Artiklu tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi publikat fi Knisja 2000 ta’ Lulju – Settembru 2022.

Il-Papa Franġisku fid-9 u fl-10 ta’ Ottubru 2021 beda proċess fil-Knisja universali bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2023. Is-Segreterija tas-Sinodu, immexxija mill-Kardinal Mario Grech, ħarġet dokument preparatorju bl-isem “Sinodalità: komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni”, bl-iskop li tħeġġeġ is-sehem tal-Knisja kollha fid-dinja f’dan il-proċess.
Il-Papa dejjem wera x-xewqa ta’ parteċipazzjoni akbar fejn jidħol is-Sinodu tal-Isqfijiet, u kien għalhekk li bi tħejjija għas-Sinodu fuq il-Familja kien ħeġġeġ ħafna l-parteċipazzjoni tal-knejjes lokali. Issa qed jagħmel pass aktar ’il quddiem, u t-tema magħżula hi sewwasew dik tas-sinodalità.
Hu interessanti li dak li qed jagħmel il-Papa hu li jadotta l-istil post-Konċiljari ta’ kif ikun organizzat Sinodu fi djoċesi u japplikah għall-Knisja universali. Aħna nistgħu nifhmu dan sew, għax kien pjuttost reċenti li fl-Arċidjoċesi ta’ Malta ġie ċċelebrat Sinodu Djoċesan. Kien imniedi mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fid-29 ta’ Settembru 1999, u l-mixja kollha sinondali ġiet konkluża bl-approvazzjoni tad-dokumenti finali mill-Arċisqof Mercieca fid-29 ta’ Settembru 2003, u fil-ġimgħat ta’ wara bil-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti.
Il-ħsieb tiegħi hu li nirrifletti f’ċertu dettall mhux fuq il-kontenut tad-dokumenti, li fihom rikkezza enormi, imma fuq il-metodu ta’ sinodalità adottat fl-esperjenza tas-Sinodu Djoċesan ta’ Malta, u anke wara s-Sinodu, b’riżultat ta’ din l-esperjenza. Wieħed malajr jifhem kemm illum aħna nħarsu b’simpatija lejn dak li qed isir fuq livell universali meta naraw fih rifless ta’ dak li sar fostna fuq livell lokali iktar minn għoxrin sena ilu.
Spjega ta’ x’inhu Sinodu
Kien fil-21 ta’ Settembru 1999 li l-Arċisqof Mercieca ħareġ Ittra Pastorali fejn ħabbar li kien se jniedi Sinodu Djoċesan. Hu spjega b’dal-mod x’jiġifieri Sinodu: “Biex nifhmu x’inhu ‘Sinodu’, irridu niftakru dak li hi l-Knisja. Il-Knisja hi l-għaqda ta’ Kristu ma’ ħutu l-bnedminn fl-Ispirtu. Hi magħmula minn diversi nies bi stejjer, karattri, u opinjonijiet differenti: nies li ġejjin minn toroq differenti, imma li lkoll jistqarru fidi waħda u jifformaw il-Poplu ta’ Alla. Aħna poplu li miexi lejn dar il-Missier. Is-Sinodu hi esperjenza I trid tgħinna nifhmu aktar x’jiġifieri li aħna lkoll nifformaw il-Knisja. Ilaqqa’ flimkien lill-Isqof u l-poplu tad-djoċesi, taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu, biex neżaminaw il-ħajja tal-Knisja lokali u nsiru nafu aktar dak li Alla jrid minna bħala Knisja. Flimkien naraw kif il-ħajja tal-Knisja tista’ tkun aħjar u isbaħ, u kif is-soċjeta tagħna tista’ tkun aktar tixraq lill-bniedem. Hi mixja flimkien: dan hu l-qofol tas-Sinodu.”
Malajr tolqotna kif fl-ispjega stess ta’ x’inhu Sinodu, hemm enfasizzata s-sinodalita – komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni, kif ukoll id-dixxerniment ekkleżjali.
Spjega tal-metodu
Fl-istess Ittra Pastorali, ftit ġranet qabel beda s-Sinodu, l-Arċisqof spjega l-metodu ta’ dan is-Sinodu. L-Arċisqof spjegah b’dan il-mod: “Is-Sinodu fih diversi fażijiet: l-ewwel, il-konsultazzjoni u l-formazzjoni; it-tieni, iċ-ċelebrazzjoni, li fiha jkun hemm il-laqgħat tal-Assemblea; it-tielet, il-fażi tal-konklużjoni u d-tad-deċiżjonijiet li jagħtu direzzjoni lill-Knisja f’Malta. Meta jispiċċa ż-żmien tas-Sinodu, tibda l-fażi li fiha nimxu skont id-direzzjoni li jkun tana s-Sinodu”.
Stedina għall-parteċipazzjoni
Fl-istess Ittra Pastorali, apparti li spjega l-fażijiet differenti tas-Sinodu Djoċesan, l-Arċisqof ta bidu wkoll għall-ewwel fażi, dik ta’ konsultazzjoni wiesgħa. Hu spjegaha hekk: “Billi l-Knisja trid tagħraf is-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju, l-ewwel faċi ta’ dan iż-żmien tas-Sinodu se jkun żmien pjuttost twil iddedikat b’mod speċjali għad-djalogu u għall-konsultazzjoni”. L-iskop hu li kulħadd ikollu ċ-ċans li, wara li jitlob u jaħseb sewwa, jgħid x’jaħseb u x’jixtieq mill-Knisja f’Malta, mill-ħajja tal-Insara Maltin u mis-soċjetà tagħna.”
L-Arċisqof spjega kif l-iskop kien li tkun konsultazzjoni wiesgħa: “Din il-konsultazzjoni se tmiss b’xi mod lil kulħadd. Se jkun moviment ta’ djalogu li jgħinna mmissu l-għeruq tal-ħajja tagħna, b’ħarsa onesta lejn dak li aħna. Irridu nagħrfu t-tibdil kbir li sar u li jsir fis-soċjeta u naraw, fid-diffikultajiet u l-problemi, sfidi ġodda għall-ħajja tal-Knisja kif ukoll possibiltajiet ta’ ħdima aktar sfiqa għall-ġid tal-bniedem.”
Hawnhekk ġa nistgħu naraw xebh kbir ma’ dak li l-Papa Franġisku qed jinsisti fuqu għall-proċess sinodali tal-Knisja universali.
Fl-istess linja, tolqtok l-istedina li għamel l-Arċisqof: “Nistieden lil kulħadd: lil-lajċi, lill-persuni ta’ ħajja konsagrata u lis-saċerdoti, lil dawk li huma attivi fil-ħajja tal-Knisja, lill-għaqdiet u lill-movimenti tal-Knisja. Nistieden ukoll lil dawk li, għal xi raġuni jew oħra, iħossuhom ’il bogħod mill-Knisja. Ħa nitkellmu flimkien, nisimgħu aktar lil xulxin, nifhmu aktar lil xulxin. Din hi opportunita speċjali ħafna. Se jkun hemm diversi okkażjonijiet biex kulħadd jesprimi ruħu. Nixtieq li lkoll naraw kif nistgħu nagħtu sehemna f’dan is-Sinodu”.
Ħsibt li nġib il-kwotazzjonijiet preċiżi mill-kliem tal-Arċisqof għax hu ta’ soddisfazzjon li 22 sena wara, hu l-kliem li qed jgħid il-Papa Franġisku fl-istedina li jagħmel għall-parteċipazzjoni fil-proċess sinodali.
Deċiżjonijiet bażiċi
Eżatt wara li tnieda s-Sinodu Djoċesan, f’Ottubru 1999 bdiet il-konsultazzjoni wiesgħa bil-għan li kemm jista’ jkun nies jipparteċipaw u jagħtu l-fehma tagħhom. Il-Kummissjoni Ċentrali li kienet inkarigata mill-organizzazzjoni tas-Sinodu, ħadet tliet deċiżjonijiet bażiċi rigward din il-konsultazzjoni:
- Liberta sħiħa. Għalhekk ebda mistoqsija ma kellha xi suġġeriment ta’ risposta magħha biex min qed iwieġeb jgħid “iva” jew “le”. Kulħadd kellu l-liberta sħiħa biex jista jwieġeb bis-sinċerita u jgħdi dak li jaħseb u jħoss.
- Ħadd ma jibqa’ barra. Ghalhekk, f’dan l-istadju, ma sarx xi tip ta’ survey bil-metodu ta’ random sampling, fejn jingħażel sample. F’random sampling, l-iskop hu r-riżultat aħħari li joħroġ; f’dal-każ, l-iskop kien mhux dan biss, imma wkoll is-sehem miftuħ għal kulħadd. B’mod partikulari fil-konsultazzjoni fil-parroċċi, l-istedina saret lil kulħadd biex kulħadd jista’ jipparteċipa.
- Fl-istess waqt li kulħadd kellu l-opportunità jieħu sehem, saret konsultazzjoni wkoll f’oqsma partikulari tas-soċjeta u fi ħdan il-Knisja biex in-nies jintlaħqu fl-ambjent tagħhom ta’ ħidma u ta’ impenn.
Konsultazzjoni wiesgħa
Fid-dawl ta’ dan, il-konsultazzjoni mxiet b’dan il-mod:
- Kien hemm l-ewwel il-fażi “interna”. Minn Ottubru sa Diċembru, saru laqgħat ta’ konsultazzjoni fil-kunsilli, kongregazzjonijiet, għaqdiet u movimenti, u gruppi kollha fi ħdan il-Knisja. L-iskop kien li ma jipparteċipawx biss id-diriġenti jew il-mexxejja, imma kull min kellu sehem fil-kunsilli u fi gruppi. Għalhekk, biex nagħti eżempju wieħed, il-konsultazzjoni mas-Soċjeta tad-Duttrina Nisranija MUSEUM ma saritx biss mas-superjuri imma saret f’kull qasam. L-istess f’ħafna mir-realtajiet tal-Knisja.
- Saret ukoll, u kompliet fl-ewwel ġimgħa tal-2000, il-konsultazzjoni “esterna”, jiġifieri dik f’diversi oqsma tas-soċjeta Maltija, li ħafna drabi ħadet il-forma ta’ ‘listening sessions’,b’laqgħat speċifiċi ta’ dat-tip ma’ partiti politiċi, unions, assoċjazzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu, gruppi tas-soċjeta ċivili.
- Saret ukoll konsultazzjoni f’diversi setturi tas-soċjeta: żgħażagħ, ħaddiema f’diversi postijiet tax-xogħol, għalliema, studenti u lecturers fl-Universita, professjonisti, persuni b’diżabilita, nies mill-qasam tal-kultura, persuni milquta bi problemi soċjali, nies ta’ twemmin differenti u kategoriji u setturi oħra.
- Minn Jannar 2000, imbagħad, bdiet konsultazzjoni vasta fil-parroċċi kollha tal-Arċidjoċesi, b’mod li tqassmet stedina mill-Arċisqof f’kull household f’Malta, biex in-nies ikunu jistgħu jgħidu x’jaħsbu u x’jixtiequ għall-Knisja f’Malta. Hu kkalkulat li f’din il-konsultazzjoni ħadu sehem mal-100,00 persuna. Ħafna mill-parroċċi għamlu huma stess rapport komprensivi b’dak li ntqal, u l-Istitut għar-Riċerka DISCERN fassal ukoll programm li fih ġabar id-diversi kummenti li saru mal-Arċidjoċesi kollha.
X’kien l-iskop ta’ din il-konsultazzjoni, li fil-fatt hi l-akbar waħda li qatt saret f’Malta? Dan hu spjegat fir-rapport li kien ippubblikat fid-29 ta’ Settembru 2000, li fih hemm imniżżel diversi punti li ħarġu mill-konsultazzjoni. F’dan ir-rapport, jingħad: “L-iskop kien li s-Sinodu jitlaq mill-poplu, jibda mill-grass roots, x’jaħseb il-poplu fuq il-ħajja tal-Knisja u l-preżenza u l-ħidma tagħha fis-soċjeta Maltija. Mhux għax dak li jaħseb bilfors hu tajjeb, jew bilfors imiss l-iktar punti importanti tal-ħidma pastorali tal-Knisja, imma għax biex nimxu għal dak li rridu nkunu, irridu nitilqu minn fejn aħna. B’hekk is-Sinodu jitqiegħed fuq bażi soda u l-Knisja tista’ tagħraf is-sinjali li Alla juriha”.
Il-materjal kollu miġbur minn din il-konsultazzjoni jibqa’ rikkezza kbira għall-ħajja tal-Knisja f’Malta. Hemm diversi punti interessanti. Insemmi wieħed ta’ interess kbir. Fost il-kummenti li daħlu min-nies li pparteċipaw fil-parroċċi, ħafna tkellmu fost l-oħrajn fuq l-omelija. Jekk wieħed jara ħafna mill-kummenti tan-nies f’din il-konsultazzjoni li saret fl-ewwel xhur tal-2000, u jqabbilhom ma’ dak li l-Papa Franġisku jgħid fuq l-omelija fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Evangelii Gaudium, ippubblikata fl-24 ta’ Novembru 2013 – li 9.2% tat-text hu fuq l-omelija – wieħed jara xebh kbir.
Ftuħ tal-Assemblea tas-Sinodu
Hekk kif ingħalqet l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni mifruxa, beda proċess ta’ dixxerniment fix-xhur ta’ wara ħalli minn din il-konsultazzjoni jkunu identifikati t-temi biex jiġu diskussi fl-Assemblea tas-Sinodu aktar ’il quddiem. Dan seħħ bis-sehem ta’ diversi nies u fis-27 ta’ Frar 2001 saret dik li ssejħet il-Pre-Assemblea tas-Sinodu, fejn l-Arċisqof ħabbar it-tmien temi magħżula, frott tal-konsultazjoni.
L-Assemblea tas-Sinodu ġiet inawgurata fiċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin fit-2 ta’ Ġunju 2001. Dak inhar l-Arċisqof indirizza wkoll direttament lill-membri tal-Assemblea: “Il-laqgħat tal-Assemblea li se jkollna fiż-żmien li ġej għandhom jgħinuna biex inħossu r-responsabbilta ta’ kull wieħed u waħda minna għall-ħajja tal-Knisja, għall-ħidma pastorali tagħha. Se nitkellmu flimkien u nisimgħu lil xulxin f’ambjent ta’ liberta u ta’ mħabba. Imma fuq kollox irid ikollna qalbna miftuħa għall-Ispirtu ta’ Alla biex nisimgħu lilu u biex imexxina Hu. F’dan kollu li se nagħmlu, li se ngħidu, li se ngħixu, ħa jmexxina dejjem l-Ispirtu s-Santu. Ħalli jkun Hu l-protagonista.”
Ħidma sinodali u ta’ dixxerniment ekkleżjali
L-ewwel sessjoni tal-Assemblea tas-Sinodu fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001. L-Assemblea kienet iffurmata b’mod li tirrifletti l-elementi differenti tal-Knisja f’Malta.
Fl-ewwel sessjoni, saret introduzzjoni dwar id-dixxerniment ekkleżjali minn Patri Arthur Vella SJ, bil-ħsieb li l-ħidma kollha tal-Assemblea ssir b’dan l-ispirtu.
Inħatru wkoll tmien working groups, wieħed għal kull tema tas-Sinodu. Iċ-Chairpersons ta’ dawn il-gruppi kienu kollha lajċi – ħamsa nisa, wieħed kopja u żewġt irġiel. F’kull grupp kien hemm bejn sitta u disa’ membri. L-iskop tal-working group kien li jfassal dokument pastorali fuq it-tema partikulari, u jagħmel dan billi jqis dak li ħareġ mill-konsultazzjoni fuq it-tema fid-dawl ukoll tal-Kelma ta’ Alla u d-direzzjoni tat-tagħlim tal-Knisja, kif ukoll permezz ta’ laqgħat oħra ta’ parteċipazzjoni ta’ diversi nies. Meta kien imfassal l-ewwel abbozz, dan tressaq quddiem l-Assemblea għad-diskussjoni u għall-possibbilta ta’ emendi, żjidiet jew talbiet biex ikun rivedut mill-ġdid.
B’kollox, mill-15 ta’ Ġunju 2001 sat-22 ta’ Marzu 2003, saru tlettax-il sessjoni li kienu jinkludu 27 laqgħat differenti tal-Assemblea. L-iskop tal-Assemblea kien li, f’ambjent ta’ talb u ta’ dixxerniment, u f’diskussjoni libera tasal għad-dokumenti finali biex imbagħad ikunu proposti lill-Arċisqof bħala dokumenti tal-Knisja f’Malta. Tul dawn il-laqgħat kollha tal-Assemblea tas-Sinodu, l-Arċisqof kien dejjem preżenti, flimkien mal-Isqof Awżiljarju, jisma’, jistaqsi u fl-aħħar jagħti messaġġ ta’ inkoraġġiment.
Fis-7 ta’ Ġunju 2003, fil-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin, id-dokumenti kollha approvati ġew ippreżentati lill-Arċisqof f’Ċelebrazzjoni Djoċesana tal-Għeluq tas-Sinodu. Tul il-ġimgħat ta’ wara, l-Arċisqof studja bir-reqqa d-dokumenti ppreżentati lilu u fid-29 ta’ Settembru 2003, hu approvahom bħala d-dokumenti uffiċjali tas-Sinodu Djoċesan ta’ Malta.
Sinodalità li kompliet wara s-Sinodu
Naħseb li anke ħarsa ħafifa lejn dan il-proċess kollu juri kif kien espressjoni ħajja ta’ dik li l-Papa Franġisku qiegħed iħeġġeġ il-Knisja għaliha llum: is-sinodalita – komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni.
Kien dan li spjega l-Arċisqof Mercieca fl-Ittra Pastorali li ħareġ fl-24 ta’ Settembru 2003 fl-okkażjoni tal-approvazzjoni tad-dokumenti tas-Sinodu: “Jien kont preżenti tul il-laqgħat kolha tal-Assemblea u segwejt mill-qrib il-mixja kollha tas-Sinodu. Bqajt impressjonat bil-parteċipazzjoni ta’ tant nies, fosthom tant lajċi, f’din il-mixja flimkien. Laqatni s-sens ta’ djakogu ta’ aħwa, ta’ sinċerita, ta’ liberta, ta’ kritika kostruttiva, ta’ mħabba għall-Knisja u ta’ attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-bniedem u tas-soċjeta tal-lum. Wara li studjajt id-dokumenti, jidhirli għandi nipproponihom lill-Knisja f’Malta bħala gwida pastorali għas-snin li ġejjin.” Iktar tard, jispjega: “Dak li nkiteb hu frott ta’ ħafna xogħol u ta’ mixja ta’ dixxerniment tal-Knisja f’Malta – ħidma li saret b’dedikazzjoni u b’kompetenza kbira. Id-dokumenti ħerġin mill-qalba tal-Knisja. Issa jsiru strument għat-tiġdid tal-Knisja f’Malta, mappa ta’ għajnuna biex nistgħu nimxu flimkien fit-triq tal-Mulej.”
Implimentazzjoni
Ftit ġranet wara li ġew ippreżentati lill-Arċisqof id-dokumenti finali tas-Sinodu, hu waqqaf il-Kummissjoni Implimentazzjoni Sinodu li ħadet post il-Kummissjoni ta’ Koordinament tas-Sinodu. L-iskop kien li din tgħin biex il-policies pastorali tas-Sinodu jkunu jistgħu jitwettqu fil-prattika. Minbarra l-Kummissjoni Ċentrali, twaqqfu wkoll gruppi li jgħinu fit-twettiq tas-Sinodu f’kull Parroċċa, kongregazzjoni reliġjuża, għaqda u moviment, skejjel tal-Knisja u fi strutturi oħra.
Fl-Ittra Pastorali tal-approvazzjoni tad-dokumenti tas-Sinodu, l-Arċiqof spjega li dawn kollha kienu għajnuniet, “Imma issa jiddependi minna lkoll – ilkoll irridu nagħtu l-kontribut tagħna. Ejjew naraw x’kontribut nistgħu nagħtu, kull wieħed u waħda minna, qabel ma naħsbu x’jista’ jagħmel ħaddieħor għalina. Ejjew inħarsu lejn il-ħidma flimkien bħala prijorita għat-twettiq tas-Sinodu.”
Assemblea tad-Djoċesi u Assemblej parrokkjali
Fil-fatt, wieħed irid isemmi li apparti diversi miżuri msemmija fid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan li twettqu tul is-snin, wieħed mill-akbar frott kien l-emfasi fuq is-sinodalità. Kien proprju biex jitkompla l-ispirtu ta’ sinodalità li waqt li kienet qed tiltaqa’ l-Assemblea tas-Sinodu, kienet introdotta l-esperjenza tal-Assemblea f’kull Parroċċa – dan kien mezz kif in-nies ikomplu jkunu involuti tul is-Sinodu, infurmati b’dak li qed isir u mħeġġin jipparteċipaw.
Imbagħad, kif spiċċa s-Sinodu, mis-sena ta’ wara 2004, bdiet tiltaqa’ l-Assemblea Djoċesana – sessjoni ta’ jumejn – u din għadha tiltaqa’ regolarment kull sena sa żmienna. L-iskop kien proprju biex titkompla l-esperjenza ta’ sinodalità – fuq bażi djoċesana u parrokkjali – b’kollegament ukoll bejniethom fejn jidħol l-ippjanar pastorali fl-Arċidjoċesi.
Konklużjoni
Kif wieħed jista’ jara, hu b’ferħ kbir li ninnutaw kif il-metodu sinodali tas-Sinodu Djoċesan, li aħna kellna esperjenza qawwija tiegħu madwar għoxrin sena ilu, qed jiġi issa applikat għall-Knisja universali. Jalla din tkun ukoll esperjenza pożittiva bħalma kienet snin ilu l-esperjenza ta’ Sinodu fil-Knisja f’Malta.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżilarju