Papa: “Li mmorru għall-missjoni jfisser li nagħtu l-aħjar minna nfusna u d-doni ta’ Alla”.

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku bagħat messaġġ biex isellem u jħeġġeġ grupp ta’ missjunarji – żgħażagħ u adulti – mill-parroċċa ta’ Nostra Signora dell’Assunzione ta’ Rio Cuarto, fl-Arġentina, li marru għall-missjoni fost il-popli indiġeni ta’ Salta, Victoria Este, fid-djoċesi ta’ Orán. Il-missjunarji, madwar tletin fin-numru, qattgħu ġimgħa fost il-komunitajiet Wichi, jakkumpanjaw lill-familji, jiċċelebraw il-Quddiesa u jwasslu l-Kelma ta’ Alla fost il-poplu Indiġenu, taħt il-motto “il-ħolm jibnina flimkien”.

“Grazzi ta’ dak li għamiltu, grazzi ta’ din il-ħidma”, qalilhom il-Papa Franġisku f’messaġġ awdjo-viżiv, li kien mibgħut nhar l-Erbgħa, fejn ħeġġiġhom biex “tkomplu għaddejjin” bil-missjoni tagħhom. “Li tagħmlu missjoni”, qal il-Papa, hija “li toħorġu minnkom infuskom biex tagħtu l-aħjar tagħkom infuskom u l-aħjar minn dak li Alla takom”. “Din, hija ħaġa sabiħa ħafna”, enfasizza l-Papa.

Imbagħad il-Qdusija Tiegħu sellem lil Fr Mariano Cordeiro, kappillan f’Serrano, li qed jakkumpanja lill-missjunarji. Fl-aħħarnett, waqt li talabhom biex jitolbu għalih, il-Papa Franġisku invoka l-barka ta’ Alla fuq il-missjunarji u kompla jħeġġiġhom biex jerġgħu lura għall-ħidma missjunarja tagħhom.

Fr. Cordeiro spjega li l-motto tal-missjoni huwa ispirat mill-enċiklika ‘Fratelli tutti”. Żied jgħid, li għal tliet snin issa, l-missjunarji ilhom iżuru dawn il-komunitajiet darbtejn fis-sena sabiex jikbru fi ħbiberija ma’ dawn il-komunitajiet indiġeni. Fil-fatt, huma jivvjaġġaw għal aktar minn 5,000 kilometru biex jilħqu l-fruntiera mal-Bolivja u l-Paragwaj għax-xogħol tal-missjoni tagħhom.

Filwaqt li rrifletta fuq is-sitwazzjoni f’dawn il-komunitajiet tal-muntanji, innota li ħafna għandhom problemi ta’ malnutrizzjoni, nuqqas ta’ ilma nadif għax-xorb, u jinsabu ‘l bogħod ħafna minn kull servizz mediku. “In-nuqqas ta’ umanità li bih jiġu ttrattati ħutna l-indiġeni hu ta’ wġigħ kbir,” qal is-saċerdot, u żied li huma “minsija minn kulħadd, peress li huma wieħed mill-ifqar postijiet fil-pajjiż”.

Fr. Cordeiro qal li l-esperjenza tal-missjoni tat l-opportunità lill-missjunarji biex jarrikkixxu lilhom infushom bil-kultura tal-aħwa indiġeni fil-muntanji, inklużi l-ifqar. “Konna kapaċi mmissu l-ġisem ta’ Ġesù f’dawn in-nies, f’nofs faqar estrem, li jweġġa’ u jagħmilna bla saħħa”, qal. “Ġesù ħares lejna u tbissmilna, bil-wiċċ ta’ dawn ħutna fil-muntanji”.

Fuq nota ta’ tama, s-saċerdot afferma li Alla “ma jabbandunax lil uliedu” u enfasizza li l-missjunarji ħassew l-Ispirtu ta’ Alla fuq il-muntanji “fis-sempliċi, fiż-żgħar, u fil-misterjużi”. Rrimarka “liż-żgħażagħ reġgħu lura mimlija tama u l-Mulej qajjem fihom is-sensittività biex jedukawhom b’impenn lejn ħuthom, mal-proxxmu”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-08/pope-argentina-missionary-indigenous-videomessage.html

%d bloggers like this: