Qari tat-Tnejn tat-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn

QARI I
Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata.

Lhud 5:1-10

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, kull qassis il-kbir meħud minn fost il-bnedmin, hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, biex joffri doni u sagrifiċċji għad-dnubiet. Hu dak li jista’ jagħder ’il dawk li ma jafux u li jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħufija; u minħabba f’hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu wkoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu.

Ħadd m’għandu jieħu b’idejh dal-ġieħ għalih innifsu, imma biss min hu msejjaħ minn Alla, sewwasew kif kien imsejjaħ Aron. Għax hekk ukoll Kristu ma tax lilu nnifsu l-ġieħ li jkun il-qassis il-kbir, imma dan tahulu Alla, li qallu: “Ibni int; illum jien nissiltek”. U kif jgħid ukoll band’oħra: “Int qassis għal dejjem skond l-ordni ta’ Melkisedek”.

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu, wara li Alla għamlu l-qassis il-kbir skont l-ordni ta’ Melkisedek.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 109(110):1,2,3,4

R/. (4bċ): Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek.

Il-kelma tal-Mulej lil Sidi:
“Oqgħod fuq leminti,
sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek
mirfes taħt riġlejk”. R/.

Ix-xettru tal-qawwa tiegħek
jibgħat il-Mulej minn Sijon:
aħkem f’nofs l-għedewwa tiegħek. R/.

Tiegħek is-setgħa sa minn twelidek
fuq l-għoljiet imqaddsa,
sa minn qabel is-sebħ
bħan-nida jien nissiltek. R/.

Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobbx bih:
“Inti qassis għal dejjem bħal Melkisedek”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lhud 4:12

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,
tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
L-għarus qiegħed magħhom.

Mk 2:18-22

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

Darba waħda d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej kienu sajmin, u ġew u qalu lil Ġesù: “Għaliex id-dixxipli ta’ Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”. Qalilhom Ġesù: “Huwa l-ħbieb tal-għarus se jsumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Sakemm ikollhom l-għarus magħhom mhumiex se jsumu. Imma jasal il-jum meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu dakinhar.

Ħadd ma jraqqa’ mantar qadim b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa l-ġdida ssellet il-qadim, u t-tiċrita tikber. U ħadd ma jqiegħed l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid jifqa’ d-damiġġani, u jintilef kemm l-inbid u kemm id-damiġġani. Iżda nbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: