Il-Papa kien qed jiċċajta jew ried iwassal messaġġ?
Waqt intervista televiżiva li xxandret fl-4 ta’ Settembru 2022 mill-istazzjon CNN tal-Portugal, il-Papa Franġisku kien mistoqsi jekk hux fi ħsiebu jattendi għall- Jum Dinji taż-Żgħażagħ li ser isir f’Lisbona bejn l-1 u s-6 ta’ Awwussu 2023.
Fid-dawl tal-ħafna spekulazzjonijiet li saru matul l-aħħar xhur fuq saħħet il-Papa y fuq il-possibiltà li huwa jista’ jirriżenza, din id-domanda tal-ġurnalista tas-CNN setgħa kellha warajha għan ferm ‘il hinn minn sempliċi kurżità fuq jekk is-sena d-dieħla, il-Papa hux ser imur Lisbona jew le. Il-mistoqsija aktarx kienet mod fin kif il-ġurnalista tistaqsi lill-Papa jekk hux fi ħsiebu jirtira fix-xhur li ġejjin jew le.
Imma Franġisku, bl-istil umoristiku tiegħu, wieġeb għad-domanda b’mod li anke huwa setgħa fehem jgħid ferm aktar minn dak li fil-fatt qal. Huwa wiegħed li fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ser ikun hemm Papa, iżda mbagħad b’ċajta komlpla li dan jista’ jkun jew Franġisku inkella Papa Ġwanni XXIV.
Wara dan it-tweġiba tal-Papa, uħud staqsew għaliex Franġisku għażel bħala isem ta’ papa suċċessur dak ta’ Ġwanni u mhux xi isem ieħor? Ta’ min ifakkar li l-aħħar papa li kien għażel dan l-isem kien Angelo Giuseppe Roncalli li ħa għalih l-isem ta’ Ġwanni XXIII. Huwa baqgħa magħruf bħala l-Papa tal-Konċilju għaliex matul il-pontifikat qasir tiegħu (1958 – 1962) kien sejjaħ il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, ġrajja kolossali (1962-1965) li fiha ħadu sehem madwar 2,500 isqof mid-dinja kollha u li tant influwenzat il-ħajja tal-Knisja minn dakinhar sal-lum.
Dan ikompli jagħmel ħafna sens meta wieħed jiftakarukoll kif f’diversi okkażjonijiet il-Papa Franġisku tkellem fuq l-importanza kbira ta’ dan il-Konċilju u kif ir-riforma li nbdiet fil-Knisja dakinhar, minkejja l-ħafna oppożizzjoni kontriha, hija waħda rriversibbli.
Osservaturi midħla tad-diskorsi tal-Papa staqsew, “Jista’ jkun li l-Papa Franġisku huwa llum imħasseb fuq kif il-konklavi li jmiss jista’ jaffettwa dak li huwa wettaq mill-2013 ‘l hawn?”