“Tħallu lil ħadd lura”, hija t-tema tal-Jum Dinji tal-Ikel, immarkat fis-16 ta’ Ottubru 2022. F’mesaġġ lid-Direttur tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltua (FAO) tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Papa Franġisku rrimarka li din it-tema toħloq sfidi, b’mod partikolari llum, hekk kif “sfortunatament, qed ngħixu wkoll f’kuntest ta’ gwerra, li nistgħu nsejħulha: ‘t-tielet gwerra dinjija’”.
Fakkar li l-osservanza sseħħ hekk l-aġenzija tan-Nazzjonijiet tfakkar is-77 sena minn mindu twaqqfet biex twieġeb għall-bżonnijiet ta’ tant nies maħkuma mill-faqar u l-ġuħ fil-kuntest tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Fid-dawl tal-kuntest attwali, nnota l-Papa, l-Jum Dinji li jsejjaħ għal “Produzzjoni aħjar, nutrizzjoni aħjar, ambjent aħjar u ħajja aħjar għal kulħadd”, mhux se jkun possibbli li jiġu indirizzati l-ħafna kriżijiet li jolqtu lill-umanità “jekk aħna ma naħdmux u ma nimxux flimkien, u ma nħallu lil ħadd lura”.
“Dan jeħtieġ, l-ewwelnett, li naraw lill-oħrajn bħala ħutna, bħala membri li jiffurmaw il-familja umana tagħna stess, u li t-tbatijiet u l-bżonnijiet tagħhom jolqtu lilna lkoll”.
“Jekk membru wieħed ibati, l-oħrajn kollha jbatu miegħu,” qal, waqt li kkwota mill-Evanġelju.
Il-Qdusija Tiegħu kompla jsemmi l-importanza tal-qafas strateġiku tal-organizzazzjoni għall-għaxar snin li ġejjin li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-qerda sħiħa tal-ġuħ u l-malnutrizzjoni. Proġetti u interventi, qal, m’għandhomx ikunu sempliċiment reazzjoni għal nuqqasijiet ċirkostanzjali jew appelli li jsiru f’kuntesti ta’ emerġenza, iżda jridu jimmiraw għal soluzzjonijiet ġusti u dejjiema.
“Jeħtieġ li tiġi mtennija l-urġenza li tiġi indirizzata l-problema tal-faqar, li hija marbuta mill-qrib man-nuqqas ta’ nutrizzjoni adegwata, flimkien u fil-livelli kollha”.
Il-Qdusija Tiegħu stieden lil dawk kollha impenjati fil-koperazzjoni internazzjonali biex qatt ma jitilfu l-fatt li “l-assi ta’ kull strateġija huma n-nies, bi stejjer u uċuħ konrkreti, li jgħixu f’postijiet partikolari; mhux numri, data jew statistika bla tarf”.
Introduċu “l-kategorija tal-imħabba” fil-lingwa tal-kooperazzjoni internazzjonali, huwa qal:
“Libsu r-relazzjonijiet internazzjonali bl-umanità u s-solidarjetà, billi ssegwu l-ġid komuni”.
“Aħna msejħin nerġgħu nidderiġu l-ħarsa tagħna l-essenzjali,” spjega l-Papa Franġisku, “lejn dak li ngħatalna b’mod ħieles, niffukaw il-ħidma tagħna fuq li nieħdu ħsieb l-oħrajn u l-ħolqien”.
Il-Papa temm il-messaġġ tiegħu indirizzat lil Qu Dongyu filwaqt li jafferma mill-ġdid l-impenn tas-Santa Sede u l-Knisja Kattolika “biex nimxu flimkien mal-FAO u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi l-oħra li jaħdmu f’isem il-foqra”. Dan nagħmluh, qal, “billi npoġġu l-fraternità, l-armonija u l-kollaborazzjoni reċiproka l-ewwel, sabiex niskopru orizzonti li jġibu benefiċċju ġenwin lid-dinja, mhux biss għal-lum, iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri”.
Fl-aħħar, il-Papa Franġisku, talab lil Mulej għal din l-intenzjoni.
“Nafu li kull ħlejqa tirċievi l-għajxien minn idu u li Hu jbierek b’mod abbundanti lil dawk li jaqsmu l-ħobż ma’ min hu bil-ġuħ”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-10/pope-message-fao-world-food-day.html