Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa Rumana ta’ San Marċellinu u San Pietru

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA
TAL-QADDISIN MARĊELLINU U PIETRU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 25 ta’ April 1982

1. Jiddi fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek! (cf. Sal 4,7)

B’tali kliem titlob il-Knisja fil-liturġija tallum. Titlob id-dawl divin, Titlob id-don tal-għarfien tal-Verità, Titlob il-fidi.

Il-fidi hija l-għarfien tal-Verità, li jitwieled mix-xhieda ta’ Alla nnifsu.

Fiċ-ċentru tal-fidi tagħna hemm il-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu li, permezz tiegħu Alla nnifsu ta’ xhieda lill-Imsallab. Ix-xhieda tal-Alla l-Ħaj wettqet fil-qawmien mill-imwiet il-verità tal-Vanġelu, li xandar Ġesù ta’ Nażżaret. Wettaq il-verità tal-opri kollha tiegħu u ta’ kliemu, Wettaq il-verità tal-missjoni tiegħu. Il-qawmien mill-imwiet ta l-espressjoni definittiva u l-iktar sħiħa ta’ dik il-qawwa messjanika, li kienet f’Ġesù Kristu. Tassew huwa hu l-mibgħut ta’ Alla. U divina hija l-kelma li toħroġ minn bejn xuftejh.

Meta, illum, it-tielet Ħadd tal-Għid, ninvokaw: “Jiddi fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek” (cf. Sal 4,7), nitolbu li permezz tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu tiġġedded fina l-fidi, li ddawwal it-toroq ta’ ħajjitna u tindiriżżaha lejn Alla l-Ħaj.

2.Fl-istess ħin, il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tindikalna kif nibnu din il-fidi – u nkomplu nibnuha – din il-fidi, li, billi hi tassew don ta’ Alla, għandha fl-istess ħin id-dimensjoni u l-forma umana tagħha.  

Il-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù ta’ Nażżaret huwa s-sors ewlieni tar-radjazzjoni ta’ dan id-dawl, li minnu jiżviluppa fina l-għarfien tal-Verità rivelata minn Alla. L-għarfien u l-aċċettazzjoni tagħha bħala verità divina.

Biex jifforma d-dimensjoni umana tal-fidi, Kristu nnifsu għażel minn fost il-bnedmin ix-xhieda tal-qawmien mill-imwiet. Dawn ix-xhieda kellhom isiru dawk li, sa mill-bidu kienu marbuta miegħu bħala dixxipli, li fosthom huwa biss kien għażel lit-Tnax billi għamilhom appostli.

Lilhom ukoll Ġesù ta’ Nażżaret, lilhom li kienu x-xhieda ta’ mewtu fuq is-salib, kien deher ħaj wara l-qawmien mill-imwiet. Magħhom kien tkellem u b’modi differenti kien ikkonvinċihom dwar l-identità tal-persuna tiegħu, tar-realtà ta’ ġismu uman.

“Għaliex intom imħawdin, għaliex jitqanqlu dubji fi qlubkom? Araw idejja u riġlejja: huwa propju jien! Missuni u ħarsu lejja; fantażma la jkollha ġisem u linqas għadam bħalma taraw li għandi jien” (Lq 24,38-39).

Hekk kien kellimhom meta “maħsudin u mwerwrin kienu ħasbu li qegħdin jaraw fantażma” (Lq 24,37).

“Imma ladarba minħabba l-ferħ kbir kien għadhom ma emmnux u kienu mistagħġbin, qal: “Għandkom hawn xi ħaġa x’nieklu?” Ofrewlu porzjon ta’ ħut mixwi; huwa ħadu u kielu quddiemhom” (Lq 24,41-43).

B’dan il-mod iffurmat ruħha l-iskjera tax-xhieda tal-qawmien mill-imwiet. Kienu l-bnedmin li kienu jafu personalment lil Kristu, kienu semgħu kelmtu, raw l-opri tiegħu, għexu mewtu fuq is-salib, u wara, rawh ħaj u qattgħu ħin miegħu bħala wieħed ħaj, wara l-qawmien mill-imwiet.

3. Meta dawn il-bnedmin, l-appostli u d-dixxipli tal-Mulej, wara li rċivew l-Ispirtu Santu bdew jitkellmu pubblikament dwar Kristu, meta bdew iħabbruh lill-bnedmin (l-ewwel f’Ġerusalem) qabel kollox bdew ifakkru l-fatti komunament magħrufa.

“Tajtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, meta dan kien iddeċieda li jeħilsu – hekk kien qal Pietru lill-abitanti ta’ Ġerusalem – intom iżda kontu ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust, kontu tlabtu li jkun iggrazzjat assassin” (jiġifieri Barabba)! (At 3,13-14).

Mill-ġrajjiet rigward il-mewt ta’ Kristu l-oratur jgħaddi għall-qawmien mill-imwiet: “…qtiltu l-awtur tal-ħajja. Imma Alla qajmu mill-imwiet u ta’ dan aħna xhieda” (At 3,15).

Pietru tkellem hu biss – imma fl-istess ħin f’isem il-kulleġġ apostoliku kollu: “aħna xhieda” (At 3,15). U jżid: “Issa ħuti, jiena naf li intom aġixxejtu b’injoranza, l-istess bħall-kapijiet tagħkom” (At 3,17).

4. Mid-deskrizzjoni tal-ġrajjiet, mix-xhieda tal-qawmien mill-imwiet, l-Appostlu jgħaddi għall-eseġesi profetika.

Għal tali eseġesi tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet id-dixxipli tiegħu kienu mħejjija minn Kristu nnifsu.

Għandna l-prova ta’ dan fil-laqgħa deskritta mill-Vanġelu tallum (skont Luqa) L-Irxoxt jgħid lid-dixxipli: “Dan huwa l-kliem li kont ngħidilkom meta kien għadni magħkom: hemm bżonn li jitwettqu dawk il-ħwejjeġ kollha miktuba dwari fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi” (Lq 24,44).

“… U qal: Hekk kien miktub: il-Kristu hemm bżonn ibati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum u f’ismu jkunu ppridkati lill-ġnus kollha l-konverżjoni u l-maħfra tad-dnubiet, billi jibdew minn Ġerusalem. Ta’ dan intom xhieda”(Lq 24,46-48).

U l-evanġelista jżid: “Allura iftaħ lilhom il-menti għall-intelliġenza tal-Iskritturi” (Lq 24,45).

Mid-diskors ta’ Pietru meħud mill-Atti tal-Appostli, li naqraw fil-liturġija tallum wieħed jara kemm kien effikaċi dan il-“ftuħ tal-menti tagħhom”.

Pietru, wara li kien ippreżenta l-ġrajjiet marbutin mal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu jkompli: “Alla iżda b’dan il-mod wettaq dak li kien tħabbar b’fomm il-profeti kollha, li jiġifieri il-Kristu tiegħu kellu jmut. Indmu mela u ibdlu ħajjitkom sabiex jitħassru dnubietkom…” (At 3,18-20).

Insibu f’dan il-kliem tal-Appostlu d-diwi ċar ta’ kliem Kristu: tal-illuminazzjoni, li d-dixxipli sperimentaw fil-laqgħa mal-Mulej Irxuxtat.

Hekk mela bniet lilha nfisha l-fidi tal-ewwel ġenerazzjoni tal-Konfessuri ta’ Kristu: tal-ġenerazzjoni tad-dixxipli tal-Appostli. Nibtet b’mod dirett mid-dikjarazzjoni tax-xhieda okulari tas-Salib u tal-Qawmien mill-Imwiet.

5. Xi tfisser tkun nisrani?

Ifisser: tkompli taċċetta x-xhieda tal-Appostli, xhieda okulari. Ifisser: temmen bl-istess fidi, li tnisslet fihom mill-opri u mill-kliem tal-Mulej Irxuxtat.

Jikteb l-Appostlu Ġwanni (dan huwa t-tieni qari tal-liturġija tallum: “B’dan nafu li nagħrfu lil Ġesù jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. Min jgħid “jien nafu” u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, huwa giddieb u l-verità mhix fih; iżda min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha” (1Ġw 2,3-5).

L-Appostlu jitkellem minn fidi ħajja. Il-fidi hija ħajja permezz tal-opri li jaqblu magħha. Dawn huma l-opri ta’ karità. Il-fidi hija ħajja permezz tal-imħabba ta’ Alla. L-imħabba tesprimi ruħha fl-osservanza tal-kmandamenti. Ma jistax ikun hemm kontradizzjoni bejn l-għarfien (“jien nafu) u l-azzjoni ta’ konfessur ta’ Kristu. Huwa biss dak li jwettaq il-fidi tiegħu bl-opri li jibqà fis-sewwa.

Huwa għalhekk mela li l-Appostlu Ġwanni jdur lejn id-destinatarji tal-ewwel ittra tiegħu bil-kelma tal-imħabba “uliedi”, u jistedinhom “biex ma jidinbux” (cf. 1Ġw 2,1). Iżda fl-istess ħin jikteb: “Imma jekk xiħadd jidneb, għandna avukat qrib il-Missier, Ġesù Kristu ġust. Huwa hu vittma tas-sagrifiċċju għall-dnubietna: mhux biss għal dawk tagħna, imma wkoll għal dawk tad-dinja kollha” (1Ġw 2,1s).

Ġwanni Appostlu u Evanġelista, ixandar fil-kliem tal-ewwel ittra tiegħu miktuba lejn tmiem l-ewwel seklu, l-istess verità, li Pietru kien xandar ftit wara t-tlugħ fis-sema tal-Mulej. Hija din il-verità dwar il-konverżjoni u dwar il-maħfra tad-dnubiet bil-qawwa tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.

6. Xi jfisser tkun nisrani?

Tkun nisrani – illum bl-istess mod ta’ dakinhar, fl-ewwel ġenerazzjoni tal-konfessuri ta’ Kristu – ifisser tkompli taċċetta x-xhieda tal-Appostli, xhieda okulari. Ifisser temmen bl-istess fidi, li tnisslet fihom mill-opri u mill-kliem ta’ Kristu, imwettqa bil-mewt u l-qawmien mill-mewt tiegħu.

Aħna wkoll, li nappartienu lill-ġenerazzjoni preżenti ta’ konfessuri ta’ Kristu, hemm bżonn nitolbu li jkollna l-istess esperjenza taż-żewġ dixxipli ta’ Emmaws: Mulej Ġesù, agħmel li nifhmu l-Iskritturi; li jħeġġu l-qlub fis-sider meta int tkellimna” (cf. Lq24,32).

Li “tħeġġeġ il-qalb”!: għaliex il-fidi ma tistax tkun weħedha biss kalkolu kiesaħ tal-intellett. Hija trid tkun animata mill-imħabba. Ħajja permezz tal-opri li fihom tesprimi l-verità rivelata minn Alla bħala verità interna tal-bniedem.

Allura aħna wkoll – ukoll jekk ma konniex xhieda okulari tal-opri u tal-kliem, tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet – nirtu mingħand l-Appostli x-xhieda tagħhom. U aħna stessa insiru wkoll xhieda ta’ Kristu.

Tkun nisrani huwa wkoll tkun xhud ta’ Kristu.

7. Allura l-fidi wkoll – il-fidi ħajja – tifforma bħal djalogu bejn Alla l-Ħaj u l-bniedem ħaj; dwar tali djalogu insibu xi espressjonijiet fis-Salm tal-liturġija tallum:
“Meta nsejjaħlek, weġibni, Alla, / ġustizzja tiegħi: / mid-diqa tal-qalb ħlistni; /ħniena tiegħi, ismà talbti” (Sal 4,2). “… il-Mulej jismagħni meta nsejjaħlu.  / Triegħed u la tidnibx, / fuq friexek irrifletti u kkalma. / Offri sagrifiċċji ta’ ġustizja – u afda fil-Mulej. / Ħafna jgħidu: “Min sejjer jurina l-ġid?” Jiddi fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek. / Int qgħedt iktar ferħ f’qalbi / minn meta jkunu abbundanti l-imbid u l-qamħ.  / Fil-paċi nimtedd u minnufih norqod. / int biss, Mulej, fiż-żgur iġgegħlni nistrieħ” (Sal 4,4-9).

U l-istess salmista jżid:
“Kunaf li l-Mulej jagħmel l-għeġubijiet għal dawk fidili tiegħu” (Sal 4,4).

8.Għeżież ħuti, ilqgħu din il-meditazzjoni dwar il-Kelma ta’ Alla tal-Liturġija tallum, li qiegħed nagħmel flimkien magħkom, fl-okkażjoni taż-Żjara pastorali fil-parroċċa tagħkom tal-qaddisin Marċellinu u Pietru, iddedikata lil żewġ qaddisin Martri glorjużi, wieħed presbiteru u l-ieħor eżorċista, li qatgħulhom rashom għall-fidi nisranija taħt l-imperatur Dijoklezjanu fil-bidu tar-rabà seklu .

It-tislima tiegħi kordjali u ta’ mħabba tmur lill-kappillan tagħkom, Monsinjur Franco Coppari, u lis-saċerdoti kollaboraturi tiegħu, li b’tant żelu jiddedikaw ruħhom għll-attenzjoni pastorali ta’ din iż-żona; tislima wkoll lir-reliġjużi rġiel u nisa, li bil-preżenza ħaddiema tagħhom jagħtu lill-isfera tal-Komunità parrokkjali xhieda edifikanti: l-Aħwa tal-Iskejjel Insara tal-Istitut “Piju XII”, il-Patrijiet Cavanis, il-Patrijiet Scalabriniani; is-Sorijiet tas-Sagra Familja ta’ Bergamo; is-Sorijiet  Rosarie ta’ Udine; il-Figlie ta’ San Camillo; il-Koperatriċi Oblate Missionarie dell’Immacolata.

Tislima lill-iktar minn 3500 familja u lill-15,000 fidil tal-parroċċa, lill-membri tal-Oratorju maskili u femminili, tal- Agesci Roma 97; lill-Grupp Liturgik, lill-ġrupp Vinċenzjan u Karitattiv; lill-ġrupp Ġovanili; lill-Grupp Katekisti, lill-Grupp Missjunarju, lil dak tal-Apostolat tat-Talb u lill-membri tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali  .

Ħsieb ta’ awgurju, f’isem Kristu Rxoxt, lill-missirijiet u l-ommijiet u liż-żgħażagħ u lix-xebbiet, lit-tfal subien u bniet, lit-trabi maskili u femminili, lill-anzjani u lill-morda.

Lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda ta’ din il-parroċċa l-espressjoni ta’ mħabbti paterna!

U ppermettuli, għeżież parroċċan, li ntemm bil-kliem ta’ dak l-Appostlu li kien l-ewwel Ragħaj tal-Knisja f’din Ruma:
“Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb, l-Alla ta’ Missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu Ġesù: Alla qajmu minn l-imwiet u ta’ dan aħna xhieda” (At 3,13.15).

“O Mulej! Ħa jiddi fuqna d-dawl ta’ wiċċek!” (cf. Sal 4,7).

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: