Jekk tixtieq ġabra sħiħa tal-interventi kif ukoll album ta’ tifkiriet u ritratti marbuta maż-żjara storika tal-Papa Franġisku f’Ta’ Pinu f’April li għadda, ma għandekx titlef l-aħħar ħarġa tar-Rivista Madonna Ta’ Pinu maħruġa mis-Santwarju tagħha f’Għawdex. Din ir-rivista, li hija l-leħen ippubblikat tas-Santwarju, issa qabżet il-200 ħarġa tagħha, u barra li tiddokumenta aħbarijiet marbutin miegħu, toffri wkoll ħafna qari tajjeb ta’ natura Marjana u Marjoloġika.
Kif jinnota fil-messaġġ tiegħu Dun Gerard Buhagiar, Rettur u Editur, din il-ħarġa hi waħda speċjali wkoll għax tfakkar il-100 anniversarju mill-mewt ta’ Karmni Grima, ix-xebba Għawdxija li semgħet leħen il-Madonna mill-kwadru tagħha f’dan il-post għażiż.
Barra li jispikka l-għadd kbir ta’ ritratti bil-kulur miż-Żjara tal-Papa, forsi l-aktar test importanti f’din il-ħarġa jibqa’ dak tal-omelija ta’ Franġisku waqt iċ-ċelebrazzjoni fuq iz-Zuntier, li fiha fakkar kif “f’dan l-imkien, qabel il-binja mill-isbaħ li naraw illum, kien hemm kappella ċkejkna mitluqa. Kienu ħasbu biex iwaqqgħuha: donnu kien it-tmiem ta’ kollox. Imma serje ta’ ġrajjiet bidlu d-direzzjoni tal-istorja… Dik il-knisja ċkejkna saret is-Santwarju nazzjonali, destinazzjoni għall-pellegrini u għajn ta’ ħajja ġdida”.
Ta’ Pinu deher ukoll fil-midalja kommemorattiva taż-Żjara maħruġa mill-Vatikan, kif ukoll fil-kartolina kommemorattiva bit-timbru tal-ġurnata maħruġ minn Maltapost, it-tnejn iddokumentati f’din il-ħarġa.
Ir-rivista toħroġ ukoll mill-kxiexen tal-Arkivju tas-Santwarju materjal interessanti għall-qarrejja li jixħet iktar dawl fuq l-istorja ta’ Ta’ Pinu. Din id-darba, bix-xieraq, insibu “Prietka ta’ Mons. Ġużeppi Portelli fl-okkażjoni tat-Trasport tal-Ġisem ta’ Karmni Grima għaxar snin wara mewtha”.
Int tista’ ġġedded jew tabbona billi tibgħat id-dettalji tiegħek flimkien mal-ħlas lill-Editur, Santwarju Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb GRB 1704, Għawdex (tel: 21556187). Minħabba miżuri ġodda maħruġin mill-Bank Ċentrali ma jistgħux jinħarġu ċekkijiet ta’ €20 jew inqas. Għalhekk biex tkun tista’ ġġedded l-abbonament tista’ tikkunsidra li tħallas b’ċekk għal sentejn bl-ammont ta’ €30.