Knsja 2000: “Lejn Knisja Sinodali”

Print Friendly, PDF & Email

Iktar ma jkun hemm spazju għall-parteċipazzjoni fil-Knisja iktar toħroġ fid-deher is-sinodalità

Michael Caruana

“Lejn Knisja Sinodali” hu t-titlu tal-aħħar ħarġa tar-rivista ta’ kull tliet xhur, Knisja Elfejn, maħruġa mill-Patrijiet Dumnikani. F’din il-ħarġa, ir-rivista ta’ informazzjoni teoloġika li tittratta temi ta’ duttrina biblika, dommatika, morali u xjenzi umani qiegħda, permezz ta’ diversi artikli, issostni dak li qal il-Papa Franġisku li “l-mixja tas-Sinodalità hi sewwasew il-mixja li Alla jistenna mill-Knisja tat-Tielet Millenju”.

Ara: –Ħarġa nru 141 ta’ Lulju – Settembru 2022 …

Fl-editorjal tiegħu, Patri Raymond Gatt OP, jirreferi għall-ġrajja ta’ Għemmaws fil-Vanġelu ta’ San Luqa u jgħid li bħalma d-dixxipli ta’ Għemmaws qasmu l-esperjenza tagħhom ma’ Ġesù, anki fil-Knisja kulħadd hu mistieden jaqsam l-esperjenza tal-fidi fil-kommunità Nisranija.

Fis-Sinodu tal-Isqfijiet li sar dan l-aħħar l-Knisja kienet imsejħa biex il-membri kollha tagħha jisimgħu lil xulxin fi spirtu ta’ komunjoni. Ħadd m’għandu jibqa’ barra, iżda kulħadd għandu jipparteċipa fi djalogu li jibni u jsaħħaħ il-Knisja. Iktar ma jkun hemm spazju għall-parteċipazzjoni u kontribut liberu mill-membri, aktar toħroġ fid-deher is-sinodalità. U dan, isostni l-Editorjal, irid ikun proċess kontinwu fil-Knisja biex il-missjoni tagħha ta’ evanġelizzazzjoni fuq il-kmand ta’ Ġesù tkompli titwettaq f’kull rokna tad-dinja għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza.

Id-dixxipli ta’ Għemmaws għarfu lil Ġesù Rxoxt permezz tal-Ewkaristija. Dan hu l-ikel spiritwali li l-Mulej ħalla lill-Knisja tiegħu biex ikun hemm il-komunjoni bejn l-Insara. L-ikla tal-Mulej tqawwi lill-Insara li jirċevuha biex jgħixu b’mod awtentiku u kredibbli l-magħmudija tagħhom. B’hekk, ikompli l-editorjal, huma jkunu jistgħu jingħataw b’mod liberu għax-xandir tal-Evanġelju u biex is-Saltna ta’ Alla tiġi fuq l-art.

L-artikli dwar Lejn Knisja Sinodali huma ta’ Patri Joseph Agius OP, Patri Dr Martin Micallef OFM Cap, Dun Dr Jonathan Farrugia, Monsinjur Professur Hector Scerri, il-Kardinal Mario Grech, Dun Dr Kevin Schembri, Dr Dorianne Buttigieg, Dun Dr Carl-Mario Sultana, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u tal-Papa Franġisku.  

Knisja Elfejn tinbiegħ mil-librara ta’ kotba reliġjużi u mingħand il-Patrijiet Dumnikani.

%d bloggers like this: