Il-ferħ tal-ħniena ta’ Alla hu meta jkun jista’ jħaddanna miegħu mill-ġdid

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 11 ta’ Settembru 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-erbgħa u għoxrin Ħadd matul is-sena. Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba, Birkirkara.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hi grazzja kbira li nisimgħu dawn it-tliet parabboli li Ġesù jagħżel biex jispjega lill-Fariżej xi tfisser il-ħniena ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna. “Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: ‘Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom’” (Lq 15:1-2).

F’dan il-kuntest Ġesù jipprova jispjega lil dawn il-kittieba u l-Fariżej għaliex hu għażel li jilqa’ għandu lill-midinba, għaliex għażel li jiekol magħhom. Hu jagħtina tliet stejjer sbieħ li lkoll nafuhom u niftakru. L-ewwel waħda hi tar-ragħaj li jkollu 100 nagħġa, tintiliflu waħda minnhom u meta jsibha din il-waħda jagħmel festa kbira. “Ifirħu miegħi għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli” (Lq 15:6).  

L-istess ferħ jissemma fit-tieni storja li jgħidilna Ġesù, ta’ dik il-mara li kellha 10 muniti prezzjużi (drakma kienet munita prezzjuża ħafna), tintilfilha waħda u tiknes id-dar kollha u tixgħel il-musbieħ biex issibha. “Ifirħu miegħi,” tgħid, “għax sibt id-drakma li kienet intilfitli” (Lq 15:9).

Innutaw li f’dawn iż-żewġ stejjer hemm dawn l-elementi komuni: is-sens tad-dnub hu meta aħna nintilfu, nintilfu għalina nfusna, nintilfu minn xulxin, nintilfu mit-tgħanniqa ta’ Alla għax naħarbu minnha – mhux għax hu jitlaqna imma għax aħna nitilquh. Imma l-ferħ tal-ħniena ta’ Alla hu meta jkun jista’ jħaddanna miegħu mill-ġdid, meta n-nagħġa l-mitlufa jerġa’ jsibha, meta din il-munita prezzjuża terġa’ tinstab. U jagħmel festa.

Nitolbu ħafna għall-konfessuri tagħna biex il-Mulej iżejjinhom bil-għerf, bil-prudenza, bit-tjieba, bil-ħniena, bil-paċenjza. U ma niddejqux nersqu lejn il-qrar.

Forsi l-parabbola l-iżjed magħrufa li tispjega l-ħniena ta’ Alla hi dik tal-missier u ż-żewġ ulied. Il-missier li jħobbhom u li t-tnejn li huma jaqsmulu qalbu. L-ewwel wieħed għax jixtieq li missieru jmut għax jgħidlu: “Agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid” (Lq 15:12). Uħud mill-kummentaturi jgħidulna li din il-kelma tfisser: ‘iġri tmut ħa nkun nista’ nirtek’. Id-dnub ħafna drabi jġagħalna anke nixtiequ li Alla mhux biss jitwarrab imma ma jeżistix.

Il-Missier joqgħod għal din ix-xewqa pjuttost kiefra tat-tifel iż-żgħir. U jaqsam ġidu magħhom. U dan jaqbad imbagħad wara ftit jiem u jagħtiha għall-ħajja kif xtaq hu, imma l-ħajja li xtaq hu – ’il bogħod mill-imħabba ta’ missieru – twasslu fir-rovina, fil-ġuħ, fid-disprament, u fl-umiljazzjoni.

Imma t-tama ta’ dan it-tifel iż-żgħir hi li meta jaħseb f’missieru jibqa’ jsejjaħlu ‘missier’. “Il-lavranti ta’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’ u jien! Ħalli nqum u mmur għand missieri u ngħidlu: ‘ma jisħoqqlix inkun ibnek, ilqagħni almenu bħal wieħed mil-lavranti tiegħek’” (ara Lq 15:17-18). Il-missier ma jagħmilx hekk, kif nafu. Il-missier jilmaħ lill-iben ġej u joħroġ biex jilqgħu u jagħmel festa kbira. It-tielet festa li jsemmi Ġesù.

Imma t-tifel il-kbir ukoll qasamlu qalbu lill-missier għax ma fehemx il-qalb tal-missier, ma fehemx il-ħniena tal-missier. Ma riedx jidħol għall-festa ta’ ħuh. Qallu: “Jiena dejjem obdejtek, issa se nieħu sehem fil-festa ta’ dak li berbaqlek ġidek?” (ara Lq 15:29-30). U jixkiflu wkoll kif u kome. Imma l-missier lit-tifel il-kbir jgħidlu kelma, li ta’ min nikftakruha. “Ibni, kulma għandi huwa tiegħek” Donnu qed jgħidlu: ‘imma inti għandek qalbi wkoll?’ Hemm bżonn ikollok ukoll il-qalb tiegħi. “Kien hemm bżonn li nagħmlu festa u nifirħu għax dan ħuk,” dan ibni, “dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” (Lq 15:31-32). U dawn huma forsi l-Fariżej u l-kittieba li kienu jimxu skont il-Liġi. Ġesù ħafna drabi jirrepeti kemm kienu osservanti tal-Liġi imma kien jonqoshom il-qalb ta’ Alla.

San Pawl, l-Appostlu Missierna, meta jikteb lid-dixxiplu żagħżugħ tiegħu Timotju (meta kitibha din l-ittra San Pawl kien raġel xwejjaħ, kien wasal anke għall-martirju tiegħu u x’aktarx kitibha wkoll mill-ħabs ġewwa Ruma) u jitkellem dwaru nnifsu. U jgħid li hu l-ewwel wieħed mill-midinbin. Hu mod kommoventi kif tisma’ lill-Appostlu Missierna San Pawl jitkellem b’umiltà kbira u b’verità kbira fuqu nnifsu.

Imma San Pawl ma jitkellimx biss fuq il-ħniena ta’ Alla. “Minħabba f’hekk sibt il-ħniena.” Għalfejn? jistaqsi. “Mhux biss biex Alla jħenn għalija imma biex bija bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar, il-paċenzja kollha tiegħu” (1 Tim 1:16). Ta’ min niftakruha din il-ħaġa llum. San Pawl Missierna ma jitkellimx biss fuq il-ħniena ta’ Alla imma wkoll fuq il-paċenzja tiegħu. Min irid iħenn irid jagħraf jieħu paċenzja, jistenna l-kors tal-ġustizzja, fil-verità, imma wkoll jieħu paċenzja.

Iċċaħdux lill-għeżież tagħna mis-sagrament tal-griżma tal-morda li jaħfer id-dnubiet, li hu wkoll laqgħa mal-ħniena ta’ Alla.

U aħna ħafna drabi meta mmorru nqerru ngħidu: ‘issa jiena mhux għalxejn ħa mmur inqerr? Mhux dejjem l-istess?’ U inti qed tmur għand xi ħadd ma jafx? U inti qed tmur tqerr għand xi ħadd li ma jifhimx? Inti qed tmur għand Alla. Is-saċerdot midneb bħalek għandu bżonn iqerr ukoll. Ovvjament mhux iħares lejn il-mera, la l-isqof u lanqas il-qassis, jiena biex inqerr irrrid insib saċerdot jieħu paċenzja bija u nitlob lill-Mulej bl-interċessjoni tal-Madonna li mhux biss ikollu ħniena, imma anke ħafna paċenzja. Għax aħna meta mmorru nqerru, qed immorru nqerru għand saċerdot, narawh tad-demm u l-laħam u li għandu bżonn iqerr daqskemm għandna bżonn inqerru aħna, imma qed jirrappreżenta l-qawwa ta’ Alla li jħenn u jieħu paċenzja.

Nitolbu ħafna għas-saċerdoti tagħna biex kif smajna ukoll silta sabiħa mill-Appostlu Missierna, mit-tieni Ittra lil-Korintin din id-darba, aħna nkunu ministri ta’ din il-ħbiberija, ta’ din ir-rikonċiljazzjoni, ta’ din il-ħniena mal-poplu tagħna. Għalhekk nitolbu ħafna għall-konfessuri tagħna biex il-Mulej iżejjinhom bil-għerf, bil-prudenza, bit-tjieba, bil-ħniena, bil-paċenjza. U ma niddejqux nersqu lejn il-qrar.

Illum niftakru anke fil-morda tagħna b’mod speċjali dawk li minħabba nuqqas ta’ kapaċità li jikkomunikaw, forsi tgħiduli imma jqerr lanqas jista’ jitkellem? Is-sagrament tal-griżma tal-morda jaħfer ukoll id-dnubiet. Għalhekk illum nerġa’ nagħmel appell – għamiltu kemm-il darba – meta l-qraba tagħna jidħlu fl-isptarijiet u fir-residenzi tal-anzjani, il-qraba jew min qed jieħu ħsiebhom javżaw lill-ward, javżaw lill-isptar, javzaw lir-residenzi: ommi, oħti, ħija, missieri jixtiequ jirċievu s-sagramenti għax jekk aħna ma nitolbux, illum ma joffruhomlniex. Allura trid titlob inti. Iċċaħdux lill-għeżież tagħna mis-sagrament tal-griżma tal-morda li jaħfer id-dnubiet, li hu wkoll laqgħa mal-ħniena ta’ Alla.

Illum nirringrazzjaw ħafna ’l Mulej tal-ħniena tiegħu, tal-paċenzja tiegħu u nitolbuh il-grazzja li nużaw l-istess ħniena u l-istess paċenzja ma’ xulxin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 32:7-11,13-14
Salm: 50 (51):3-4,12-13,17 u 19
Qari II: 1 Tim 1:12-17
L-Evanġelju: Lq 15:1-32

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: