Ftuħ uffiċjali tas-sena tal-formazzjoni 2022-2023 fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ottubru, Tifkira tal-Madonna tar-Rużarju, sar il-ftuħ uffiċjali tas-sena tal-formazzjoni 2022-2023 fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Fis-6.00pm saret laqgħa għal-letturi kollha li jgħallmu fis-Seminarju flimkien mal-formators u mal-Isqof. Matul il-laqgħa saret riflessjoni fuq l-isfidi attwali marbuta mal-formazzjoni intellettwali u dawk preżenti ddiskutew diversi aspetti dwar it-tagħlim tal-filosofija u t-teoloġija.

Fl-intervent tiegħu r-Rettur Dun Richard N. Farrugia, filwaqt li apprezza l-impenn ta’ kull membru tal-istaff, stieden lill-korp doċenti sabiex jilqa’ s-sejħa li l-Pjan Pastorali tad-Djoċesi qiegħed jagħmel dwar iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja, u jsib modi kreattivi ta’ kif tabilħaqq din l-importanza titwassal fil-mod kif ngħallmu u nixprunaw ir-riflessjoni tal-istudenti fil-korsijiet tagħna.

L-Isqof Anton Teuma, min-naħa tiegħu, ukoll esprima l-apprezzament għall-ħidma li titwettaq b’risq il-formazzjoni tas-seminaristi u saħaq li meta kull lettur jagħmel l-impenn tiegħu bis-serjetà, dan ukoll jissarraf f’ħidma vokazzjonali siewja. Hu qal li l-formazzjoni trid tħejji seminaristi li jkunu s-saċerdoti ta’ għada u dan fost l-oħrajn jitlob li niffurmaw seminaristi li kapaċi jgħixu flimkien u jaħdmu flimkien, li jkunu flessibbli għad-diversi ħidmiet li għad titlob minnhom il-Knisja, li ma jinkwetawx tant bis-suċċess jew l-insuċċess tan-numri fl-inizjattivi personali, imma pjuttost ikunu persuni attenti għall-individwi li jiltaqgħu magħhom.

Fis-7.00pm, imbagħad, l-Isqof flimkien mal-formators u l-lekċerers ingħaqdu mas-seminaristi, mal-familji tagħhom, mal-Aħwa Ħbieb tas-Seminarju, mas-Sorijiet u mal-voluntiera u ħaddiema għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-Kappella. Fl-omelija tiegħu, l-Isqof irrifletta fuq il-qari tal-ġurnata u sejjaħ lis-seminaristi – u lis-saċerdoti preżenti – sabiex ikunu mhux biss esperti ta’ Alla iżda wkoll esperti tal-bnedmin. Dawn iż-żewġ aspetti huma marbutin flimkien, għax kif il-bniedem ma jistax jgħaddi mingħajr Alla, hekk Alla ma jistax jgħaddi mingħajr il-bniedem tant li Kristu nnifsu sar bniedem. Dan jitlob mis-saċerdot li jkun bniedem li jkollu rabta intima ma’ Alla u rabta intima ma’ ħutu l-bnedmin. Id-dinja tal-lum teħtieġ li jkollha dan l-espert tal-umanità u tad-divinità u m’għandniex naħsbu li s-saċerdozju ministerjali huwa xi ħaġa irrilevanti jew dekadenti għaż-żminijiet tagħna. Fl-aħħar nett, l-Isqof stieden lis-seminaristi sabiex ifittxu l-essenzjal tas-saċerdozju proprju f’din il-missjoni li jgħinu tassew lill-bnedmin billi jagħtuhom dak li l-aktar għandhom bżonn: lil Alla. Hekk biss il-bniedem jista’ jkun tassew bniedem u allura liberu.

Wara ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kien hemm mumenti konvivjali fir-Refettorju tas-Seminarju.

Il-komunità tas-Seminarju ta’ Għawdex hi din is-sena ffurmata minn tmien seminaristi u djaknu, li tnejn minnhom jinsabu jagħmlu s-sena intermedjarja fl-Italja u fil-Gwatemala. F’nofs Ottubru kien hemm ukoll żewġ żgħażagħ li bdew is-Sena Propedewtika.

Il-Poplu ta’ Alla hu mħeġġeġ sabiex ikompli jakkumpanja lis-seminaristi bit-talb tiegħu għalihom u għal aktar vokazzjonijiet.

Leave a Reply

%d bloggers like this: