Il-Ħamis
Qari I
Agħmlu l-qalb lil xulxin, sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum”.
Lhud 3, 7-14
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, kif jgħid l-Ispirtu s-Santu: “Jekk illum tisimgħu leħnu, la twebbsux qalbkom bħal f’jum l-irvell, jum it-tiġrib fid-deżert, fejn ġarrbuni missirijietkom biex jippruvawni, u raw kulma għamilt jien tul erbgħin sena. Għalhekk jien stmerrejtha lil din il-ġenerazzjoni u għedt: Dawn dejjem mitlufin f’qalbhom; huma ma għarfux triqati. Hekk ħlift waqt il-korla tiegħi: Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi”.
Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqas ta’ twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj. Imma agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum, sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum”, biex ħadd minnkom ma jiġġarraf mid-dnub u jwebbes qalbu. Għax aħna għandna sehem fi Kristu, jekk inżommu sħiħa sal-aħħar it-tama li kellna fil-bidu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 94 (95), 6-7.8-9.10-11
R/. (8): Isimgħu leħen il-Mulej: la twebbsux qalbkom
Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem
il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u
n-nagħaġ tiegħu. R/.
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt. R/.
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;
u jien għedt: “Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux”.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi”. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 4, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna
u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-lebbra marritlu u ġismu ndaf.
Mk 1, 40-45
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!”. Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”. U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda”.
Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu