Media għas-servizz tal-bniedem

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 3 ta’ Ottubru 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-30 sena tar-Radju tal-Knisja u fl-10 snin tan-Newsbook. Knisja Sarria, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

L-istorja tas-Samaritan it-Tajjeb, li jgħid Ġesù fl-Evanġelju llum, hija storja qawwija u li tmur għall-qalba tal-ħajja tagħna Nisranija. Hija storja li Ġesù biha wieġeb il-mistoqsija li għamillu wieħed għaref tal-liġi wara li kien semma li l-qofol tal-liġi hu li tħobb lil Alla u li tħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek. Il-mistoqsija kienet: “Il-proxxmu tiegħi min hu?”(Lq 10:29)

Bidel il-mistoqsija

X’għamel Ġesù? Proprjament ma weġbux għal din il-mistoqsija imma bidilhielu. Meta tistaqsi “Il-proxxmu tiegħi min hu?”, aktarx f’moħħok għandek il-ħsieb li hemm min hu proxxmu u hemm min ma jikkwalifikax għal proxxmu. Imma Ġesù jgħinu biex jibdel il-mistoqsija, u jagħmel mistoqsija differenti, flok “il-proxxmu tiegħi min hu?”: jien kif se nġib ruħi ta’ proxxmu mal-oħrajn? Hawn ma hemmx distinzjoni; dawk kollha li huma fil-bżonn isejħuli biex jien inkun proxxmu magħhom.

Is-Samaritan li waqaf biex jgħin lil dak ir-raġel li waqa’ f’idejn il-ħallelin u spiċċa vittma tagħhom hekk għamel. Li kieku staqsa d-domanda “il-proxxmu tiegħi min hu?”, aktarx li dak ir-raġel ma kienx jikkwalifika għax ma kienx tal-istess razza. Imma hu ġab ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li kien mixħut għal mejjet. Ma baqax indifferenti bħat-tnejn l-oħra. Waqaf mill-vjaġġ tiegħu, ħareġ barra minn triqtu, ta l-ewwel għajnuna, u kompla sal-aħħar mar-raġel anke meta rreferih għand min jista’ jieħu ħsiebu aħjar, għand tal-lukanda. Is-Samaritan salva l-ħajja tal-persuna mixħuta maġenb it-triq.  Kienet esperjenza ta’ viċinanza, kompassjoni u tenerezza.

Gratitudni u apprezzament

Dan il-messaġġ ta’ Ġesù li jgħodd għalina individwali bħala Nsara jgħodd ukoll għall-Knisja bħala l-poplu ta’ Alla flimkien, u għal diversi realtajiet fi ħdan il-Knisja. Illum qed nirringrazzjaw lil Alla għat-tletin sena mit-twaqqif tar-Radju tal-Knisja – dak iż-żmien RTK u llum 103 Malta’s Heart – u l-għaxar snin mill-bidu ta’ Newsbook. Tant sar ġid tul is-snin! Nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant nies li ħadmu tul is-snin u li taw il-kontribut tagħhom b’dedikazzjoni u b’ġenerożità. Ta’ dan aħna grati ħafna u nuru l-apprezzament tagħna.

L-istorja turina li dak li mexxa l-ħidma tar-Radju u ta’ Newsbook tul is-snin kien essenzjalment l-istess spirtu tas-Samaritan it-Tajjeb. Wieġbu għall-mistoqsija: jien kif nista’ nkun proxxmu llum? B’liema mod nista’ nkun viċin tal-bniedem, u speċjalment tal-bniedem li jkun għaddej minn tbatija, li jispiċċa vittma, li jeħtieġ kura u attenzjoni?

Favur il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem

Nafu li essenzjalment il-media tal-Knisja mhijiex qiegħda hemm biex tipproteġi l-ewwel l-organizzazzjoni tal-Knisja, tiddefendiha, u tmexxi ’l quddiem l-interessi tal-organizzazzjoni. Nixtieq nikkwota mid-dokument Il-Wiċċ Diġitali tal-Mulej, li kien ħareġ ftit snin wara s-Sinodu Djoċesan u ħareġ biex jagħti direzzjoni lill-media tal-Knisja: “Il-Knisja għandha tħabrek biex l-ewwel għan tal-organizzazzjonijiet tal-media tagħha jkun is-servizz tal-bniedem, imbagħad il-ħtiġiet tal-istituzzjoni. It-tixrid tal-Aħbar it-Tajba, wara kollox, hu servizz għall-bniedem” (13). Hija media li l-interess tagħha hu l-bniedem, il-protezzjoni tal-ħajja tiegħu jew tagħha, il-promozzjoni tad-dinjità tal-bniedem, u dak kollu li jgħin biex ikollna soċjetà aktar umana. Għalhekk l-ispirtu tal-media tal-Knisja hu dak tas-Samaritan it-Tajjeb.

Fl-Enċiklika tiegħu Fratelli tutti 64, il-Papa Franġisku jgħid: “Jeħtieġ nagħrfu t-tentazzjoni li għandna madwarna li ma nagħtux każ tal-oħrajn, speċjalment tal-iżjed dgħajfa. Ejjew ngħiduha kif inhi, kbirna f’tant aspetti imma bqajna analfabeti f’li nsieħbu, nikkuraw u nwieżnu lill-iżjed dgħajfa tas-soċjetajiet żviluppati tagħna. Drajna ndawru wiċċna n-naħa l-oħra, ngħaddu minn maġenb dak li jkun, ninjoraw is-sitwazzjonijiet sakemm dawn ma jmissuniex fil-laħam il-ħaj”. Il-Papa kien qed jikkumenta fuq il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb.

Dawl Nisrani fuq il-ġrajja

Radju 103 Malta’s Heart u Newsbook għarfu dan ir-rwol uniku li għandhom li jitfgħu dawl Nisrani fuq il-ġrajja. Hu l-etos Nisrani li hu ta’ ispirazzjoni kontinwa fid-direzzjoni u fl-għażliet, fi djalogu wkoll ma’ min għandu perspettivi differenti, u f’kollaborazzjoni ma’ min għandu viżjoni simili dwar id-dinjità tal-bniedem, il-ġid komuni universali, u t-tqassim ġust tal-ġid u riżorsi oħrajn. Għalhekk ta’ min iħeġġeġ l-impenn tagħkom ta’ dawk kollha involuti fir-Radju u fin-Newsbook.

Inħeġġiġkom biex tkunu – qed nikkwota mill-viżjoni, l-għan u l-missjoni tal-Beacon Media Group – “l-aktar pjattaforma tal-aħbarijiet li ssemma’ leħinha favur il-mixi ’l quddiem tal-familja, tad-dritt tal-ħajja u d-dinjita ta’ kull persuna, speċjalment min hu vulnerabbli” (3b). Tkunu wkoll “il-pjattaforma li tappoġġja inizjattivi favur il-pjaneta tagħna, li hi d-dar komuni tagħna, u favur id-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri” (3g) B’hekk tkunu mezz effettiv ta’ komunikazzjoni f’isem Knisja li sservi lil Alla billi taqdi lill-umanità (3h).

Il-vuċi ta’ min ma għandux vuċi

Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ storja sabiħa tal-media tal-Knisja li ma baqgħetx indifferenti għal dak li kien qed jiġri fis-soċjetà imma ħadmet bis-sħiħ, u qed tkompli taħdem bis-sħiħ, għall-verità, għall-ġustizzja, għall-onesta, għat-trasparenza, għad-difiża ta’ min hu vittma, u biex tikkonfronta sitwazzjonijiet ta’ abbuż, ta’ inġustizzja, ta’ serq, ta’ korruzzjoni, tal-qerda tal-ħolqien, u tat-tkasbir tad-drittijiet tal-bniedem. U tagħmel dan, bħalma għamlet tul is-snin, anke meta hu skomdu.

Aħna u nħarsu ’l quddiem, illum nitolbu lil Alla biex ikompli jgħin lilkom ilkoll impenjati fil-media tal-Knisja, u b’mod partikulari fir-Radju 103 Malta’s Heart u fi Newsbook. Għas-snin li ġejjin tkomplu tiftakru f’din l-istorja tas-Samaritan it-Tajjeb. Komplu kunu l-vuċi ta’ min ma għandux vuċi, ta’ min jispiċċa vittma, ta’ min hu vulnerabbli. Agħtu prominenza lil tant stejjer ta’ persuni llum – stejjer ta’ tbatija imma wkoll stejjer ta’ impenn u ta’ ġenerożità bħal tas-Samaritan it-Tajjeb, li l-Knisja f’Malta hija għanja bihom kuljum. Kemm hi sabiħa meta aħna niftħu għajnejna għal dak li qed iseħħ illum fil-Knisja u fis-soċjetà minn tant nies, fis-skiet, bl-istess spirtu tas-Samaritan it-Tajjeb! Kemm hu importanti li aħna nwasslu dawn l-istejjer lis-soċjetà Maltija llum!

Inħeġġiġkom biex tagħtu l-kontribut tagħkom għal strateġija ħolistika ta’ komunikazzjoni għall-Knisja f’Malta. Fil-ħidma tagħkom li hi tant ta’ ġid għas-soċjetà Maltija, żommu dejjem l-għożża tal-ħajja u l-protezzjoni tal-ħajja f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil sat-tmiem naturali, bħala dik li tmexxikom u li tispirakom f’din il-ħidma hekk siewja tagħkom. Awguri mill-qalb għas-snin li ġejjin. Ad multos annos!

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju                                                                                                                     

Leave a Reply

%d bloggers like this: