Qari tat-Tlieta tas-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta

Qari I

Ħejji ruħek għat-tiġrib.

Sir 2, 1-13 (gr. 1-11)

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

Ibni, jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej

ħejji ruħek għat-tiġrib.

Kun sinċier f’qalbek u żomm sħiħ,

biex ma tinfixilx fi żmien l-għawġ.

Ingħaqad miegħu u titilqux,

u tikber fil-ġieħ fi tmiem ħajtek.

Kulma jiġi fuqek ilqgħu,

u żomm sħiħ fit-tibdil li jumiljak.

Għax id-deheb jippruvawh fin-nar,

u n-nies magħżula fil-forn tal-umiljazzjoni.

Afda fil-Mulej u jieqaf miegħek,

żomm triqatek dritti u ittama fih.

Intom li tibżgħu mill-Mulej, stennew ħnientu,

u toħorġux mit-triq li ma tmorrux taqgħu.

Intom li tibżgħu mill-Mulej, afdaw fih,

u ma jonqoskomx il-ħlas tagħkom.

Intom li tibżgħu mill-Mulej, ittamaw fi ħwejjeġ tajba,

fl-hena ta’ dejjem u fil-ħniena.

Ħarsu lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ dari u araw:

min qatt ittama fil-Mulej u kellu għax jistħi?

Jew min żamm fil-biża’ tiegħu, u l-Mulej ħallieh waħdu?

Jew min sejjaħlu, u l-Mulej ma tax kasu?

Għax il-Mulej tiġih ħasra u jħenn,

jaħfer id-dnubiet u jsalva fi żmien l-għawġ.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 36 (37), 3-4.18-19.27-28.39-40

R/. (5): Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek

Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb;

għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ;

qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek,

u jagħtik dak li tixtieq qalbek. R/.

Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin,

u wirthom jibqa’ għal dejjem.

Ma jitfixklux f’siegħa ħażina,

u jixbgħu fi żmien il-ġuħ. R/.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,

biex tibqa’ tgħammar għal dejjem.

Għax il-Mulej iħobb is-sewwa,

u ma jitlaqx it-twajbin tiegħu. R/.

Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej;

hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.

Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena,

isalvahom għax fih jistkennu. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Gal 6, 14

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar

jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu,

li bih id-dinja hi msallba għalija,

u jien għad-dinja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin.

Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu jkun qaddej ta’ kulħadd.

Mk 9, 30-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli għaddew minn nofs il-Galilija, u hu ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.

Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.

U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: