Matul dawn il-jiem, il-Papa Franġisku qiegħed jagħmel vjaġġ penitenzjali, impenjattiv ħafna, fil-Kanada. Fost il-laqgħat li kellu, fost id-diskorsi u l-omeliji li għamel, fost it-tant drabi li fihom f’isem il-Knisja talab maħfra għal dak li kattoliċi bħalna wettqu kontra l-popli indiġeni tal-Kanada, donnu li għal uħud spikka biss, u forsi b’mod negattiv, ritratt li fih il-Papa deher liebes kappell tar-rix li tradizzjonalment jilbsuh biss iċ-Chiefs tal-popli indiġeni t’hemmhekk.
Fih innifsu dan kien ġesti sempliċi, imma ta’ solidarjetà kbira, mhux biss mill-Papa lejn dawn il-popli, imma wkoll daqstant ieħor mill-mexxejja nfushom li bħala turija ta’ rispett u rikonoxximent offrew lill-mexxej tal-Knisja li jilbes huwa wkoll dan il-forma ta’ kappell, li soltu jilbsuh biss il-mexxejja ta’ dawn il-popli.
Ġwanni Pawlu II fil-Kolumbja
Iż-żmien igerbeb u miegħu spiss tgerbeb ukoll il-memorja tagħna, forsi wkoll b’mod mill-aktar konvenjenti. Imma dak li jitħassar mill-memorja umana, ħafna drabi tfakkarulna l-memorja diġitali jew dik fotografika. Ikun tajjeb għalhekk, li għal dawk li nsew, infakkruhom ftit li tal-anqas anke l-aħħar żewġ papiet qabel il-Papa Franġisku, ma rawha xejn bi kbira li matul il-vjaġġi tagħhom jagħmlu ġesti simili ta’ solidarjetà.
Insemmmi per eżempju meta fl-1986, il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II kien fuq vjaġġ appostoliku fil-Kolumbja . Eżempju ieħor insibuh mill-vjaġġ li kien għamel fil-Messiku
Jew inkella meta Ġwanni Pawlu II, kien il-Brażil u hemm libes kappella Indjan bħal dak li jilbsu huma.
Imma anke fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan stessmeta huwa kellu laqgħa ma grupp ta’ Alpinisti, dakinhar huwa libes il-kappell li jilbsu huma.
Il-Papa Benedittu XVI ukoll
Imma aktar lejna fiż-żmien, anke l-Papa Benedittu XVI nnifsu ħass li ma kien hemm xejn ħażin li b’solidarjetà huwa wkoll jagħmel ġesti simili, fosthom per eżempju meta fil-Messiku għadda minn nofs il-folla liebes il-kappell tradizzjonali tagħhom.
Ngħid għalija dawn ir-ritratti fakkruni f’dak li fl-ewwel snin tal-Kristjaneżmu kien kiteb l-Appostlu Pawlu fl-ewwel ittra tiegħu lil Korintin. Huwa stqarr kif mal-Lhud, huwa mexa ta’ Lhudi biex jirbaħ lil-Lhud. Kif sar dgħajjef mad-dgħajfin, biex jirbaħ id-dgħajfin. Sar kollox ma’ kulħadd, biex isalva lil kulħadd. Imbagħad kompla, “Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju.” [ara 1Kor:9:19-23]
U jekk l-Appostlu Pawlu nnifsu sar kollox għal kulħadd minħabba l-Evanġelju, allura għaliex ikun hemm min joħodha bi kbira jekk il-Papa jagħmel l-istess?