Żewġt iljieli qabel is-37 Vjaġġ Appostoliku tiegħu barra mill-Italja, l-Papa Franġisku żar, kif inhi drawwa tiegħu l-Bażilika ta’ Santa Maria Maggore biex jafda ż-żjara tiegħu lill-Madonna. Skont stqarrija mill-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, l-Papa Franġisku telaq il-Ħadd filgħodu u jasal il-Kanada għall-ħabta tad-9am ħin lokali.
Il-Ħadd li għadda, waqt it-talba tal-Angelus, il-Qdusija Tiegħu ddeskriva l-vjaġġ tiegħu lejn il-Kanada bħala “pellegrinaġġ penitenzjali”, li jittama li jikkontribwixxi għal proċess ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni mal-popli indiġeni tal-pajjiż.
Matul iż-Żjara, li se ddum sitt ijiem, il-Papa se jagħmel waqfiet f’Edmonton, Quebec, u l-belt tat-Tramuntana ta’ Iqaluit. F’kull wieħed minn dawn il-postijiet, fil-qalba taż-żjara tal-Qdusija Tiegħu, ikun hemm ix-xewqa li “niltaqgħu u nħaddnu l-popli indiġeni”, kif ħabbar waqt l-Angelus tiegħu tas-17 ta’ Lulju, fejn spjega li “sfortunatament, fil-Kanada, ħafna Insara, inklużi membri ta’ istituti reliġjużi, taw kontribut għall-politika ta’ assimilazzjoni kulturali li, fil-passat, għamlu ħsara kbira lill-komunitajiet indiġeni b’diversi modi”.
Il-Papa qed jagħmel dan il-vjaġġ bi tweġiba għall-istediniet li sarulu mill-Knisja u mill-awtoritajiet ċivili fil-Kanada, u mill-popli indiġeni tal-Kanada nfushom.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-07/pope-francis-apostolic-journey-canada-saint-mary-major.html