Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu

“Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jien naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”(Mt 18, 21).

Hemm ħafna x’wieħed jitgħallem fil-kapitlu 18 tal-Vanġelu ta’ San Mattew. Fih insibu ʹl Ġesù jgħallem lid-dixxipli kif għandhom iġibu ruħhom fi ħdan il-komunità li kienet qed tinbet. Il-mistoqsija li għamillu Pietru tkompli ma’ dak li ftit qabel kien qal Ġesù: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija…”[1]. Waqt li Ġesù kien qed jitkellem, Pietru waqqfu bħallikieku ried juri li ma kienx fehem sew dak li l-Imgħallem kien għadu kemm qal. U għamillu waħda mill-mistoqsijiet l-aktar importanti dwar kif għandhom iġibu ruħhom id-dixxipli tiegħu. Kemm-il darba għandna naħfru?

“Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jien naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”.

Fil-mixja tagħna tal-fidi jinbtu f’moħħna ħafna mistoqsijiet. Min jemmen ma jkunx jaf it-tweġibiet kollha, imma jibqa’ fidil minkejja l-mistoqsijiet tiegħu. Il-mistoqsija ta’ Pietru mhijiex dwar id-dnub kontra Alla, imma aktarx dwar xi jrid isir meta ħuk jonqos kontra xi ħadd. Pietru jaħseb li hu dixxiplu bravu li jista’ jaħfer sa seba’ darbiet[2]. Żgur li dik it-tweġiba ta’ Ġesù ma kienx qed jistennieha: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt v. 22). Id-dixxipli kienu jafu sew dak li Lamek, l-iben qattiel ta’ Kajjin kien qal, fejn hu jkanta l-vendetta sa sebgħa u sebgħin darba[3]. Ġesù kien qed jitkellem eżattament fuq din l-istqarrija, imma minflok il-vendetta jsemmi l-maħfra bla tmiem.

“Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jien naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”.

Mhux qed insemmu l-maħfra ta’ meta xi ħadd joffendina l-ħin kollu, imma li f’qalbna rridu naħfrulu u nerġgħu naħfrulu. Il-vera maħfra, dik li tagħmel minna nies ħielsa, is-soltu sseħħ bil-mod il-mod. Il-maħfra ma tfissirx sentiment, mhijiex li wieħed jinsa: hi l-għażla li jridu jagħmlu dawk li jemmnu, mhux biss meta l-offiża tirrepeti ruħha, imma wkoll kull darba li niftakru fiha. Għalhekk irridu naħfru għal sebgħa u sebgħin darba.

Hekk kitbet Chiara Lubich: “Ġesù (…) kellu f’moħħu l-aktar ir-rabta li jrid ikun hemm bejn l-insara, bejn il-membri tal-istess komunità. Għalhekk qabelxejn irridu nġibu ruħna hekk ma’ ħutna l-insara: fil-familja, fuq il-lant tax-xogħol, l-iskola jew fil-komunità fejn ngħixu. Taf li meta joffenduna nkunu rridu npattu bl-istess mod għall-azzjoni li nirċievu, b’xi kelma li tkun tixraq lil dak li jkun. Taf kif minħabba li aħna ta’ karattru differenti, jew għax nervużi, jew għal xi raġuni oħra, in-nuqqasijiet ta’ mħabba jiġru spiss bejn nies li jgħixu flimkien. Għalhekk ftakar li dik li tista’ żżomm il-paċi u l-għaqda bejn l-aħwa hi biss il-maħfra, li trid tiġġedded il-ħin kollu. F’moħħok dejjem jiġuk id-difetti li għandhom ħutek, tiftakar fl-imgħoddi tagħhom, tixtieqhom kieku kienu differenti milli huma… Trid  tidra tħares lejhom b’għajnejn ġodda u tarahom bħala nies ġodda, billi taċċettahom dejjem u mill-ewwel, anki jekk huma ma jindmux milli jkunu għamlu”[4].

“Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jien naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”.

Ilkoll kemm aħna nagħmlu parti minn komunità ta’ “nies maħfura”, għax il-maħfra hi don t’Alla, li neħtiġuha l-ħin kollu. Dejjem għandna għax nistagħġbu bil-kobor bla tarf tal-ħniena divina li aħna nirċievu mingħand il-Missier. Hu jaħfrilna jekk aħna wkoll naħfru ʹl ħutna l-bnedmin[5].

Xi drabi tiġi f’sitwazzjonijiet meta ma jkunx faċli taħfer, minħabba kwistjonijiet politiċi, soċjali, ekonomiċi li fihom il-maħfra tista’ tieħu xejra komunitarja. Għandna ħafna eżempji ta’ nisa u rġiel li, bl-għajnuna ta’ xi komunità, irnexxielhom jaħfru anki f’sitwazzjonijiet iebsa.

Osvaldo, mill-Kolombja heddewh bil-mewt u ra lil ħuh jinqatel. Illum imexxi għaqda ta’ raħħala li fiha jgħinu ʹl min kellu x’jaqsam mal-ġlied li kien hemm f’pajjiżu.

“Kienet tkun ħaġa faċli twieġeb bil-vendetta għall-vjolenza, imma jien għidt le”, jgħid Osvaldo: “Diffiċli, diffiċli ħafna li wieħed jitgħallem l-arti tal-maħfra, imma l-armi u l-gwerra qatt ma jistgħu jkunu għażla tajba biex tibdel ħajtek. Mhux hekk irridu nagħmlu biex nibdlu ħajjitna. Irridu mmissu l-qalb ta’ ħaddieħor u biex nagħmlu dan m’għandniex bżonn is-suppervja jew xi setgħa oħra: għandna bżonn l-umiltà li hi l-aktar virtù diffiċli biex tinbena”[6].

Letizia Magri

[1] Mt 18, 21.

[2] In-numru sebgħa jfisser kollox, kull ħaġa: Alla ħalaq id-dinja f’sebat ijiem (ara Ġen 1, 1-2.4). Fl-Eġittu kien hemm seba’ snin ta’ xabgħa kbir u seba’ snin ta’ ġuħ (Ġen 41, 29-30).

[3] “Seba’ darbiet jitħallas Kajjin, imma Lamek sebgħa u sebgħin darba”. (Ġen 4, 24).

[4] C. Lubich, Parola di Vita Ottubru 1981, fil-ktieb, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017), p. 219.

[5] Ara Talba tal-Missierna, Mt 6, 9-13.

[6] L-isem tal-paċi hu għaqda: L-istrateġija ta’ Chiara Lubich, miktub minn Maddalena Maltese, Città Nuova, Roma, 2020, pġ.37

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading