Ma għażilx nies perfetti

Il-Ġimgħa, 28 ta’ Ottubru 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Festa ta’ San Xmun u San Ġuda, Appostli. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Għadda l-lejl fit-talb lil Alla” (Lq 6:12). Dan hu li naqraw illum fl-Evanġelju skont San Luqa fuq Ġesù, li tela’ fuq l-għoljiet waħdu, u għamel ħin twil hemmhekk jitlob. Ma kinetx l-unika darba li Ġesù mar waħdu biex jitlob. San Luqa jgħidilna fl-Evanġelju tiegħu fuq l-importanza tat-talb għal Ġesù, u fuq kif Ġesù kien ukoll għallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu. Imma din iċ-ċirkustanza kienet speċjali, għax wara dak il-ħin ta’ talb, meta sebaħ, l-ewwel ma għamel Ġesù hu li sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu.

Għaliex sejħilhom? Biex minnhom jagħżel tnax, u jagħmilhom appostli tiegħu. Fl-Evanġelju llum għandna l-ismijiet ta’ dawn it-tnax – għażilhom Ġesù u tahom din il-missjoni speċjali: li jkunu appostli tiegħu. Imbagħad għandna dik ix-xena sabiħa meta Ġesù flimkien mat-tnax jinżlu fil-wita, u hemmhekk ikun hemm “kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies” (Lq 6:17). Hemmhekk dawn it-tnax setgħu jifhmu l-missjoni tagħhom għax raw dak li kien qed jagħmel u jgħid Ġesù. Fehmu li l-missjoni tagħhom hija l-ewwel li jitolbu – ħin twil ta’ talb – imbagħad li jgħallmu, li jaħdmu għall-fejqan tan-nies, li jagħmlu l-ġid, speċjalment jaħdmu fost dawk li għaddejjin minn tbatija.

Ħa nħarsu ftit lejn dawn it-tnax li għażel Ġesù. Kienu nies speċjali, imlaħħqin, fost il-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien? Le, Ġesù ma għażilx nies mill-mexxejja reliġjużi jew nies li kellhom xi kariga speċjali, imma għażel nies mill-ħajja ordinarja. Kienu nies perfetti, qaddisin, ma hemm xejn x’tgħid fuqhom? Le, Ġesù ma għażilx nies perfetti biex ikunu appostli; aħna nafu bin-nuqqasjiet u d-dnubiet tagħhom f’ċirkustanzi diversi fl-Evanġelju, imma speċjalment fil-mument meta Ġesù kien fuq is-salib, meta kollha ħlief wieħed ħarbu. U fost dawn it-tnax, wieħed, Ġuda, ittradih u Pietru –  il-kap tal-Knisja – ċaħdu.  L-Evanġelju jfakkarna f’dawn in-nuqqasijiet u d-dnubiet tal-appostli, mhux jipprova jgħattilhom.

X’jurina dan kollu? Għaliex Ġesù għażel lil dawn it-tnax? Mur ifhmu! L-għażla tiegħu. Imma żgur li l-għażla tiegħu turina li meta aħna nħarsu lejn il-Knisja, ma għandniex nippretendu li se nsibu nies perfetti, nies mingħajr nuqqasijiet. Hekk kienet mill-bidu l-komunità li waqqaf Ġesù.  Aħna lkoll midinbin, salvati minn Ġesù, u neħtieġu kontinwament dan it-tiġdid li jġib Ġesù f’ħajjitna. Hekk nibdew il-quddiesa: dejjem nibdewha b’talba ta’ maħfra. U aħna s-saċerdoti nirrepetu kontinwament talbiet ta’ maħfra fil-quddiesa, anke meta ngħiduhom minn taħt l-ilsien. Per eżempju, waqt l-Offertorju, meta naħsel idejja ngħid: “Naddafni, Mulej, minn ħtijieti, u d-dnub tiegħi neħħili”. Għandna bżonn aħna li Alla kontinwament isaffina min-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħna. Aħna midinbin salvati minn Ġesù.

X’naraw fil-ħajja tal-appostli? Li naraw huwa li huma ħallew lil Ġesù jibdilhom, jittrasformahom. Minbarra Ġuda, l-appostli l-oħra kollha ħallew lil Ġesù jagħtihom l-Ispirtu tiegħu u fil-fatt, meta bagħat fuqhom l-Ispirtu s-Santu, ġab bidla fihom. Minn nies li jibżgħu saru nies ta’ kuraġġ; minn nies f’qoxorthom, saru nies li jħabbru l-Evanġelju li Ġesù huwa ħaj.  Hekk baqgħu. Baqgħu konxji tan-nuqqasijiet tagħhom u d-dnubiet tagħhom, imma jafu li salvati minn Ġesu li jagħmilhom xhieda tiegħu. Baqgħu hekk sal-aħħar. Fil-fatt, ħafna mill-appostli mietu martri, mietu jagħtu xhieda ta’ Ġesù sal-aħħar. Dan hu messaġġ importanti għalina lkoll; għal dawk li huma suċċessuri tal-appostli – għall-Isqfijiet – imma wkoll għall-Knisja kollha. Biex aħna niftakru li aħna midinbin li neħtieġu lil Ġesù biex isalvana, biex kontinwament isaffina u jgħinna biex nagħtu xhieda tiegħu fid-dinja. Din hi s-sejħa li jagħmel lilna lkoll. Min qed jippretendi li fil-Knisja jsib nies perfetti se jibqa’ diżappuntat. Mhux hekk kienet l-għażla ta’ Ġesù nnifsu.

Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna nagħrfu din il-missjoni li Ġesù ta lill-appostli. Fil-festa ta’ San Xmun u San Ġuda, tnejn mill-appostli, nitolbu għas-suċċessuri tal-appostli, għall-Isqfijiet, biex ikunu xhieda ta’ Ġesù fid-dinja tal-lum. U nitolbu għall-Knisja kollha biex nagħrfu l-missjoni li tana Alla. Huwa hu li jsalvana, bil-qawwa tiegħu li nistgħu naqdu din il-missjoni, u nkunu qalbna miftuħa għalih biex permezz tagħna jasal għand ħafna nies oħra.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju                                         

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading