Ġwanni Pawlu II fil-Quddiesa tal-Ġriżma f’Ħamis ix-Xirka

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA TAL-GRIŻMA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ħamis ix-Xirka 
Bażilika ta’ San Pietru,
8 ta’ April 1982

 1. “Illum twettqet din l-Iskrittura…” (Lq 4,21).

Din l-“Illum” tal-Vanġelu tirreferi għal dak il-jum, ġo Nażżaret, meta Ġesù irrivela ruħu, għall-ewwel darba, bħala l-Messija, bħala l-Midluk u l-Mibgħut tal-Missier.

Dakinhar ingħatatlu l-parċmina tal-Profeta Iżaija u qara l-kliem: “L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi; / għal dan ikkonsagrani bid-dlik, / bagaħtni biex inħabbar lill-fqajrin l-aħbar it-tajba…” (Lq 4,18; cf. Iż 61,1).

Propju dik l-“illum” Nażżaretana kienet tfisser mela l-bidu tal-missjoni pubblika ta’ Ġesù ta’ Nażżaret; kienet tfisser il-bidu tal-Vanġelu. Il-bidu “ta’ dak kollu li Ġesù għamel u għallem” (At 1,1) f’nofs ilpoplu tal-Galilea, il-Ġudea u s-Samarija.

Issa dik il-missjoni pubblika qiegħda toqrob lejn tmiemha.

Fil-liturġija ta’ filgħodu ta’ Ħamis ix-Xirka il-Knisja tirrepeti l-kliem ta’ Nażżaret, mhux biss biex tfakkar dik l-“illum” ta’ dakinhar, imma biex tintroduċina fl-illum” attwali.

2. Hekk hu, illum iwettqu ruħhom sal-aħħar il-kliem tal-Iskrittura Illum jibda t-“tridu” li huwa, sa ċertu punt, Jum wieħed, Jum-Misteru, Jum-Għid.

F’dan il-Jum, Kristu jinsab fi tmiem triqtu terrena. Jinsab fil-quċċata tal-qawwa messjanika tiegħu.

F’dan il-jum, fiċ-Ċenaklu, se titwieled mill-milja ta’ din il-qawwa, il-Knisja. Infatti, il-Knisja tikkostitwixxi ruħha permezz tal-Ewkaristija. Fis-sigħat ta’ filgħaxija ta’ Ħamis ix-Xirka, inġeddu l-Aħħar Ċena, li waqtha Kristu ħalla lill-Appostli is-sagrifiċċju  ta’ Ġismu u ta’ Demmu; ħalla l-Ewkaristja.

Waqt li ttrażmetta dan is-Sagrifiċċju tiegħu uniku u bla tmiem, huwa “għamel minna saltna ta’ saċerdoti għal Alla tiegħu u Missieru” (Ap 1,6). Għamel minna l-Knisja.

Is-saċerdoti huma dawk li joffru s-Sagrifiċċju, fih tirrivela ruħha u tattwa ruħha s-Saltna ta’ Alla fuq l-art.

Is-saċerdoti jirċievu d-dlik.

F’Ħamis ix-Xirka l-Knisja tbierek, kull sena, iż-Żjut liturġiċi, li permezz tagħhom hija tippriedka is-“sena tal-grazzja tal-Mulej” il-ġdida” (Lq 4,19; cf. Iż 61,2).

Hekk hu, infatti, fid-dlik liturġiku mqaddes niksbu s-sehem f’dan id-dlik uniku, etern tal-Midluk u għall-missjoni tal-Mibgħut.

Jiġu midluka l-irjus u l-idejn tal-bnedmin, u dan isir waqt iċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti Mqaddsa tal-Knisja. Jiġu wkoll midluka l-oġġetti u l-postijiet iddedikati lil Alla.

Id-dlik ifisser il-qawwa tal-Ispirtu, mogħtiha f’milja lill-Messija tal-Mulej. Id-dlik ifisser il-grazzja: is-sbuħija u l-isplendur tas-sehem fil-qawwa tal-Ispirtu.

Id-dlik ifisser ir-rabta li tagħti s-saħħa mal-Messija, ma’ Kristu Midluk u Mibgħut mill-Missier.

3. Għeżież Ħuti!

Aħna lkoll “midlukin” b’mod partikolari u aħna “mibgħutin” permezz tas-sagrament tas-saċerdozju.

Fost dawk li Kristu għamel u jkompli dejjem jagħmel “saltna ta’ saċerdoti! aħna saċerdoti b’mod partikolari, sagramentali.

Ukoll ilkoll issellifna b’mod partikolari mill-milja ta’ din il-qawwa messjanika li rrivelat ruħha fl-“illum” ta’ Ħamis ix-Xirka ta’ Kristu.

Dan l-“illum” huwa il-Jum tagħna. Huwa l-festa tagħna. Twelidna flimkien mal-Ewkaristija, mela twelidna flimkien mal-Knisja fiċ-Ċenaklu tal-Aħħar Ċena.

Waqt li waqqaf is-Sagrifiċċju, li minnu tikkostitwixxi ruħha b’mod kostanti l-Knisja, Kristu flimkien magħha bierek is-saċerdoti, ministri tas-Sagrifiċċju tiegħu.

Huwa qal: “Agħmlu dan… b’tifkira tiegħi” (1Kor 11,25). U dan aħna nagħmluh. Nagħmluh ilkoll, hawn miġburin u s-saċerdoti kollha fil-Knisja kollha kemm hi, li magħhom il-jum tallum jgħaqqadna fi fratellanza sagramentali profonda.

4. Oh! Kemm nafu lil “Dak li jħobbna” (Ap 1,5); lil Dak li kien l-ewwel li ħabbna u stedinna, sejħilna u ħejjiena fl-Ispirtu tiegħu, u fl-aħħar dilikna, permezz tas-servizz tal-Knisja.

“Jiena l-Alfa u l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, Dak li hu, li kien u li jiġi, l-Omnipotenti!” (Ap 1,8).

Għal dan l-Alla, li huwa l-Bidu u t-Tmiem tal-ħwejjeġ kollha, aħna saċerdoti. Bejn il-Bidu u t-Tmiem hemm iż-żmien tal-krejaturi kollha. Bejn l-Alfa u l-Omega hemm id-dinja li tgħaddi. F’dan iż-żmien li jgħaddi, f’din id-dinja jidħol Kristu: il-Midluk u l-Mibgħut. Kristu uniku, etern saċerdot.

U aħna minnu u fih.

Permezz tal-Ewkaristija. Permezz tas-Sagrifiċċju li huwa afda f’idejna, għal fommna u għal qalbna.

Minnu u fih aħna għal Alla.

Minnu u fih aħna wkoll għall-bnedmin, għaliex aħna magħżulin fost il-bnedmin (cf. Lh 5,1).

Aħna saċerdoti permezz tas-servizz tagħna kollu. Permezz tal-konsagrazzjoni tal-esseri uman tagħna: minnu, fih u miegħu.

5. Illum imissna nkantaw il-kantiku ta’ gratitudni flimkien mas-Salmista: “Sibt lil David, qaddej tiegħi, jgħid il-Mulej, / biż-żejt tiegħi kkonsagrajtu; / idi hija s-sosten tiegħu, / driegħi il-qawwa tiegħu” (Sal 88 [89],21-22).

Hemm bżonn li nkantaw il-kantiku tal-gratitudni lill-Mulej għaliex sabna bħal David, għaliex dilikna, biex jiggwidana u jsaħħaħna.

“Il-fedeltà tiegħi u l-grazzja tiegħi se jkunu miegħu / u f’ismi se jgħolli l-qawwa tiegħu. / huwa se jsejjaħli: inti missieri, / Alla tiegħi u blata tas-salvazzjoni tiegħi” (Sal 88 [89],25.27).

Kemm hu twajjeb Alla, Missier u Blata tas-salvazzjoni tagħna! Jalla ilkoll kemm aħna nżommu miegħu l-fedeltà!

Jalla l-misteru ta’ Ħamis ix-Xirka jġedded l-allejanza saċerdotali tagħna ma’ Alla, il-Blata tas-salvazzjoni tagħna!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: