-salmista: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex abbandunajtni?” (Sal 21 [22],2). Huwa nnifsu jippronunzja dan il-kliem mill-għoli tas-Salib.

Imbagħad, minflok mill-entużjażmu tal-poplu li jkanta “Osanna”, inkunu xhieda ta’ tmaqdir fil-bitħa ta’ Pilatu, fuq il-Golgota, eżatt kif iħabbar is-Salmista: “Jgħaddu ż-żmien bija dawk li jarawni, / ikemmxu xuftejhom, ixenglu rashom: / “Afda ruħu fil-Mulej, ħalli jeħilsu hu; jeħilsu, jekk inhu ħabibu”” (Sal 21 [22],8s).

3. Il-lituġija tallum – il-liturġija ta’ Ħadd il-Palm –, waqt li tippermettilna nieqfu fuq id-dħul trijonfali ta’ Kristu f’Ġesrusalem, tmexxina fl-istess ħin għat-tmiem tal-passjoni.

“Nifduli jdejja u riġlejja, / nistà ngħodd għadmi kollu…”.

U wara dan:

“Jaqsmu bejniethom ħwejġi / fuq il-mantar tiegħi jitfgħu x-xorti” (Sal 21 [22],17-19).

Bħallikieku s-Salmista diġa qiegħed jara b’għajnejh l-iżvolġiment tal-Ġimgħa l-Kbira.

Tassew f’dak il-jum, issa qrib, Kristu jirrendi ruħu ubbidjenti sal-mewt, u din se tkun il-mewt fuq is-Salib (cf. Fil 2,8).

4. U propju hawn, fi tmiem il-Passjoni, jibda l-misteru tal-eżaltazzjoni tal-Messija. Din l-eżaltazzjoni hija differenti mill-eżaltazzjoni “storika” quddiem il-bnedmin fil-jum tal-“Osanna” ferrieħa. Din hija l-eżaltazzjoni f’Alla nnifsu.

F’din l-eżaltazzjoni f’Alla saru introduzzjoni mmedjata l-umiljazzjoni ta’ Kristu u t-tneżżiħ definittiv permezz tas-Salib.

“(Kristu Ġesù) minkejja li kien ta’ natura divina ma qiesx teżor għajjur l-ugwaljanza tiegħu ma’ Alla; imma neżżà lilu nnifsu billi assuma l-kundizzjoni ta’ qaddej…” (Fil 2,6s).

Dan il-kliem mill-ittra lill-Filippin jirreferi mhux biss għall-Passjoni. Dan jikkostitwixxi, sa ċertu punt, il-ġbir fil-qosor tal-ħajja kollha ta’ Kristu. Jikkostitwixxi l-indikatur tal-misteru kollu tal-Inkarnazzjoni.

Jirriżulta, infatti, b’mod ċar mnn dan il-kliem li huwa “neżżà lilu nnifsu” minħabba l-fatt stess li, “minkejja li kien ta’ natura divina”, aċċetta l-kondizzjoni umana, in-natura umana: assuma l-“kondizzjoni ta’ qaddej”. Waqt li setà ma’ kull pass “jisfrutta l-okkażjoni li jkun daqs Alla”, għażel b’mod konxju dak kollu li qiegħdu “fl-istess ilma” tal-bniedem: “esternament magħruf bħala bniedem”.

U hekk hu, qegħdin noqorbu lejn it-tmiem ta’ dan il-livellament. Nilħquh mela, meta Kristu “jumilja lilu nnifsu billi jagħmel lilu nnifsu ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt fuq is-Salib”.

5. Iżda propju dan it-tmiem ifisser il-bidu tal-eżaltazzjoni.

L-eżaltazzjoni ta’ Kristu tinġabar fit-tneżżih ta’ Kristu. Il-glorja għandha l-bidu tagħha u s-sors fis-Salib.

San Pawl fl-ittra lill-Filippin dan jenfasizzah b’mod ċar, meta jibda s-sentenza li jmiss tat-test manifiku tiegħu bil-kelma “Għal dan”.

“Għal dan Alla għollieh u tah isem li hu fuq kull isem ieħor” (Fil 2,9).

L-Appostlu jara din l-eżaltazzjoni bil-kejl tad-dinja viżibbli u inviżibbli. Allura jikteb “…U tah isem li hu fuq kull isem ieħor; sabiex fl-isem ta’ Ġesù kull irkobba tmil fis-smewwiet, fuq l-art u taħt l-art; u kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu huwa l-Mulej – għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2,9-11).

Tali huwa d-daqs tal-eżaltazzjoni ta’ Kristu f’Alla. Ta’ dak Kristu, li f’Ħadd il-Palm ippermetta l-“eżaltazzjoni” tiegħu quddiem għajnejn Ġerusalem, meta ma kienx fadal għajr ftit jiem għall-kruċifissjoni  .

B’dan il-Ħadd il-Knisja ssib ruħha fuq l-għatba tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Din hija l-ġimgħa paskwali.

Fiha jinġabar il-misteru tat-tneżżih ta’ Kristu u tal-eżaltazzjoni tiegħu: tależaltazzjoni permezz tat-tneżżih.

B’umiltà kbira, b’fidi u b’imħabba ejjew inħarsu ‘l quddiem lejn dan il-misteru.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: