Il-ħajja tal-bniedem hi tant prezzjuża

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 24 ta’ Ottubru 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tat-tletin ġimgħa ta’ matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Bdiet tfaħħar lil Alla” (Lq 13:13). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa llum fuq din il-mara li kienet ilha tmintax-il sena sħaħ marida, u li fis-sinagoga ltaqgħet ma’ Ġesù. Hawnhekk l-Evanġelju jgħid li kienet anke milwija ħafna, lanqas setgħet toqgħod dritta. Itaqgħet ma’ Ġesù, u hu sejħilha. U Ġesù qiegħed idejh fuqha u fejjaqha. Naqraw fl-Evanġelju: “minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla” (Lq 13:13).

Din l-mara fis-sinagoga sabet lil Ġesù dak li jeħlisha u jagħtiha ħajja ġdida, u li jagħmel  dan bil-qawwa ta’ Alla. Hi kienet semgħet lil Ġesù jgħallem fis-sinagoga, imma mbagħad kellha din l-esperjenza personali ta’ Ġesù, li lilha fejjaqha bil-qawwa ta’ Alla. Hi għarfet li din ma kinetx sempliċiment għax dan kien bniedem li jagħmel l-għeġubijiet, imma li għamel dan bil-qawwa ta’ Alla. Għalhekk hi bdiet tfaħħar lil Alla, u setgħet tgħid l-istess kliem ta’ Marija fll-Magnificat: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej…Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:46.49)

Fis-sinagoga kien hemm divers nies li wkoll “ferħu” (Lq 13:17) meta raw dawn l-għeġubijiet ta’ Ġesù. Imma kien hemm bniedem, li kien il-kap tas-sinagoga, li flok feraħ, irrabja. L-Evanġelju jgħid li kellu “saħna fuqu” (Lq 13:14) tant irrabja. Jekk mara tkun ilha daqshekk tbati u tfiq, ma tifraħx? Kif flok tifraħ, tirrabja?

Jagħtina r-raġuni hu stess, il-kap tas-sinagoga: irrabja għax il-fejqan sar f’Jum is-Sibt. Fil-fatt lin-nies jgħidilhom: ejjew il-ġranet l-oħra biex tfiqu, imma mhux f’Jum is-Sibt. Għax għalih, u għall-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien, is-Sibt kienu jqisuh bħala Jum qaddis, Jum il-Mulej, u marbuta mas-Sibt kien hemm  ħafna regolamenti dwar dak li għandek tagħmel u, aktar, dwar dak li ma għandekx tagħmel biex tħares dan il-jum. Imma li ġara kien li fil-ħerqa biex iħarsu dawn ir-regolamenti, insew l-iktar ħaġa essenzjali. U għalhekk Ġesù kemm-il darba jikkritikahom fuq hekk – għax din ma kinetx l-ewwel darba li ħaduha kontrieh għax fejjaq f’Jum is-Sibt – u jikkritikahom proprju għaliex tilfu l-aktar ħaġa essenzjali. Ġesù darba minnhom ġabar din f’sentenza. Qal: “Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt” (Mk 2:27).

Meta tqis kollox, u tiftakar li s-Sibt huwa jum qaddis għax huwa Jum il-Mulej, dan huwa l-Mulej li hu sid il-ħajja, li jagħti l-ħajja, li jgħożż il-ħajja, li jrid il-ġid lill-bniedem. Għalhekk, l-ewwel ħaġa tiġi proprju l-ħarsien tal-ħajja u l-għożża tal-ħajja. Meta tagħmel xi ħaġa – bħalma hu l-fejqan ta’ din il-mara – li tagħti l-ħajja mill-ġdid, din hi ċelebrazzjoni tal-Mulej, ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Mulej, mhux xi ħaġa li ma għandhiex issir għax huwa Jum il-Mulej! Ġesù jgħallimna hawnhekk kemm hu importanti li aħna l-ewwel inqiegħdu l-ħarsien u l-għożża tal-ħajja. Meta ngħid hekk, qed ngħid ta’ kulħadd: tfal, żgħażagħ, adulti, anzjani. Imma wkoll l-għożża tal-ħajja ta’ min għadu ma twiledx, u hemm diġa ħajja umana. Aħna ma nagħmlux differenza, meta hemm ħajja umana: din tiswa, u din ma tiswiex; din prezzjuża u din mhijiex. Kull ħajja umana hi prezzjuża, għandha tiġi mħarsa, għandha tiġi milqugħa b’għożża. Dak hu li jgħallimna Ġesù hawnhekk – din l-imħabba kbira tiegħu lejn din il-mara meta taha ħajja ġdida.

Għalhekk dan hu li nitgħallmu b’mod speċjali mill-ġrajja tal-lum. Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna dejjem ikollna f’fommna dak il-kliem li kellha dil-mara, kliem ta’ tifħir lil Alla, tifħir għal dak kollu li jagħmel magħna. Nitolbuh ukoll biex dejjem niftakru li hu jagħtina l-ħajja, iridilna l-ġid, u jridna ngħożżu u nħarsu l-ħajja. Nitolbuh biex f’ħajjitna nagħmlu ħilitna biex inħarsu u ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju                     

%d bloggers like this: