Ġwanni Pawlu II lill-Pellegrini Irlandiżi

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA FIL-GROTTA TA’ LOURDES
GĦALL- PELLEGRINI IRLANDIŻI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ġonna Vatikani, 23 ta’ April 1982

Għeżież ħuti Irlandiżi,

L-Erbgħa li għaddew fraħt insellem lill-Garda Sìochàna na hEireann waqt -Udjenza Ġenerali. Dan tani l-opportunità li mill-ġdid nesprimi l-gratitudni tiegħi u biex ninkuraġġikom fil-ħajjiet tagħkom insara. Illum għandna l-okkażjoni li nerġgħu nkunu flimkien fi triqtna tal-fidi. Ninsabu flimkien mal-Beata Verġni Marija, fuq l-altar tagħha fil-Vatikan, biex nitolbuha tmexxina lejn Ġesù u biex tgħaqqadna madwar il-persuna ta’ Binha, li huwa l-Mulej Salvatur tagħna.

1. Fis-sewwa, ejjew dalgħodu nisperimentaw ir-realtà tax-xena deskritta lilna fil-Vanġelu.

Miġburin bħad-dixxipli fuq l-għolja qrib il-Baħar tal-Galilea, għandna lil Ġesù fostna. Huwa ċ-ċentru tal-laqgħa tagħna, iċ-ċentru ta’ ħajjitna. Bħad-dixxipli nafu li aħna oġġett tal-attenzjonijiet u l-preokkupazzjonjiet tiegħu. Huwa hu ir-Ragħaj it-Tajjeb li jħobbna profondament u tenerament. Ġejna biex nisimgħuh, biex inħarsu lejh waqt li niżżu ħajr lil Missieru; ġejna biex nieħdu sehem fl-att kbir ta’ ringrazzjament tiegħu. Ġejna biex aħna wkoll inkunu nistgħu, bħad-dixxipli nkunu mitmugħa b’kelmtu u bl-ikel li joffrilna għall-ħajja eterna. Kull wieħed minna ġie għal din il-laqgħa Ewkaristika imfawwar b’dak is-sentiment li s-Salmista jesprimi dalgħodu: “Jiena ċert li nikkontempla t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin” (Sal 26,13).

2. Li nkunu ilkoll flimkien, ma’ Marija, fil-kumpanija ta’ Ġesù, jimliena b’ferħ kbir u b’sikurezza meraviljuża, Aħna mqanqlin mill-Ispirtu Santu biex nagħtu leħen lill-fidi tagħna, lill-fiduċja tagħna u lit-tama tagħna f’Ġesù Kristu, Bin Alla u Iben Marija: “Il-Mulej huwa d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi, minn xiex għandi nibża? Il-Mulej huwa d-difiża ta’ ħajti…” (Sal 26,1).

Il-preżenza ta’ Kristu tqawwina u ssostnina. Ġesù huwa magħna bħalma kien mal-Appostli tul id-diffikultajiet kollha li ltaqgħu magħhom fix-xhieda ta’ ismu.

U propju bħalma d-Dixxipli ltaqgħu ma’ bosta diffikultajiet meta tkellmu f’isem Ġesù, aħna wkoll naslu biex nifhmu dejjem iżjed li l-ħajja nisranija awtentika titlob sforz kostanti. Hemm ostakli ta’ natura differenti, imma Alla huwa fina bil-grazzja tiegħu, waqt li dejjem jimbuttana lejn il-fedeltà, waqt li b’mod kostanti jistedinna biex ngħixu f’sintonija mal-messaġġ li rċivejna.

3. Waqt li nsegwu l-eżempju tal-Appostli hemm bżonn li nkomplu nxandru bil-kliem u bl-opri, il-Bxara t-Tajba tal-Misteru Paskwali. Il-Bxara t-Tajba tal-ħajja l-ġdida fi Kristu, tal-Għid ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni, li ġie afdat lilna lkoll. Għandu jkun migħux u mxandar mhux biss fit-tempji pubbliċi tal-knejjes tagħna, imma f’kull dar privata, f’kull “knisja domestika” li hija d-dar. Il-Bxara Ferrieħa tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu għandha tkun migħuxa u mxandra f’kull dar tal-Irlanda.

Fl-Atti tal-Appostli jiġi migħud lilna li l-Appostli “ma waqfux jgħallmu u li jwasslu l-bxara ferrieħa li Ġesù huwa l-Kristu” (At 5,42). Iva, il-Bxara Ferrieħa m’għandha tkun imwaqqfa qatt sakemm idum il-pellegrinaġġ tagħna terren, Bil-għajnuna ta’ Alla, ibqgħu dejjem magħqudin bejnietkom, bi Kristu f’nofskom. U kunu dejjem għassiesa tal-Bxara Ferrieħa, għassiesa tal-paċi ta’ Kristu. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: