It-Tnejn, 3 ta’ Ottubru 2022: Omelija mill-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex fiċ-Ċelebrazzjoni tat-trabi li ma tweldux. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.
[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-trabi-li-ma-tweldux-it-tnejn-3-ta-ottubru-2022?si=4b7eaba97fe040a2bff3cda9c63d472b&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]
Omelija mill-Isqof Mons. Anton Teuma
Kultant kemm ikun diffiċli illi nħossuha din il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb (Lq 10:25-37)! Ħafna drabi aħna naħsbu li hawnhekk Ġesù qiegħed jitlobna biex inġibu ħniena, biex inħobbu, biex inħennu għal dawk li huma fil-bżonn. Imma mhux dan l-iskop prinċipali tal-parabbola. Din il-parabbola tkellimna dwar kemm iħobbna Alla.
Dak ir-raġel li waqa’ f’idejn il-ħallelin huwa jien, huwa int, huwa kull wieħed u waħda minna. Dak is-Samaritan huwa Ġesù li niżel minn fuq il-bhima tiegħu: niżel mill-għoli tas-Sema u ġie fostna, tħammeġ fit-trab, bil-feriti, bid-demm, bil-materja, b’dak kollu li hu tbatija umana, biex jerfa’ lilna.
Imma din l-esperjenza tkun diffiċli ħafna meta ngħaddu mit-tbatija aħna. Nibdew ngħidulu: ‘Imma int fejn int?’. Tkun iebsa biex ngħixuha, biex inħossuha verament, b’mod speċjali dik it-tbatija marbuta mat-telfa tal-ħajja. Ikun hemm diffikultà biex nittrattaw magħha u għandna bżonn naċċettawha. L-ewwel punt li nixtieq inwassal illejla u li joħroġ mill-Vanġelu huwa li t-tbatija hija parti mill-ħajja tagħna. Aħna l-bnedmin b’xorti ħażina ngħixu bl-illużjoni li fil-ħajja m’għandux ikun hemm tbatija. Din l-illużjoni, jekk issir konvinzjoni, jekk issir fissazzjoni, iġġegħilna nbatu ħafna aktar, meta aħna nimmaġinaw illi l-ħajja tagħna għandha tkun mingħajr tbatija.
Għaliex il-Vanġelu jgħallimna bil-maqlub? Għax Ġesù nnifsu tgħabba bit-tbatija tal-bniedem. Allura Ġesù ma ġiex biex jeħles lill-bniedem mit-tbatija, imma ġie biex jgħidilna li fit-tbatija qiegħed hemm hu biex jgħinna nittrattaw mat-tbatija. Imma jekk infittxu f’Ġesù lil xi ħadd li jeħlisna mit-tbatija, inkunu ħabbatna bieb b’ieħor, inkunu żbaljajna l-ħanut… inkunu rridu nixtru xi ħaġa li Ġesù m’għandux. Tgħiduli: ‘Għax m’għandux?’. Għax fil-pjan tiegħu għamel li t-tbatija tagħmel parti mill-ħajja tal-bniedem sakemm il-bniedem jasal biex jiltaqa’ miegħu fil-glorja, fil-ħajja ta’ dejjem.
Issa meta jkun hemm telfa, normalment joħorġu żewġ emozzjonijiet qawwijin: it-telfa tista’ tinbidel ħafna drabi f’sens ta’ ħtija, u hemmhekk irridu noqogħdu ħafna attenti. Sens ta’ ħtija ta’ xi stajt għamilt u m’għamiltux, x’kelli nagħmel u m’għamiltux. Is-sens ta’ ħtija jkissirna, u Alla ma jridx illi aħna ngħixu fis-sens ta’ ħtija. Tant ma jridx illi kontinwament jirrepeti biex nagħmlu esperjenza ta’ maħfra, kontinwament jgħidilna: ‘Le, inti maħbub. Inti għandek valur, għandek dinjità’. Imma ħafna drabi l-vojt tat-telfa jinbidel f’sens ta’ ħtija mingħajr ma nindunaw.
Dan biżżejjed tkun qed tistenna telefonata mingħand xi ħadd u tgħaddi kwarta u ma jċempillikx, tgħaddi nofsiegħa u ma jċempillikx. Wara siegħa tibda tgħid: ‘Imma tgħid għamiltlu jew għamiltilha xi ħaġa?’. Innota kif il-vojt, in-nuqqas ta’ telefonata nbidel f’sens ta’ ħtija f’kemm trodd salib. Il-vojt, in-nuqqas mill-ewwel iġiegħlek taħseb li għamilt xi ħaġa ħażina. Irridu niġġildulha din, għax is-sens ta’ ħtija ma jagħmel ġid lil ħadd. Saħansitra anki meta niżbaljaw, nagħmlu d-dnub, Alla ma jridx li nibqgħu fis-sens tal-ħtija. Dan huwa l-bidu ta’ xi ħaġa aktar sabiħa, tal-indiema.
Sentiment ieħor li joħroġ mal-vojt huwa r-rabja. Ħafna drabi l-vojt idur fuq dawn it-tliet sentimenti: is-sens ta’ telfa, il-ħtija u r-rabja. U nibda nirrabja għal dak u għal dik. Nirrabja forsi għat-tobba għax ma qalulix, jew forsi għar-raġel jew forsi għall-mara, jew għal ommi, u kultant nibda nirrabja għalija nnifsi wkoll. Imma l-istess, ir-rabja ma twassal imkien. Ir-rabja hija frott it-telfa, frott dan il-vojt li aħna nħossu. Huma modi differenti ta’ kif mingħalija nipprova nevita t-tbatija.
Allura kif nistgħu nevitawha din it-tbatija? Jekk ir-rabja mhix tajba, ma tgħinniex, jekk is-sens ta’ ħtija mhux tajjeb, ma jgħinniex, mela liema hu l-aħjar mod? Kif iridna Ġesù naffrontaw din it-tbatija? Qabelxejn ngħidilkom li Alla ma jiħux għalih meta nirrabjaw għalih, anzi xi darba jkun hemm bżonn li nesprimu r-rabja tagħna miegħu. Xi darba meta tirrabja ma’ persuna tifhem xi ħaġa oħra minnha. Meta tirrabja ma’ persuna tidħol f’relazzjoni aktar intima magħha. Xi darba jkun hemm bżonn tagħna (mhux ta’ Alla) illi nħallu r-rabja toħroġ, anki lejn Alla. Dan għamluh il-profeti u diversi nies fl-Iskrittura. Ma jimpurtax. Dan bħal meta t-tifel jew tifla tiegħek, jew ħuk jew oħtok, għax għandhom kunfidenza miegħek, jaffordjaw li jirrabjaw għalik għax jafu li mhux ser jitilfuk, jafu li inti ser tibqa’ tħobbhom anki jekk tirrabja għalihom. U dan huwa Alla tagħna: jaffordja li aħna nirrabjaw għalih. Hu mod ta’ kif nitolbu, mod ta’ kif nibqgħu f’komunikazzjoni miegħu. L-importanti li nibqgħu f’komunikazzjoni miegħu, li ma naqtgħux. Anki t-talb ta’ rabja huwa talb, huwa komunikazzjoni ma’ Alla.
Kieku kelli niġbor, fi ftit kliem, mod ta’ kif naffrontaw it-tbatijiet tagħna, l-ewwel u qabel kollox irridu naċċettaw li t-tbatija tagħmel parti mill-ħajja tagħna. M’hemmx tbatija akbar mit-telfa ta’ iben jew ta’ bint. Din hija realtà li rridu naċċettaw, naffrontaw u naffaċċjaw. Jien qed nagħmel dawn ir-riflessjonijiet f’kuntest ta’ xi ħadd li qed jagħtina lil Ibnu, li qed joffri lil Ibnu. Din hija l-Ewkaristija: il-Missier jagħtina lil Ibnu: “Ħudu u kulu, dan hu ġismi… Ħudu u ixorbu, dan hu demmi”. Tgħiduli: ‘Imma dak Alla u aħna bnedmin!’. Iva, għandkom raġun: dak Alla u aħna bnedmin. Il-Mulej ma jixtieqx li aħna nibqgħu mwaħħlin fit-tbatija, fit-telfa. It-telfa ser tibqa’, u tibqa’ matul il-ħajja kollha tagħna, tant illi jitkellmu fuq ‘qabel’ u ‘wara’. It-telfa tibqa’, imma allaħares tibqa’ l-iktar ħaġa ċentrali ta’ ħajjitna. Hawn irridu nagħmlu l-isforz tagħna. Dan jiddependi miż-żmien li nkunu fih. Jekk tkun xi ħaġa friska, mod, jekk hi xi ħaġa li ilha, mod ieħor. Imma jekk it-telfa tibqa’ fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna, naħseb li nkunu qegħdin nikkastigaw lilna nfusna, ikun mod ta’ kif inkomplu fit-tul insawtu lilna nfusna. Kważi kważi, ikun mod ta’ kif nissufragaw, kif nissodisfaw is-sens ta’ ħtija li nkunu nġorru. Nittama li qed niftiehem! Kważi kważi, jien ikkundannat li nbati ħajti kollha minħabba xi ħaġa li ġratli. Kważi kważi, qed nikkastiga lili nnifsi u ma rridx noħroġ minnha. B’xorti ħażina, din tiġri.
Il-Mulej jitlobna li ma tibqax it-telfa fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna. Sintendi, skont iż-żmien u skont is-saħħa fiżika, psikika u s-saħħa tar-relazzjoni li jkun hemm bejnietna. Allura żgur li l-Mulej ma jixtieqx li t-telfa tibqa’ fiċ-ċentru. X’jixtieq iżjed il-Mulej meta ngħaddu minn mumenti iebsa bħal dawn? Jixtieq li noqogħdu ħafna attenti biex nieħdu ħsieb xulxin, ir-relazzjoni tal-koppja. Allaħares qatt, fit-tbatija, telfa, salib bħal dan, ideffes denbu x-xitan bejn din il-koppja. Narawha tiġri, b’xorti ħażina. Wieħed jibda jwaħħal fl-ieħor jew wieħed ma jibqax jiflaħ għat-tgergir, għall-ilmenti, għall-biki tal-persuna l-oħra. Irridu noqogħdu ħafna attenti biex nissapportjaw ħafna lil xulxin. Alla jixtieqna li nkunu blokk ma’ xulxin dejjem, imma b’mod speċjali fid-diffikultà.
Ejja nitolbuh lill-Mulej biex jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn. U jekk nista’ nikkonkludi b’xi ħaġa oħra li nħossha mhix soluzzjoni ta’ mument, imma hija soluzzjoni ta’ ħajja, hija li lkoll kemm aħna nibqgħu fil-formazzjoni. Ilbieraħ smajna fl-Ittra Pastorali kemm il-Kelma ta’ Alla hija importanti f’ħajjitna. Għandna bżonn nisimgħuha l-Kelma ta’ Alla li tagħti dawl fuq il-ġrajjiet, fuq l-istorja ta’ ħajjitna, anki fuq dawn id-diffikultajiet. Alla mhux ’il bogħod mis-salib tagħna, mill-problemi tagħna. Tant mhux ’il bogħod li tgħabba bih hu stess, affrontah hu stess. Allura jista’ jagħtina d-dawl tiegħu fis-sitwazzjonijiet li ngħixu, anki dawk l-aktar koroh u iebsa. Naf li mhux dejjem tfarraġna, imma anki Alla tilef lil Ibnu għalina!