Il-Papa Franġisku: “Is-saċerdoti għandhom ikunu qrib in-nies”

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn sar djalogu twil fis-Sala Pawlu VI bejn il-Papa Franġisku u s-seminaristi u qassisin li qed jistudjaw f’Ruma. Tul il-laqgħa, l-Papa ġie mistoqsi għaxar mistoqsijiet.

Meta wieġeb għal mistoqisja dwar il-konkretezza tal-ħniena, l-Papa stqarr li hemm bżonn li nitgħallmu l-lingwaġġ tal-ġesti li nesprimu l-qrubija u t-tenerezza. Dan jgħodd ukoll meta tingħata omelija, qal. “Ħallu l-espressjoni tkun kompluta”. L-Papa Franġisku tkellem dwar tliet lingwi li jiżvelaw “il-maturità ta’ persuna: l-lingwa tar-ras, il-lingwa tal-qalb, u l-lingwa tal-idejn” u ħeġġiġhom biex jitgħallmu jesprimu ruħhom f’dawn it-tliet lingwi, “li jien naħseb dak li nħoss u nagħmel, li tħoss dak li taħseb u nagħmel, u li nagħmel dak li nħoss u naħseb”.

Mistoqsija oħra kienet dik li kif wieħed jgħix is-saċerdozju mingħajr ma jitlef dik ir-“riħa tan-nagħaġ”. Il-Papa Franġisku wieġeb li anke jekk wieħed ikun impenjat fl-istudji jew fil-ħidma Kurjali “mportanti li jżomm kuntatt man-nies, mal-poplu fidil ta’ Alla, għax hemm id-dilka tal-poplu ta’ Alla: li huma nagħaġ”.

“Billi titlef ir-riħa tan-nagħaġ, billi titbiegħed minnhom, tista’ tkun teorista, teologu tajjeb, filosfu tajjeb, uffiċjal tal-Kurja tajjeb, li tagħmel tajjeb ħafna l-affarijiet kollha” imma tkun tlift “il-ħila li xxomm lin-nagħaġ”. Imbagħad il-Papa tenna dak li jsejjaħ il-prinċipju tal-erba’ “qrubija” tas-saċerdoti: qrubija ma’ Alla permezz tat-talb, qrubija mal-isqof, qrubija ma’ qassisin oħra, u qrubija mal-poplu ta’ Alla: “jekk ma jkunx hemm qrubija mal-poplu ta’ Alla, m’intix saċerdot tajjeb”.

Il-Papa mbagħad tkellem dwar saċerdoti li jgħixu s-saċerdozju bħallikieku kien xogħol, b’sigħat stabbiliti; saċerdoti uffiċjali, li jfittxu t-trankwillità. “Is-saċerdozju huwa servizz sagru lil Alla”, spjega l-Papa, “li s-servizz tiegħu l-Ewkaristija huwa l-ogħla grad, huwa servizz lill-komunità”. Mbagħad indirizza s-suġġett tal-“qassisin li jixxabbtu”, dawk li għandhom l-għan li jagħmlu karriera għalihom infushom, u stedinhom jieqfu: “Ix-xabbatur, fl-aħħar mill-aħħar, traditur, mhux qaddej. Ifittex dak li hu tiegħu u mbagħad ma jagħmel xejn għall-oħrajn”.

Fid-djalogu wiesa’ żvillupat fis-Sala Pawlu VI, il-Papa Franġisku enfasizza wkoll l-importanza tad-direzzjoni spiritwali – filwaqt li nnota, madankollu, huwa jippreferi t-terminu “akkumpanjament spiritwali” – li mhux obbligatorju iżda jgħin fil-vjaġġ tal-ħajja, u li huwa tajjeb li tafda f’idejn persuna li ma tkunx il-konfessur.

Il-Qdusija Tiegħu saħaq li l-importanza hu li dawn huma żewġ rwoli separati. “Tmur għand il-konfessur biex jaħfirlek dnubietek. Tmur għand id-direttur spiritwali biex tgħidlu l-affarijiet li jkunu għaddejjin f’qalbek, l-emozzjonijiet spiritwali, l-ferħ, ir-rabja, u x’inhu jiġri ġewwa fik”. Importanti li tkun akkumpanjat, li tagħraf li trid tkun akkumpanjat, li “tiċċara l-affarijiet”, li tagħraf li għandek bżonn min jgħinek tifhem l-emozzjonijiet spiritwali tiegħek, qal il-Papa.

Mistqosija oħra kienet dwar id-djalogu bejn ix-xjenza u l-fidi; l-Papa qabel xejn stieden lis-saċerdoti biex ikunu miftuħa għall-mistoqsijiet tal-istudjużi u l-ansjetajiet tan-nies u tal-istudenti universitarji, jisimgħu, u jżommu dejjem attitudni pożittiva, miftuħa, u attitudni umli.

“Li tkun umli, li jkollok fidi ma jfissirx li jkollok tweġiba għal kollox”, qal il-Papa. “Dak il-metodu ta’ difiża tal-fidi m’għadux jaħdem, huwa metodu anakronistiku… Li jkollok il-fidi, li jkollok il-grazzja temmen f’Ġesù kristu huwa li tkun fit-triq”, spjega. L-Papa rrakkomanda wkoll li dejjem jinżamm id-djalogu miftuħ max-xjenza, anke jekk wieħed m’għandux tweġibiet, u jekk xejn, li l-persuna li għaliha ma setax iwieġeb iressaqha lejn min jista’ joffri aktar kjarifika. D-djalogu jgħid: “Ma nistax nispjegalek dan, imma trid tmur għand dawn ix-xjentisti, għand dawn in-nies li forsi jgħinuk”, qal il-Papa.

Meta wieġeb għal mistoqsija oħra, l-Papa ddeskriva l-ħajja bħala “żbilanċ kontinwu”, għax tfisser li timxi fost ħafna diffikultajiet, taqa’, u terġa’ tqum. Huwa ħeġġeġ lill-udjenza tiegħu biex ma tibżax mill-waqgħat u biex jagħrfu, minflok, f’tali żbilanċ ta’ kuljum, għax “fl-iżbilanċ, hemm mozzjonijiet ta’ Alla li jistiednuk għal xi ħaġa, għax-xewqa li tagħmel il-ġid”. “Li tkun taf tgħix fl-iżbilanċ” iwassal għal “ekwilibriju differenti”, “ekwilibriju dinamiku” mmexxi minn Alla.

Waqt il-laqgħa mas-saċerdoti u s-seminaristi, l-Papa tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni tiegħu mat-teknoloġija u l-iskumdità tiegħu mal-għodod diġitali moderni. Irrakkonta kif, bħala rigal, irċieva mowbajl malli ġie ordnat isqof fl-Arġentina, użah għat-telefonata waħda ma’ oħtu, u mill-ewwel reġa’ tah lura.

“Mhijiex id-dinja tiegħi, imma tridu tużawhom”, qal lil dawk preżenti, għalkemm b’kawtela. L-Papa Franġisku enfasizza l-perikli tal-internet, bħall-pornografija diġitali, li tippreżenta tentazzjoni għal ħafna, inkluż reliġjużi. “Dgħajjef lir-ruħ. Ix-xitan jidħol minn hemm: idgħajjef il-qalb saċerdotali”, wissa l-Papa.

Meta wieġeb lil qassis Ukren, il-Papa qal li l-Knisja, bħala omm, tbati quddiem il-gwerer “għax il-gwerer huma l-qerda tal-ulied”. Il-Knisja, kompla l-Papa, “għandha tbati, tibki u titlob. Trid tassisti lin-nies li kellhom konsegwenzi ħżiena, li tilfu djarhom, jew feriti tal-gwerra, imwiet… Il-Knisja hija omm, u lir-rwol tagħha l-ewwelnett huwa l-qrubija lejn in-nies li qed ibatu”.

Filwaqt li ndirizza ruħu direttament lill-qassis żagħżugħ li kien saqsih il-mistoqsija, l-Papa temm jgħid: “Intom bħala poplu qed tbatu ħafna, naf, jien qiegħed qrib tagħkom. Imma itlob għall-aggressuri, għax huma vittmi bħalkom. Ma tistax taraw il-ġrieħi f’ruħhom, imma itlob, itlob li l-Mulej jikkonvertihom u b’hekk tiġi l-paċi”.  

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-10/pope-francis-question-and-answer-seminarians-in-rome.html

%d bloggers like this: