Ġwanni Pawlu II fil-Katidral ta’ Westminster

Print Friendly, PDF & Email

VIŻTA PASTORALI FIL-GRAN BRITTANJA
QUDDIESA FIL-KATIDRAL TA’ WESTMINSTER
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Londra, 28 ta’ Mejju 1982

“Mulej, int taf kollox; taf li jiena nħobbok”

Għeżież ħuti.

1. Bi gratitudni profonda u b’imħabba niżżi ħajr lil Sidna u Feddej Ġesù Kristu li tani l-grazzja li nkun hawn fostkom illum.  Illum, għall-ewwel darba fl-istorja, Isqof ta’ Ruma qed imidd riġlejh fuq l-art tal-Ingilterra. Din l-art sabiħa, darba waħda territorju l-iktar imbiegħed tad-dinja pagana, sar, permezz tal-partiċipazzjoni tal-Vanġelu, parti għażiża u prezzjuża tal-għalqa tad-dwieli ta’ Kristu.

Din tagħkom hija tradizzjoni radikata b’mod l-iktar profond fl-istorja taċ-ċiviltà nisranija. L-irwol imwettaq mill-qaddisin tagħkom, mill-irġiel u n-nisa kbar tagħkom: it-teżori tal-letteratura u tal-mużika tagħkom; il-katidrali u l-kulleġġi tagħkom, il-patrimonju għani tal-ħajja parrokkjali tagħkom – dawn il-ħwejjeġ tagħkom jitkellmu dwar tradizzjoni ta’ fidi. U hija l-fidi ta’ missirijietkom – fidi li għadha ħajja – li jien irrid nirrendi qima b’din iż-żjara.

Jiena kuntent li nistà niċċelebra din l-Ewkaristija ma’ ħuti l-Isqfijiet li flimkien miegħi huma s-suċċessuri tal-Appostli, li dmirhom huwa li jqaddsu u jiggvernaw il-porzjon tal-Knisja afdat għall-attenzjoni pastorali tagħhom (cf. Lumen Gentium, 19).

2. Ejjew nirriflettu dwar is-sinifikat spiritwali ta’ dan il-waqt.

Kristu, “ir-ragħaj suprem” (1 Pt 5, 4), ta lil Pietru – kif smajna jixxandar fis-silta tal-Vanġelu ta’ San Ġwann – id-dmir li jwettaq lil ħutu fil-fidi u fil-missjoni pastorali: “Irgħa l-ħrief tiegħi. . . Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21, 15-16).

Jiena niġi fostkom biex inwieġeb għal dan il-għamar tal-Mulej u nwettaq il-fidi ta’ ħuti l-Isqfijiet. Niġi biex inwettaq lill-kredenti kollha li llum huma werrieta tal-fidi ta’ missirijiethom, li f’kull dijoċesi l-Isqof huwa sinjal viżibbli u sors tal-għaqda tal-Knisja. Niġi fostkom bħala sinjal viżibbli u sors ta’ għaqda għall-Knisja kollha. Niġi għas-servizz tal-għaqda fl-imħabba: fl-imħabba umli u rejalistika tas-sajjied niedem: “Mulej, int taf kollox; inti taf li nħobbok”.

Fiż-żminijiet kollha l-insara ġew f’dik il-belt fejn l-Appostli Pietru u Pawlu kienu mietu biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom u fejn ġew midfuna. Imma għal erbà sekli l-influss kostanti tal-pellegrini Ingliżi għall-qabar tal-Appostli naqas għal wieħed tassew żgħir. Ruma u Pajjiżkom tbegħdu minn xulxin. Illum l-Iaqof ta’ Ruma ġie għandkom. Niġi rejalment għas-servizz tal-għaqda fl-imħabba, imma niġi wkoll bħala ħabib, u ninsab grat profondament bil-merħba tagħkom.

Dejjem ammirajt imħabbitkom għal-libertà, l-ospitalità ġeneruża tagħkom fil-konfront ta’ popli oħra fil-waqtiet diffiċli; bħala iben il-Polonja għandi l-mottivi l-iktar profondi u l-iktar personali biex nesprimilkom din l-ammirazzjoni u r-ringrazzjament tiegħi.

3. B’dawn is-sentimenti, jiena patikolarment kuntent li nagħmel dak li Pietru għamel fil-Knisja primittiva. Se namministra dalgħodu l-Magħmudija u se nimmedita magħkom dwar is-sinifikat tagħha.

B’mod misterjuż imma reali, se jkun imtenni u mill-ġdid ippreżentat f’dan il-post ikkonsagrat dak il-waqt tal-ħajja tal-Knisja li fih, bħalma qrajna fl-Atti tal-Appostli, “Pietru qam bilwieqfa flimkien mal-Ħdax l-oħra u kellimhom b’leħen għoli” (At 2, 14) dwar il-bżonn li jkunu mgħammda u li jirċievu id-don tal-Ispirtu Santu. Konsegwentement bosta “laqgħu kelmtu” u kienu mgħammda, u dakinhar ingħaqdu mal-familja ta’ Alla l-ħaj.

4. Permezz tal-Magħmudija aħna inkorporati fi Kristu. Ejjew naċċettaw il-wegħda u l-ordnijiet tiegħu.

Is-sinifikat tal-Magħmudija jirrifletti ruħu fis-simboliżmu tar-rit sagramentali. L-ilma msawwab fuqna jitkellem dwar il-qawwa feddejja tat-tbatija ta’ Kristu, dwar il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, waqt li jaħsilna mill-wirt tad-dnub, waqt li jeħlisna mis-saltna tad-dlamijiet biex jintroduċina f’Saltna ta’ dawl u ta’ mħabba. Bil-Magħmudija aħna realment niġu mgħaddsa fil-mewt ta’ Kristu. Mgħammdin, kif jgħid San Pawl, f’mewtu – biex nirxuxtaw miegħu fil-Qawmien mill Mewt tiegħu (cf. Rm 6, 3-5). Id-dlik ta’ rasna jfisser li aħna msaħħa bil-qawwa ta’ Kristu u nsiru tempji ħajjin tal-Ispirtu Santu.

Ninsabu fil-vġili tal-Pentekoste, il-festa tal-Ispirtu Santu li jinżel fuqna fil-Magħmudija.

Waħda mis-siltiet sbieħ tal-liturġija tal-Pentekoste inkitbet minn Ingliż, Stephen Langton, Arċisqof ta’ Canterbury. F’sitt versi qosra u armonjużi huwa jsejjaħ lill-Ispirtu Santu sabiex jaħdem fina: “Aħsel dak li huwa maħmuġ. / warrab dak li huwa niexef. / Fejjaq dak li huwa mdemmi. / Ilwi dak li huwa riġidu. / Saħħan dak li huwa nġazzat. / Saħħaħ dak li tilef triqtu.

Kważi l-ħażen kollu ta’ żminijietna jew ta’ kwalunkwè żmien jistà jiġi meħud lura taħt din it-talba. Hija tirrifletti fiduċja bla tarf fil-qawwa tal-Ispirtu li tinvoka.

5. Permezz tal-Magħmudija aħna niġu nkorporati fil-Knisja. Il-ministru, il-ġenituri tagħna u l-parrini jimmarkawna bis-sinjal tas-Salib, l-istendard imkabbar ta’ Kristu, biex jixhed li hija l-assembleja kollha tal-fidili, l-komunità kollha ta’ Kristu, sabiex issostnina fil-ħajja l-ġdida tal-fidi u ta’ ubbidjenza li toħroġ mill-Magħmudija tagħna, it-twelid il-ġdid fi Kristu.

Bil-Magħmudija niġu milqugħa fil-komunità tal-fidi. Insiru parti mill-Poplu ta’ Alla pellegrin li f’kull żmien u f’kull post javanza fil-fidi lejn it-twettiq tal-“wegħda”. Huwa dmir tagħna li nsibu postna b’mod responsabbli u amorevoli maġemb dawk li, mill-bidu, kienu regolari fis-smigħ u fit-tagħlim tal-Appostli, fl-għaqda fraterna, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (At 2, 42).

6. Il-Magħmudija toħloq rabta sagramentali ta’ għaqda li torbot lil dawk kollha li huma magħqudin permezz tagħha. Imma l-Magħmudija fiha nfisha hija biss bidu, punt tat-tluq, għaliex hija totalment indirizzata lejn il-milja tal-ħajja fi Kristu  (cf. Unitatis Redintegratio, 22). Il-Magħmudija hija s-sies tal-għaqda li l-insara kollha għandhom fi Kristu: għaqda li għandna nisfurzaw biex nipperfezzjonawha. Meta nindikaw b’mod ċar il-privileġġ u d-don tan-nisrani, nistħu li mhux ilkoll kellna l-ħila li nżommu l-għaqda sħiha ta’ fidi u ta’ karità li Kristu ried għall-Knisja tiegħu.

Aħna l-imgħammdin għandna xogħol x’niżvolġu flimkien bħala aħwa fi Kristu. Id-dinja għandha bżonn lil Ġesù Kristu u lill-Vanġelu tiegħu – il-Bxara t-Tajba li Alla jħobbna, li Alla l-Iben twieled, kien mislub u miet għas-salvazzjoni tagħna, hu qam mill-imwiet u aħna qomna mill-imwiet miegħu, u li fil-Magħmudija immarkana bis-siġill tal-Ispirtu għall-ewwel darba, għaqqadna flimkien f’komunità ta’ mħabba u ta’ xhieda tal-verità tiegħu.

Dawn huma ħsibijieti waqt li ninsabu miġburin hawn biex niċċelebraw is-sagrament tal-Magħmudija f’dan il-post storiku. Din il-Knisja meraviljuża li fiha qegħdin niltaqgħu hija simbolu tal-fidi u l-enerġija tal-komunità kattolika Ingliża fiż-żminijiet moderni. L-arkitettura tiegħu hija mhix tas-soltu għal dan il-Pajjiż: tqanqal tifkiriet ta’ partijiet oħra tad-dinja kristjana, tfakkarna l-universalità tagħna. Għada se nkun milqugħ fil-Katidral ferm iktar antik ta’ Canterbury fejn Santu Wistin, mibgħut mill-predeċessur tiegħi San Girgor, bena għall-ewwel darba Knisja ċkejkna li tagħha għadhom jikkonservaw is-sisien. Hawn kollox tassew jitkellem dwar tradizzjonijiet antiki komuni, li lesti biex jissaħħu flimkien f’dawn iż-żminijiet moderni. Irrid nitkellem ukoll f’din il-perspettiva – biex nilmenta dwar il-qasma eżistenti għal tant żmien bejn insara, biex nisma bil-ferħ it-talba u l-għamar tal-Mulej sabiex inkunu ħaġa waħda, biex niżżih ħajr għal dik l-ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu li mlietna bix-xewqa li nwarrbu fil-ġemb il-qsim tagħna u naspiraw għal xhieda komuni ta’ Sidna u Salvatur. Ix-xewqa profonda tiegħi, it-tama imħeġġa u talba hija li ż-żjara tiegħi tkun tistà sservi l-kawża tal-għaqda tal-insara.

7. Irrid infakkar aspett ieħor tal-Magħmudija li forsi huwa dak familjari għalina iktar. Fil-Magħmudija jiġi lilna mogħti isem – insejħulu isimna nisrani. Skont it-tradizzjoni tal-Knisja huwa l-isem ta’ qaddis, l-isem ta’ wieħed mill-eroj fost id-dixxipli ta’ Kristu – appostlu, martri, fundatur ta’ Ordni reliġjuż bħal San Benedittu li l-irħieb tiegħu waqqfu l-Abbazija viċina ta’ Westminster, li fiha jiġu nkurunati l-Irjali tagħkom. Il-fatt li nassumu isem ifakkarna li se niġu milqugħa fix-Xirka tal-Qaddisin, u li fl-istess ħin jiġu ppreżentati lilna mudelli kbar ta’ ħajja nisranija. Londra hija bi dritt titkabbar b’żewġ qaddisin, bnedmin kbar ukoll fl-għajnejn tad-dinja, bnedmin li taw kontribut lill-patrimonju nazzjonali tagħkom: John Fisher u Thomas More.

John Fisher, studjuż ta’ Cambridge u figura ta’ skular tar-Rinaxximent, sar Isqof ta’ Rochester. Huwa hu eżempju għall-Isqfijiet kollha għall-lejaltà tiegħu lejn il-fidi u għad-dedikazzjoni tiegħu lejn il-persuni tad-dijoċesi tiegħu b’mod speċjali lejn il-foqra u l-morda. Thomas More kien mudell ta’ lajk li għex il-Vanġelu fil-milja tiegħu. Kien studjuż kbir li għanel unur lill-professjoni tiegħu, raġel miżżewweġ u missier, umli fiż-żninijiet ta’ prosperità, qalbieni biex jiffaċċja l-isfidi, iddotat b’umoriżmu u ta’ spiritwalità profonda. Flimkien servew lil Alla u lil pajjiżhom – Isqof u lajk. Flimkien mietu vittmi ta’ epoka ta’ niket. Illum ilkoll għandna il-grazzja li nistgħu inxandru l-kobor tagħhom u niżżu ħajr lil Alla li ta rġiel bħal dawn lill-Ingilterra.

F’din l-Ingilterra ta’ persuni kbar u ġenerużi, ħadd ma jagħti tort lill-Komunità kattolika li tkun imkabbra bl-istorja tagħha. Insemmi mela fl-aħħar nisrani ieħor, inqas famuż imma jixraqlu unur. L-Isqof Richard Challoner iggwida l-kattoliċi ta’ dan id-distrett ta’ Londra fit-tmintax-il seklu, meta xortihom dehret li ftit li xejn tagħti lok għat-tama. Kienu ftit. Kellhom ftit prospetti li setgħu jibqgħu ħajjin. Bdanakollu l-Isqof Challoner għolla b’mod qalbieni leħnu biex iħabbar futur aħjar għall-poplu tiegħu. Illum, żewġ sekli wara, għandi l-privileġġ li nsib ruħi hawn u li nkellimkom mhux diġa bi spirtu trijonfalistiku imma bħala ħabib, grat minħabba l-merħba tagħkom ta’ korteżija u mimli mħabba lejn kulħadd.

Il-qlubija tal-Isqof Challoner għandha tfakkar lilna lkoll fejn tinsab iż-żerriegħa tal-qlubija, minfejn tiġi l-fiduċja.  Huwa mill-ilma u l-Ispirtu Santu li jitwieled Poplu Ġdid, ikunu kemm jistgħu jkunu mdallma ż-żminijiet.

8. Kif ifakkarna l-qari tal-Profeta Eżekjiel, huwa l-Mulej innifsu li huwa r-ragħaj veru ta’ dan il-Poplu Ġdid. Huwa stess jieħu n-nagħaġ tiegħu fil-mergħa. Jurihom fejn jistrieħu: “Bħall ma ragħaj jifli l-merħla tiegħu . . . hekk jien ngħodd in-nagħaġ tiegħi. Niġborhom mill-postijiet kollha fejn kienu mferrxa fil-jiem imsaħħba u mċajpra . . . Inmur infittex n-nagħġa mitlufa u nġib lura fil-maqjel lil dik li tifet triqtha. Ninfaxxa lil dik feruta u nirrendi b’saħħitha lil dik dgħajfa” ( 34, 12.16).

Jalla dawk minna li llum se jġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, bħal dawk li se jkunu mgħammda, jgħajtu biex jgħollu t-talb tagħhom lil Missierhom ċelesti permezz ta’ Ġesù Kristu Ibnu, Sidna:
“Int Ragħaj ta’ Iżrael, ismà . . . / O Mulej, ejja għinna . . .  / Alla tal-Eżerċti,, dur, / ħares mis-sema u ara. “Żur din l-għalqa tad-dwieli / u pproteġiha, l-għalqa tad-dwieli li l-leminija tiegħek ħawlet . . . /Minnek ma nitbegħdu qatt iktar, / inti għejjixna u aħna nsejħu ismek”.  (Sal 79 [80], 2-3.15-16.19). Hekk Ikun.

Għeżież ħuti, waqt li nkomplu niċċelebraw il-misteri tal-fidi, ma nistgħux ninsew li għaddej konflitt armat.

Aħwa fi Kristu jinsabu jikkumbattu fi gwerra li tqiegħed fil-periklu l-paċi fid-dinja.

Fit-talb tagħna ejjew niftakru fil-vittmi taż-żewġ naħat ejjew nitolbu għall-mejtin – biex ikunu jistgħu jistrieħu fi Kristu –, għall-feruti u għall-familji kollha milquta. Nitlobkom biex tingħaqdu miegħi f’kull pass taż-żjara pastorali tiegħi, waqt li titolbu għal soluzzjoni paċifika tal-konflitt, waqt li titolbu biex Alla tal-paċi juri lill-qalb tal-bnedmin biex jerħulha u biex isegwu t-triq tad-djalogu fratern.

B’qalbna kollha ejjew induru lejn Ġesù, prinċep tal-paċi.

Maqlub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: