In-Niġerja: F’xahrejn, aktar minn 60 Kristjan ġew maqtula f’Benue

Print Friendly, PDF & Email

Fl-aħħar ftit xhur, fl-Istat ta’ Benue, fin-Niġerja Ċentrali, mill-inqas 68 Kristjan inqatlu, b’ħafna aktar maħtufa jew spostati. Aid to the Church in Need, fundazzjoni Pontifiċja tal-karità, li tappoġġja lill-fidili kull fejn huma oppressi, ppersegwitati, jew fil-bżonn, irċeviet rapport mingħand l-Isqof Wilfred Chikpa Anagbe ta’ Makrudi, Benue, li enfasizza l-iskala inkwetanti tas-sitwazzjoni u indika n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Niġerjani.

Fiċ-ċentru ta’ din il-problema hemm “attakki persistenti minn terroristi mit-tribu Fulani” li huma l-aktar Musulmani, u li huma kontra komunitajiet tal-biedja, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma Kristjani. Ir-raġunijiet għall-attakki huma kumplessi. Il-kunflitti bejn ir-raħħala nomadi u l-bdiewa stabbilti jmorru lura sekli sħaħ, iżda bl-influss ta’ armi tan-nar, dawn l-attakki kibru u ġew aktar distruttivi u fatali.

F’dawn l-aħħar snin, in-Niġerja ġiet affaċċjata bl-isfida li tiġġieled in-nuqqas ta’ sigurtà, speċjalment fir-reġjuni tat-Tramuntana u taċ-ċentru tagħha. L-problemi bdew bl-attivitajiet tal-grupp jihadista estremista Boko Haram, iżda aktar reċentement evolvew biex jinkludu ġlied bejn ir-rgħajja u bdiewa stabbli, u attakki minn ħallelin armati mhux magħrufa.

L-Isqof Anagbe enfasizza dimensjoni reliġjuża għall-attakki, filwaqt li nnota li “s-sitwazzjoni qed taggrava, f’pajjiż maqsum b’mod ugwali bejn maġġoranza Kristjana fin-naħa tan-Nofsinhar tal-pajjiż, u l-biċċa l-kbira Musulmana fin-naħa tat-Tramuntana, bil-biċċa l-kbira tal-ġlied iseħħ fir-reġjun ċentrali, li jippossjedi wkoll l-aktar art fertili”. Huwa qal li “l-iskala ta’ qtil, spostamenti u qerda bla ħsieb ta’ proprjetà minn dawn il-milizzji ġiħadisti Fulani ssaħħaħ biss l-aġenda l’ issa ġiet żvelata biex il-komunitajiet Kristjani fin-Niġerja jiġu depopolati u jieħdu l-artijiet f’idejhom.” Żied jgħid li xi wħud mit-terroristi saħansitra “jilgħabuha li huma rgħajja nomadi, biex jaħbu l-intenzjoni vera tal-attakki, jiġifieri li jkeċċu lil Kristjani minn arthom”.

Quddiem l-insigurtà kkawżata minn dawn l-attakki, l-Isqof Anagbe stqarr li “l-Istat ta’ Benue huwa magħruf li huwa l-basket tal-ikel tan-nazzjon, iżda terroriżmu qed taffettwa s-sitwazzjoni tal-provvista tal-ikel”. Fil-fatt, żied jgħid, “il-bdiewa li normalment jistgħu jsostnu lilhom infushom u lill-familji tagħhom, issa qed ikollhom jgħixu bil-karità”.

L-Isqof kompla jgħid, li s-sitwazzjoni ta’ ħtieġa “naqqset lil ħafna għal kundizzjoni mhux denja tad-dinjità umana, li ħafna drabi jiddependu fuq razzjonijiet tal-ikel ikkontribwit minn oħrajn li l-kundizzjoni ekonomika tagħhom bl-ebda mod ma hi aħjar”.

Minkejja l-isfidi finanzjarji, l-Knisja qed tagħmel minn kollox biex twieġeb sabiex ittaffi t-tbatijiet ta’ dawk fil-bżonn, fosthom li tipprovdi ikel u ħwejjeġ għal dawk fil-kampijiet u tagħti boroż ta’ studju lil għexieren ta’ tfal spostati.

Hemm ukoll parroċċa f’uħud mill-inħawi ta’ insedjament li tilqa’ għall-bżonnijiet spiritwali tal-persuni spostati, u l-isqof jittama li jixtri klinika mobbli biex tgħin u tirrispondi għall-bżonnijiet tas-saħħa tagħhom.

F’dan kollu, ACN tkompli tappoġġja lill-Knisja lokali. Fl-2021, iffinanzjat 105 proġett fin-Niġerja f’oqsma differenti. Il-karità pontifiċja tipprovdi wkoll pjattaforma ta’ informazzjoni dwar it-tbatijiet tal-Insara u tgħin lill-awtoritajiet lokali tal-Knisja biex jitkellmu dwar il-libertà reliġjuża u l-persekuzzjoni Kristjana waqt avvenimenti internazzjonali.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2022-07/nigeria-insecurity-benue-two-months-aid-church-need-acn.html

%d bloggers like this: