Qari I
Ħejju t-triq għall-Mulej.
Is 40, 1-5.9-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi
– jgħid Alla tagħkom.
Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha
li ntemm il-jasar tagħha,
tħallset ħżunitha,
ħadet mingħand il-Mulej
darbtejn għal dnubietha kollha”.
Leħen jgħajjat:
“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,
wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.
Jintradam kull wied,
u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;
kull art imħattba titwitta,
kull art imħarbta ssir maqgħad.
U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,
u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,
għax fomm il-Mulej tkellem”.
Itla’ fuq il-muntanja għolja,
int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon;
għolli leħnek bil-qawwa kollha,
int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;
għajjat, la tibżax.
Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:
“Hawn hu Alla tagħkom!
Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa,
u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.
Hawn hu bi ħlasu miegħu,
u r-rebħa tiegħu quddiemu.
Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;
bi driegħu jiġmagħha,
u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;
u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 84 (85), 8-9ab.10-14
R/. (8): Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek,
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina
Ħa nisma’ xi jgħid Alla;
il-Mulej is-sliem ixandar,
għall-poplu u l-ħbieb tiegħu.
Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu
għal dawk li jibżgħu minnu,
biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.
It-tjieba u l-fedeltà jiltaqgħu,
il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.
Il-fedeltà mill-art tinbet,
u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.
Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,
u artna tagħti l-frott tagħha.
Il-ġustizzja quddiemu timxi,
u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.
Qari II
Nistennew li jiġu smewwiet ġodda u art ġdida.
2 Piet 3, 8-14
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Ħuti għeżież, dan għandkom tkunu tafu: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed. Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma, li kulħadd jersaq għall-indiema.
Jasal, tabilħaqq, Jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b’kull ma fiha tkun maħruqa min-nar.
Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum ta’ Alla. Hu minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar. Imma aħna, skont il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.
Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 3, 4.6
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu:
u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Mk 1,1-8
Bidu tal-Evanġelju skont San Mark
Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.
Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.
Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu