Is-Sibt
QARI I
Aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.
Atti 4:13-21
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, il-kapijiet tal-Lhud u x-xjuħ u l-kittieba, meta raw il-kuraġġ li bih Pietru u Ġwanni kienu tkellmu, baqgħu mistagħġba bihom, għax kienu jafu kemm dawn kienu nies sempliċi u bla tagħlim, u fehmu sewwa li kienu nies ta’ madwar Ġesù; imma meta raw ir-raġel li kien imfejjaq, wieqaf hemm ħdejhom, ma kellhom ħila jwieġbu xejn.
Imbagħad ġagħluhom joħorġu barra mis-Sinedriju, qagħdu jitħaddtu bejniethom u bdew jgħidu: “X’se nagħmlu bihom dawn in-nies? Għax in-nies kollha ta’ Ġerusalemm jafu li dan il-miraklu sar permezz tagħhom; u dan aħna ma nistgħux niċħduh. Imma, biex dan ma jixteridx aktar fost il-poplu, ejjew nhedduhom biex ma jsemmu dan l-isem ma’ ħadd iżjed”.
Għalhekk reġgħu sejħulhom, u ordnawlhom biex b’ebda mod ma jitkellmu jew jgħallmu fl-isem ta’ Ġesù. Imma Pietru u Ġwanni weġbuhom: “Għidulna intom jekk hux sewwa quddiem Alla li aħna nisimgħu aktar minnkom milli minn Alla; għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna”.
Imbagħad reġgħu hedduhom u telquhom, għaliex minħabba l-poplu ma għarfux kif jaqbdu jikkastigawhom, għax kulħadd kien qiegħed jagħti glorja lil Alla għal dak li ġara.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 117(118):1,14-15,16ab-18,19-21
R/. (21a): Niżżik ħajr, Mulej, talli weġibtni.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej;
hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.
Għajat ta’ ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin:
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila! R/.
Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.
Ħaqarni tassew il-Mulej,
iżda ma telaqnix għall-mewt. R/.
Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja;
ħa nidħol minnhom u rrodd ħajr lill-Mulej.
Dan hu bieb il-Mulej;
il-ġusti jidħlu minnu.
Niżżik ħajr talli weġibtni
u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi. R/.
SEKWENZA (FAKULTATTIVA)
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 117(118):24
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju.
Mk 16:9-15
Qari mill-Evanġelju skond San Mark
Wara li qam mill-mewt filgħodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù deher l-ewwel lil Marija ta’ Magdala, li minnha kien keċċa seba’ xjaten. Din marret tħabbar kollox lil sħabu, li kienu qalbhom sewda u jibku. Imma dawn, meta semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, ma emmnuhiex. Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba’. U huma reġgħu lura u taw l-aħbar lill-oħrajn, imma anqas lil dawn ma emmnuhom.
Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt. U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.