Qari tat-Tnejn tas-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn

Qari I

L-għerf kien maħluq qabel kollox.

Sir 1, 1-10

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

L-għerf kollu ġej mill-Mulej,

u qiegħed miegħu għal dejjem.

Ramel il-baħar, qtar ix-xita,

u jiem l-eternità, min jista’ jgħoddhom?

L-għoli tas-smewwiet, il-wisa’ tal-art,

l-abbiss, u l-għerf, min jista’ jiflihom?

L-għerf kien maħluq qabel kollox,

u l-għarfien bil-għaqal kien minn dejjem.

Għajn ta’ għerf hi kelmet Alla fl-għoli tas-smewwiet,

u triqatu huma l-kmandamenti ta’ dejjem.

Il-bidu tal-għerf lil min ġie mgħarraf,

u l-għeġubijiet tiegħu min jafhom?

Lil min intwera tagħlim l-għerf?

U min fehem il-kotra ta’ triqatu?

Wieħed hu għaref;

u hu ta’ biża’ kbir meta joqgħod fuq it-tron tiegħu, il-Mulej.

Il-Mulej innifsu ħalaq l-għerf,

rah u qiesu,

u xerrdu fuq dak kollu li għamel.

L-għerf qiegħed ma’ kull bniedem skont id-don tiegħu,

u qassmu lil dawk li jħobbuh.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 92 (93), 1ab.1ċ-2.5

R/. (1a): Il-Mulej isaltan, il-kobor libes

Il-Mulej isaltan, il-kobor libes,

libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa. R/.

Iżomm sħiħa d-dinja, qatt ma titħarrek.

Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;

minn dejjem ta’ dejjem int. R/.

Il-kmandamenti tiegħek ta’ min joqgħod fuqhom;

qdusija lil darek tixraq, Mulej,

sakemm itul iż-żmien. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Jiena nemmen. Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.

Mk 9, 14-29

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù, Pietru, Ġakbu u Ġwanni, niżlu minn fuq il-muntanja u ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b’kotra kbira ta’ nies madwarhom, u xi kittieba jitlewmu magħhom.

In-nies, kif rawh, ilkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu. U hu staqsiehom: “Fuqiex qegħdin titlewmu magħhom?”. U wieħed mill-kotra qallu: “Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem. U kull fejn jaħkmu jsabbtu mal-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila”. Qalilhom Ġesù: “Ja nies bla fidi! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi”. U ressquhulu quddiemu.

L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbtu ’l hawn u ’l hemm bir-ragħwa f’ħalqu. “Xi kemm ilu jagħtih hekk?”, staqsa Ġesù lil missieru. Qallu: “Minn ċkunitu, u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina”. Qallu Ġesù: “Jekk tista’! Kollox jista’ jkun għal min jemmen”. Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!”

Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: “Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed”. U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: “Miet”. Imma Ġesù qabdu minn idu u qajmu, u hu waqaf fuq saqajh.

Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: “Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?”. Qalilhom: “Spirtu bħal dak, ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: